Id-Djarju ta' Anna Frank - Kelmtejn qabel
Dan il-komik, jew kif insejħulu llum il-ġurnata rakkont grafiku, kont fassaltu fuq talba tal-Laboratorju tal-Paċi fl-1983. Hawnhekk tistgħu tarawh f'verżjoni aġġornata.
Ir-rakkont grafiku mhuwiex taqsira tad-djarju nnifsu ta' Anna Frank. Minflok, jirrakkonta l-istorja tal-Familja Frank, kif Anna kitbet id-djarju u x'sar minnu wara tmiem il-gwerra.
Hemm ħafna raġunijiet għalfejn iddeċidejt li nżid dan ix-xogħol fil-Librerija ta' Kotba fil-But. Mill-1983 'l hawn instab tagħrif ġdid dwar l-istorja tal-Familja Frank. Ftit ġimgħat ilu xi kollegi wrew interess fil-verżjoni oriġinali tal-komik, u kien hemm kummenti ta' aprezzament dwaru fuq Facebook. Barra minn hekk, din is-sena ħabtet eżatt l-erbgħin sena mill-pubblikazzjoni tiegħu.
Għaldaqstant ħsibt li nagħtih ħajja ġdida, f'aktar minn mod wieħed. Ix-xogħol li jidher hawn għandu xi dettalji miżjudin fl-istorja, huwa ddiġitalizzat, aġġornat bl-ortografija moderna tal-Malti u mogħti l-kulur.
Norman C. Borg, Ġunju 2023
***** ***** ^FUQ^ ***** *****