Din hija l‑parti li tirrikjedi l‑aktar xogħol mill‑għalliem. Kif għedt qabel, hija f’idejn l‑għalliem jippjanax workbook għal mal‑proġett. Madankollu nħoss li tintilef opportunità kbira jekk dan ma jsirx. Fi żmieni, kont għamilt kollox waħdi, imma dejjem tista’ tinvolvi għalliema oħrajn biex tfassal biċċa xogħol li tkunu kburin biha. Aktar ’il quddiem se niddiskuti wkoll kif il‑proġett jista’ jinfirex fuq aktar minn klassi waħda, aktar minn skola waħda f’kulleġġ jew anki f’kulleġġi oħra madwar il‑gżejjer, u tifsil tal‑workbook jista’ jkun wieħed mill‑elementi xierqa għal dan.
Fig. 7 jagħti ħjiel tat‑tip ta’ taħriġ u attivitajiet oħra li wieħed jista’ jinkludi fil‑workbook. Naturalment, dejjem żomm mat‑tema prinċipali tal‑ktieb. Isħaq fuq il‑ħiliet kollha lingwistiċi kemm jista’ jkun, u tinsiex iddaħħal attivitajiet li jinvolvu kemm xogħol individwali kif ukoll dak fi gruppi, u formati differenti (eż. tislibiet, tiftixiet, anagrammi, word clouds, eċċ) li jmorru lil hinn mill‑format pedantiku ta’ taħriġ tradizzjonali.
Fis‑sezzjoni tal‑attivitajiet tas‑sit Ħaddem rasek! tista’ tieħu spunt tat‑tip ta’ taħriġ li tista’ tfassal. Madankollu tista’ żżid materjal ieħor u tinkludi speċi ta’ glossarju, lista ta’ idjomi li jidhru fil‑ktieb, eċċ. Jekk biħsiebek tfassal il‑workbook ma’ tim ta’ għalliema oħra, m’għandux ikun diffiċli ħafna biex jitqassam ix‑xogħol u jkollok workbook imlaħħam sew.
Fit‑taqsima li jmiss se nħarsu lejn dak li nsejjaħlu l‑‘ġojjell’ tal‑inizjattiva kollha: il‑proġett prattiku.