Il‑proġetti kif kont fassalt fl‑1987 u fl‑1993 kienu jikkonsistu fi tliet elementi (Fig. 3).
Naturalment hemm it‑test li fuqu huwa bbażat il‑proġett; it‑test li jintuża bħala bażi u jkun il‑materjal għall‑prattika tal‑qari u introduzzjoni għall‑vokabolarju. Mingħajr dan, il‑proġett ma jkunx jista’ jsir, għaldaqstant irridu nqisuh obbligatorju.
Il‑workbook huwa ġabra ta’ taħriġ biex jikkumplimenta t‑test. Dan għandu bżonn jitfassal mill‑għalliem. Il‑workbook li kont fassalt għal Treasure Island kien ta’ xi għoxrin folja. Dak li kont għamilt għal The Wizard of Oz kien ħadli erbgħin. Kelli l‑għażla li jew inlesti l‑workbook sħiħ, nidduplikah u ngħaddih lill‑klassi fil‑bidu tas‑sena skolastika, jew inqassam il‑folji separati matul is‑sena waqt li nkunu qed nimxu tul il‑qari. Fil‑fatt ma nħossx li l‑workbook huwa obbligatorju, u jekk taħseb li hija biċċa kbira biex tfasslu, tista’ ma tagħmlu xejn jew forsi tagħmel numru aktar ridott ta’ attivitajiet.
It‑tielet element huwa l‑proġett prattiku. Dan huwa ras il‑għajn tal‑proġett, il‑qofol ta’ kollox. Nitkellem aktar fit‑tul dwar dan fit‑tielet taqsima. Għall‑proġett Kotba fil‑But nipproponi l‑istess struttura kif spjegata f’Fig.4.
It‑test ewlieni
L‑idea tiegħi li nużaw ktieb ‘letterarju’ bħala textbook kienet ġdida għall‑iskejjel primarji. Naturalment, kien hemm il‑kotba tal‑Ladybird Keywords Reading Scheme, iżda jien xtaqt li jkun hemm ukoll test uniku, twil, li wieħed seta’ jimxi miegħu tul is‑sena kollha, jibni fuqu, u jżomm ċerta rabta permezz ta’ tema waħda prinċipali. Niżżi ħajr lill‑kapijiet tal‑iskola li f’dan il‑każ kienu wrew fiduċja fija u tawni permess inwettaq l‑esperiment. B’xorti tajba fiż‑żewġ każijiet stajna nużaw il‑finanzi tal‑iskola biex nixtru ħamsa u tletin kopja tal‑Ladybird Classics biex inqassmuhom lit‑tfal (in‑numru massimu ta’ studenti fil‑klassijiet dak iż‑żmien kien ta’ tletin, u ħsibna għal numru żejjed).
Wieħed mill‑iskopijiet tas‑sit Kotba fil‑But huwa li jipprovdi materjal Malti għall‑qari mingħajr ħlas, għaldaqstant għall‑proġett tagħna din mhix problema.
Għalkemm qiegħed nirreferi hawn għal żewġ titli partikolari li kont użajt jien personalment, fuq is‑sit hemm kotba oħra li wieħed jista’ jagħżel barra minn Il‑Gżira tat‑Teżor u Is‑Saħħar ta’ Oż. Il‑kotba għandhom tul differenti wkoll, għalhekk hemm għażla wiesgħa (Appendiċi A). Barra minn hekk il‑lista qiegħda tiżdied, hekk li kull xahar joħroġ titlu ġdid.
Qabel ma tagħżel test għall‑proġett, barra mit‑tul osserva wkoll ix‑xejra tal‑istorja, l‑ambjent, l‑għamla ta’ vokabolarju użat u elementi oħra li jistgħu jkunu interessanti għall‑istudenti.
Vantaġġ ieħor tas‑sit huwa l‑fatt li naturalment huwa ta’ xejra elettronika. Wieħed mill‑għanijiet meta fassalt is‑sit kien li nħalli t‑test tal‑kotba f’xejra ‘likwida’. Il‑format tat‑test mhuwiex marbut mad‑daqs jew il‑forma tal‑iscreen fejn wieħed qed jaqrah. Għaldaqstant it‑test jista’ jinqara minn fuq kompjuter jew minn fuq smartphone, u jista’ jinqara d‑dar kif ukoll fil‑klassi, jew anki fil‑bitħa tal‑iskola.
Għas‑sessjoni tal‑qari fil‑klassi jista’ jintuża l‑apparat elettroniku, madankollu tista’ anki tagħżel li żżomm kopji stampati tat‑test jekk tixtieq, speċjalment għall‑konvenjenza tax‑xogħol waqt li l‑istudenti jkunu qed jaħdmu fuq il‑proġett.
Dan jista’ jsir permezz tal‑faċilità tal‑Internet browser (Edge, Chrome, Firefox, Brave, Safari, eċċ). F’dan il‑każ tista’ toħloq verżjoni PDF tad‑dokument. La tkun fiż‑żifna, stampa wkoll il‑paġna tal‑awtur tal‑ktieb (Fig. 5/6). L‑istruzzjonijiet kif toħloq PDF tat‑test issibhom fil‑paġna tas‑sit Jeddijiet u ħajr.
Innota li tista’ toħloq PDF mill‑verżjoni tal‑kompjuter biss tas‑sit. Il‑browsers fl‑ismartphones mhux dejjem jipprovdu din il‑faċilità.