Mhuwiex l‑iskop ta’ din il‑gwida li tidħol fil‑merti tal‑użu tal‑għodod diġitali fl‑ambjent pedagoġiku; madankollu, jekk tkun trid tifrex il‑proġett biex tkopri dawk il‑ħiliet ukoll tista’ tmur lil hinn minn sempliċi word processor. Wieħed jista’ jagħmel użu minn siti elettroniċi li jiffaċilitaw tiswir ta’ newsletters jew rivisti żgħar onlajn (Book Creator, BoomWriter, Teen Ink, Wordpress), jew saħansitra siti elettroniċi personali (Boxmode) jew blogs (Edublogs). Ma ninsewx ukoll PowerPoint jew LibreOffice Impress, li jista’ jkollok installati fuq il‑kompjuters tal‑laboratorji tal‑iskola.
Meta kont għamilt il‑proġetti jien il‑kompjuters ma kinux disponibbli fl‑iskejjel biex jużawhom l‑istudenti. Għaldaqstant kont ġbart il‑materjal tagħhom jien u rriproduċejtu fuq stensils biex nagħmel il‑kopji. Illum il‑ġurnata għalliem jista’ jservi bħala l‑kompilatur, jiġbor il‑materjal elettroniku, u jpoġġih onlajn bħala sit elettroniku jew blog (ara pereżempju x‑xogħol tal‑iskola primarja tas‑Sannat, Għawdex, magħmul bil‑Wordpress). Metodu aktar interessanti jkun jekk lill‑istudenti tħallihom iħaddmu l‑programmi minn jeddhom. Hemm siti fejn tista’ toħloq kont elettroniku għall‑klassi, u kontributuri differenti jkunu jistgħu jżidu x‑xogħol tagħhom – kemm jekk kitba kif ukoll grafika – biex jinqasam ma’ kulħadd. Is‑siti Book Creator, BoomWriter u Teen Ink joffru dawn il‑faċilitajiet. (Ara wkoll Appendiċi D).