Għalkemm l‑iskop ewlieni tal‑proġett huwa li jipprovdi materjal ta’ qari bil‑Malti, din il‑ħila m’għandhiex tkun l‑unika waħda li jistgħu joqormu l‑istudenti fil‑klassi, b’dan il‑proġett. Bi ftit immaġinazzjoni min‑naħa tal‑għalliem, kull ktieb fil‑Librerija jista’ jservi ta’ ispirazzjoni għal proġetti sħaħ li permezz tagħhom wieħed jista’ jqanqal motivazzjoni fl‑istudenti, waqt li jiżviluppa fihom sens ta’ kurżità, kreattività u kooperazzjoni (Fig. 1).
Qiegħed nirreferi hawn għal attivitajiet ekstrakurrikulari li jagħtu l‑opportunità lill‑istudenti li jaħdmu fi gruppi, jikkollaboraw, jgħinu lil xulxin, u jgħallmu lil xulxin sabiex flimkien jaslu għal għan waħdieni li jmur lil hinn mix‑xogħol ta’ rutina fil‑klassi. Matul id‑dokument se tara dawn il‑prinċipji soċjali u personali f’kaxxi fil‑ġenb ta’ xi paragrafi, immarkati b’dan is‑simbolu:
Nistħajjel nisma’ wħud minnkom jgħidu, “Iva, il‑paroli tas‑soltu; bħallikieku m’aħniex diġà magħfusin biżżejjed bil‑ħin biex indeffsu s‑sillabu uffiċjali – xogħol barra mill‑programm jonqosna!”
Huwa tassew stramb li, jitbiddlu kemm jitbiddlu l‑istrateġiji tal‑kurrikulu u tas‑sillabi fl‑edukazzjoni f’Malta minn żmien għal ieħor, dan il‑fenomenu ta’ materjal ippakkjat li jrid jitlesta fi żmien impossibbli baqa’ mdendel fuq ras l‑għalliem – u b’konsegwenza fuq ras l‑istudenti wkoll. Iżda jekk nibqgħu naħsbu hekk ma jsir xejn.
F’dan id‑dokument biħsiebni nissuġġerixxi xi attivitajiet marbutin ma’ xi testi tal‑kotba li jinsabu f’Kotba fil‑But. L‑ewwel ftit osservazzjonijiet tiegħi se jkunu kemxejn nostalġiċi, għaliex dak li se nippreżenta huwa bbażat fuq l‑esperjenza diretta tiegħi bħala għalliem fi skola primarja fl‑aħħar nofs tat‑tmeninijiet u l‑bidu tad‑disgħinijiet; proġetti li għamilt b’suċċess ma’ tliet klassijiet differenti tal‑ħames u s‑sitt sena primarja. Iva, xogħol barra mis‑sillabu; u iva, fi żmien dik il‑ferneżija tal‑eżamijiet tal‑Junior Lyceum, li kien joħnoq lill‑kapijiet tal‑iskejjel, lill‑għalliema, lill‑ġenituri u naturalment lill‑istudenti.
Jekk irnexxieli nwettaq dawn il‑proġetti ma’ klassijiet tal‑Junior Lyceum dak iż‑żmien, jien ċert li dan it‑tip ta’ xogħol jista’ jsir illum ukoll, fil‑klassijiet bikrija tas‑sekondarja, u fl‑ambjent tal‑lum il‑ġurnata, fejn il‑mezzi huma bil‑qabda ħafna aħjar milli kienu dak iż‑żmien, u minkejja l‑għafsa taż‑żmien tas‑sillabu.
Se nibda billi nispjega l‑qofol ewlieni tal‑kunċett, u matulu nissuġġerixxi kif jista’ jsir fil‑qafas modern ta’ klassi. Il‑materjal li kont użajt dawk iż‑żminijiet kien prinċipalment materjal Ingliż, u l‑proġetti kienu għal‑lezzjonijiet tal‑Ingliż. Naturalment il‑materjal li jinsab f’Kotba fil‑But huwa bil‑Malti, għaldaqstant dak li se nipproponi hawn se jdur madwar attivitajiet bil‑Malti. Madankollu, wieħed jista’ dejjem jifrex fuq aktar minn ilsien wieħed.
L‑idea fiha nnifisha ma kinitx waħda oriġinali. Fis‑suq Ingliż kien u għad hemm ħafna minn dawk li jissejħu workbooks jew, aktar preċiż, companion books li jikkumplimentaw xogħlijiet letterarji għat‑tfal. Għall‑ewwel proġett kienet ġietni f’rasi li naqbad edizzjoni tal‑Ladybird Children’s Classics li kellha lingwaġġ adattat għal studenti Maltin tal‑Ħames Sena u nfassal ġabra ta’ attivitajiet, bejn mistoqsijiet grammatikali, logħob lingwistiku u taħriġ il‑fehim. Ibbażajt ix‑xogħol fuq Treasure Island. Xejn frilli, u xejn ta’ barra minn hawn.
Kien żmien meta l‑Microsoft Windows kienet għadha ma teżistix. Kien żmien meta l‑kelma kompjuter kienet tinstema’ stramba; komuni biss qalb klikka limitata ta’ żgħażagħ li d‑dinja lanqas biss kienet għadha bdiet issejħilhom nerds. Malli din it‑teknoloġija meraviljuża bdiet tidher fil‑ħwienet, mill‑ewwel intbaħt li kien hemm potenzjal edukattiv fiha – fis‑sens li kieku xtrajt kompjuter, kont inkun nista’ noħloq materjal biex nieħdu miegħi għall‑klassi; xejn aktar ambizzjuż minn hekk għal dak iż‑żmien. B’kompjuter id‑dar stajt noħloq ċarts ikkuluriti sbieħ (folji ta’ A4 imġannta flimkien) u folji għax‑xogħol fil‑klassi jew id‑dar. Dawn tal‑aħħar stajt nagħmilhom faċilment bil‑printer li kelli; wieħed minn dawk li kienu jaħdmu bil‑labar, li kienu jiffurmaw ittri u grafika permezz ta’ ħafna toqob żgħar u li kienu jisturbjaw kullimkien. Imma kienu eċċellenti biex itaqqbu l‑istencils tax‑xema’ li kelli bżonn biex nagħmel il‑kopji meħtieġa għall‑istudenti.
U bdejna hekk. Matul is‑sena skolastika ħdimna fuq it‑test bħala taħriġ fil‑qari, u matul is‑sena ħdimna fuq il‑folji tax‑xogħol li kont fassalt biex ikopru kull paġna tal‑ktieb. Fl‑aħħar tas‑sena kulħadd kien sodisfatt.
Xi snin wara tawni l‑klassi ewlenija tal‑Junior Lyceum. Għall‑ewwel qtajtha li nżomm lura milli nagħmel xogħol simili ekstrakurrikulari minħabba l‑istress li dik l‑imbierka klassi kienet minn dejjem iġġib magħha. Iżda ma domtx ma qawwejt qalbi, u qtajtha li nagħmel proġett ieħor. Din id‑darba għażilt ktieb ieħor fis‑sensiela Ladybird Children’s Classics, wieħed b’vokabolarju kemxejn aktar avvanzat: The Wizard of Oz. Il‑proġett din id‑darba kien aktar ambizzjuż, u żidt ukoll tipi ġodda ta’ attivitajiet, speċjalment xogħol fi gruppi u attività speċjali għal għeluq is‑sena. Dan ukoll spiċċa b’suċċess – u le, l‑istudenti ma tilfu xejn u marru tajjeb ħafna fl‑eżamijiet tal‑Junior Lyceum ukoll. Għas‑sena ta’ wara, l‑istess ma’ klassi tal‑J. L., il‑proġett fassaltu fuq film ta’ Walt Disney minflok ktieb: The Lion King. Issa konna lħaqna nofs id‑disgħinijiet.
Li nuża l‑kotba bħala spunt għall‑prattika fil‑qari bil‑qajla spiċċa għan sekondarju, għaliex f’dawn l‑aħħar żewġ proġetti mmirajt biex nilħaq ħiliet oħra fit‑tfal – sens ta’ kooperazzjoni, sens ta’ responsabbiltà, kif ukoll sens ta’ kisba personali. ☞
Fit‑taqsima li jmiss se nħares lejn iż‑żewġ proġetti ta’ The Wizard of Oz u The Lion King, u nissuġġerixxi possibbiltajiet kif wieħed jista’ jaġġornahom għall‑klassi tal‑lum permezz ta’ materjal b’xejn li jinsab f’Kotba fil‑But.
Ix‑xogħol li kont għamilt jien kien limitat għall‑klassi tiegħi, iżda llum il‑ġurnata huwa ħafna aktar faċli biex proġett bħal dan ikun jista’ jinfirex fuq aktar minn klassi waħda. Għaldaqstant tista’ tagħżel li toħloq il‑proġett ma’ kollegi oħra, li jistgħu jkunu mill‑istess skola fejn qiegħed tgħallem, minn skejjel oħra fl‑istess kulleġġ jew saħansitra bejn kulleġġi differenti jekk toħloq proġett għal eTwinning lokali (Fig. 2).