Id‑dokument li għandek f’idejk huwa gwida għall‑għalliema – miktub minn għalliem. Tassew li drabi oħra kont assistent kap ta’ skola u uffiċjal edukattiv. Iżda, qabel dawk, kont għalliem. U llum inqisni għalliem irtirat, aktar milli assistent kap irtirat, jew uffiċjal edukattiv irtirat.
Għaldaqstant qiegħed nikteb din il‑gwida bħal speċi ta’ taħdita bejn żewġ kollegi. Immaġina li qegħdin jien u int fil‑bitħa waqt il‑brejk jew fl‑istaff room. Qed ngħidlek x’għamilt b’suċċess fil‑klassi tiegħi u se nurik kif tista’ tippruvaha inti wkoll mal‑klassi tiegħek. Għalhekk m’intix se tara ħafna kliem tekniku jew formali. Forsi meta jfettilli nirreferi għal xi element tas‑sillabu jew tal‑kurrikulu (konxju li tbiddlu ħafna minn meta kont fil‑klassi jien, u nammetti li m’għadnix daqstant midħla tal‑aktar verżjonijiet riċenti); imma dawn ir‑referenzi se jkunu ftit u mxerrdin.
L‑idea ta’ Kotba fil‑But nibtet mill‑kunċett tal‑pocket book stampat, b’daqs żgħir biżżejjed biex jidħol fil‑but ta’ ġlekk jew ġins, kif ukoll mill‑kunċett aktar modern tal‑ismartphone, li jista’ jħaddan fih librerija sħiħa ta’ kotba elettroniċi li tista’ żżommhom ukoll fil‑but.
Għalkemm hemm dulluvju ta’ informazzjoni fuq l‑Internet, ftit li xejn insibu materjal bil‑Malti, u ħafna inqas materjal li jipprovdi lil studenti tal‑Malti b’dak it‑tagħrif li jgħinhom iwessgħu l‑vokabolarju Malti, kif ukoll lok għall‑qari. Is‑sit Kotba fil‑But jipprova jimla dan il‑vojt b’mod differenti minn siti oħrajn. Bħalma fl‑Ingliż insibu taqsiriet u adattamenti għat‑tfal ta’ kotba klassiċi, bl‑użu ta’ lingwa simplifikata għall‑faċilità tal‑qari, hekk ukoll Kotba fil‑But jipprovdi qari bil‑Malti għal udjenza żagħżugħa.
Għaldaqstant is‑sit jipprovdi adattamenti ta’ dawn ir‑rumanzi klassiċi bil‑għan li jintroduċi dawn ix‑xogħlijiet internazzjonali bl‑ilsien Malti u fl‑istess ħin ikattar il‑preżenza tal‑ilsien Malti fuq l‑Internet.
Għalkemm hemm xi illustrazzjonijiet u anki xi komiks mifruxin mas‑sit, l‑enfasi huwa t‑test biex jipprovdi qari fit‑tul u jħarreġ lill‑qarrejja żgħar jidraw jaqraw testi twal.
Flimkien mat‑test ewlieni tal‑ktieb is‑sit jipprovdi wkoll tagħrif dwar l‑awtur meta dan ikun magħruf. L‑informazzjoni, madankollu, ma tispiċċax hawn. Lil hinn mis‑sit wieħed jista’ jsib tagħrif dwar l‑isfond tal‑istorja f’artikli maħruġin fir‑rivista Sagħtar (Appendiċi A).
F’sezzjoni oħra tas‑sit wieħed jista’ jsib ġabra ta’ logħob interattiv marbut ma’ wħud mir‑rumanzi biex iħarreġ lill‑qarrejja f'taħriġ il‑fehim, il‑vokabolarju u l‑ortografija fost aspetti oħra tal‑lingwa. Din is‑sezzjoni għadha fil‑fażi sperimentali u biħsiebha tikber.
Hemm żewġ sezzjonijiet li qegħdin f'fażi sperimentali: l‑Flipbooks. L‑awdjokotba jiffukaw fuq in‑narrazzjoni u s‑smigħ, u jagħtu ċans lill‑qarrej li jisma’ n‑narrazzjoni waqt li jkun qiegħed jaqra. Il‑flipbooks huma sempliċement kopja tar‑rumanz kif jidher fil‑paġna elettronika, imma bid‑dehra ta’ ‘ktieb’ fejn wieħed jista’ jaqra billi ‘jaqleb’ il‑paġni. L‑illustrazzjonijiet fil‑flipbook jistgħu jkunu differenti u aktar imżewqin minn dawk li wieħed jista’ jsib fil‑paġna elettronika.
Sezzjoni oħra li għadha qed tiżviluppa hija dik tad‑‘Daqqa t’Għajn’. Hawn wieħed jista’ jsib siltiet ta’ kotba ġodda bil‑Malti li jinsabu għall‑bejgħ jew għas‑self mil‑Librerija Pubblika. Filwaqt li l‑materjal ewlieni tas‑sit huwa offrut b’xejn u sħiħ, f’din is‑sezzjoni hemm biss siltiet biex il‑qarrejja ‘jduqu’ l‑istorja u jitħajru jkomplu jaqrawha billi jixtru l‑ktieb jew jissellfuh mil‑librerija pubblika jew dik tal‑iskola. B’dan il‑mod is‑sit ma jippromwovix biss ix‑xogħol ta’ kittieba internazzjonali klassiċi, iżda anki dak ta’ kittieba lokali moderni. Għal dan hemm formola fuq is‑sit għal kittieba u pubblikaturi li jkunu jixtiequ jippromwovu xogħolhom billi jtellgħu xempju f’din is‑sezzjoni.
Is‑sit għandu wkoll sistema ta’ tiftix biex wieħed ikun jista’ jsib malajr rumanz jew kittieb partikolari. Hija tiftixa bażika ħafna, iżda għandha tkun ħafifa u effiċjenti biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jsib malajr il‑materjal li jixtieq.
Qarrej tas‑sit għandu wkoll l‑opportunità li jissuġġerixxi materjal li jista’ jittella’ fuq is‑sit. Permezz tas‑sezzjoni ‘X’Tixtieq taqra?’, l‑utent jista’ jsemmi liema xogħol jixtieq jidher. Talba bħal din, naturalment, għandha l‑limiti tagħha. Jista’ jkun li l‑utent jitlob xogħol li jkun imħares mil‑liġi tad‑drittijiet tal‑awtur. F’dan il‑każ issir riċerka dwar kemm hu possibbli li jittella’ sħiħ jew, għall‑inqas, silta minnu. Il‑ktieb huwa wieħed riċenti? Min għandu d‑drittijiet tal‑awtur? Jekk ix‑xogħol huwa ħieles minn kull drittijiet tal‑awtur, jista’ jittella’ fil‑Librerija prinċipali. Jekk le jintalab permess mill‑proprjetarju tad‑drittijiet biex tidher silta tax‑xogħol fis‑sezzjoni ‘Daqqa t’Għajn’, u hemm tingħata l‑informazzjoni meħtieġa biex wieħed ikun jista’ jsib ix‑xogħol sħiħ għall‑bejgħ jew fil‑librerija pubblika.
L‑adattamenti fuq is‑sit ġeneralment joħorġu wieħed fil‑bidu ta’ kull xahar. L‑utenti jistgħu jabbonaw biex ikunu jafu meta jkun ħiereġ il‑ktieb li jmiss. Is‑sistema hija sempliċi u kulma għandu jagħmel l‑utent huwa li jipprovdi l‑indirizz elettroniku personali tiegħu biex jirċievi l‑avviż. Xejn aktar mhu mitlub mill‑utent, biex ma tinkisirx il‑politika tal‑privatezza. Malli joħroġ ktieb ġdid l‑utent jirċievi messaġġ permezz ta’ ittra elettronika.
X’hemm għall‑ġejjieni? Fil‑parti l‑kbira tal‑kotba wieħed jista’ jsib lista ta’ noti f’qiegħ il‑ktieb li ġeneralment jispjegaw jew jagħtu tifsira ċara ta’ xi kliem tekniku jew antik. Biħsiebni niġbor dan il‑kliem kollu mit‑testi u nippreżentah f’sezzjoni separata għaliha bl‑isem ta’ ‘Glossarju’.
Rabta mal‑Kurrikulu uffiċjali
Mhix l‑intenzjoni ta’ din il‑Gwida, u saħansitra tal‑proġett innifsu, li jkopru direttament l‑għanijiet u l‑ħiliet kollha kif maħruġin fil‑Kurrikulu uffiċjali tad‑Dipartiment tal‑Edukazzjoni. Madankollu jkun xieraq li wieħed jara kif il‑proġett jista’ jintuża biex isaħħaħ dawn l‑għanijiet. Fit‑test se nagħmel referenza għal ħiliet partikolari kif jidhru fid‑dokumenti li tistgħu ssibu onlajn (malti.skola.edu.mt).
Hawn taħt jidhru xi eżempji tat‑taqsiriet użati fid‑dokument (ara wkoll Appendiċi B).
Waqt li nittama li din il‑Gwida ssibuha utli, nistedinkom tgħaddu kummenti u suġġerimenti (kostruttivi kemm jista’ jkun) billi tużaw il‑formola ‘Ibgħat messaġġ’ fil‑paġna tas‑sit ‘Kuntatt’ jew dan l‑indirizz elettroniku. Kull korrispondenza tkun imwieġba.
N. C. Borg
Lulju 2024