4.4 Varjazzjoni: The Lion King

Xi snin wara s‑suċċess bil‑proġett The Wizard of Oz, nedejt proġett ieħor ma’ klassi oħra tal‑J. L. Din id‑darba ħsibt li nikkonċentra biss duq il‑proġett il‑kbir biss, mingħajr test letterarju u mingħajr workbook. Is‑sors għal dan il‑proġett kien il‑film ta’ Walt Disney The Lion King (1994), li kien l‑għagħa tal‑mument. L‑iskola kollha kellha l‑opportunità li tara l‑film fiċ‑ċinema, xi żmien fil‑bidu tas‑sena skolastika, għaldaqstant kellna ċ‑ċans li nippreparaw il‑materjal sal‑aħħar tas‑sena. Madankollu, din id‑darba ma ffukajniex fuq ‘prodott’ (enċiklopedija), iżda wirja. Is‑sistema kienet bejn wieħed u ieħor l‑istess: l‑idea li nagħti lil kull student u studenta rwol ta’ awturi, illustraturi, eċċ. Din id‑darba kien hemm ir‑rwoli importanti tar‑riċerkatur u tal‑gwida.

Tqassam ix‑xogħol fuq temi bħalma sar għal Treasure Island u The Wizard of Oz. F’dak il‑każ kellna ħafna opportunitajiet: l‑istorja nnifisha u l‑karattri, riċerka dwar annimali fl‑Afrika u f’kontinenti oħra, riċerka dwar ambjenti naturali differenti apparti mis‑Savana, u stajna wkoll nagħmlu riċerka dwar il‑cartoons u kif jaħdmu (eż. permezz tal‑matematika stajna nikkalkulaw kemm għandna bżonn stampi (frames) kull sekonda biex il‑cartoon jidher qed jiċċaqlaq b’ritmu naturali).

It‑tnedija tal‑proġett kienet naturalment differenti, u hawnhekk stajna ninvolvu lil studenti u għalliema oħrajn fl‑iskola, kif ukoll il‑ġenituri u uffiċjali edukattivi, meta stedinniehom jiġu jaraw il‑wirja fl‑aħħar tas‑sena. Barra mir‑rwoli l‑oħrajn, għalhekk kellna wkoll il‑gwidi, dawk l‑istudenti li tul il‑ġimgħa kemm damet miftuħa l‑wirja, permezz ta’ roster, kienu jilqgħu lill‑mistednin u jispjegawlhom dwar l‑elementi tal‑wirja. Kien hemm gwidi li tkellmu bil‑Malti u oħrajn bl‑Ingliż.

Il‑kittieba, il‑qarrejja tal‑provi u l‑illustraturi kienu hemm, naturalment, u din id‑darba kien hemm ukoll min seta’ jiġbor il‑materjal biex itellgħu għall‑wirja. Il‑wirja setgħet isseħħ għaliex fl‑iskola kellna resource room fejn stajna ntellgħuha, u f’dan il‑każ ukoll nirringrazzja lill‑amministrazzjoni tal‑iskola li tatni l‑permess intellagħha.

Bħal fil‑każijiet ta’ qabel, l‑enfasi ma kienx biss fuq il‑lingwa, iżda anki fuq il‑ħiliet personali u soċjali li l‑istudenti setgħu jiżviluppaw permezz tal‑proġett.

***** ***** stat_3 ***** *****