4.1 Iż-Żmien ta’ tlestija

Punt importanti li l‑istudenti se jitgħallmu permezz ta’ dan ix‑xogħol huwa li ladarba se jkun hemm ħafna nies jaħdmu fuqu, u kull persuna għandha r‑responsabbiltajiet tagħha, hemm bżonn li ma naħsbux fix‑xogħol tagħna biss, iżda nirrispettaw xogħol ħaddieħor. Jekk hemm student li għandu bżonn jara l‑artiklu tiegħi għall‑qari tal‑provi, jien għandi nlesti xogħli fil‑ħin biex inkun nista’ ngħaddih ’il quddiem ☞ . Għalhekk kull student għandu jkun jaf sew kemm għandu jdum biex ilesti xogħlu u jirrispetta ż‑żmien ta’ tlestija ħalli ma jħallix lil ħaddieħor jistenna. Fi kliem ieħor, dan huwa ż‑żmien meta nfasslu pjan direzzjonali aktar dettaljat.

Kif għedna qabel, inti se tkun diġà fassalt il‑pjan direzzjonali, u tista’ tintroduċi l‑elementi tal‑proċess f’aktar dettall fil‑bidu tat‑tieni trimestru. F’sena skolastika hemm bejn wieħed u ieħor 26 ġimgħa sħiħa (ta’ ħamest ijiem) meta xogħol fuq il‑proġett jista’ jsir. Qed neliminaw hawnhekk il‑ġranet tal‑btajjel pubbliċi kif ukoll dawk il‑ġimgħat qosra u meta jkun hemm l‑eżamijiet u attivitajiet oħrajn. Naturalment minn sena għal oħra dawn jistgħu jvarjaw xi ftit. Fig. 13 jagħti idea ta’ kif ix‑xogħol jista’ jiġi mqassam matul is‑sena. Fil‑każ tiegħek dan se jiddependi mill‑kalendarju ta’ dik is‑sena skolastika kif ukoll l‑għażliet tiegħek jew tat‑tim ta’ għalliema.

***** ***** stat_3 ***** *****