6.2 Kelmtejn wara:
Xi appelli

Hawnhekk nixtieq nagħmel xi appelli lill-qarrejja ta’ din il-Gwida, li għalkemm il-parti l-kbira huma għalliema tal-Malti jista’ jkun hemm fosthom kittieba u anki pubblikaturi.

Kif diġà għedt, dan huwa xogħol li jibqa’ jiżviluppa. Bħala għalliema tal-Malti, nitlobkom tħarsu lejn uħud mill-kotba li jinsabu fil-Librerija taħt lenti letterarja u lingwistika. L-adattamenti huma kollha xogħli, u ma jistax ikun li f’dik il-kitba kollha ma jkunx hemm aspetti lingwistiċi li wieħed jista’ jtejjeb. Sibt frażi f’waħda mill-istejjer li tista’ titbiddel f’idjoma aktar adattata għas-sitwazzjoni? Ibgħat għidli biha! Għandek xi ideat għal titli oħra li nistgħu nżidu fil-Librerija? Merħba bihom! Kull għamla ta’ kontribuzzjoni tkun akkreditata f’dak il-ktieb.

Bħala għalliema tal-Malti bla dubju ta’ xejn ikollkom għajnejkom fuq l-ortografija wkoll. Hawnhekk napprezza jekk inti qarrej tal-provi u tkun tista’ tgħarbel titlu jew tnejn fil-Librerija – b’mod volontarju. Hemm xi kotba li diġà sarilhom qari tal-provi, u l-kontributuri huma msemmija fil-ktieb.

Parti mil-Librerija hija s-sezzjoni ‘Daqqa t’għajn’, fejn fiha nippreżenta siltiet ta’ xogħlijiet moderni lokali miktubin mill-aqwa kittieba għat-tfal li għandna bħalissa. L-għan huwa li ndewwaq dawn il-kotba biex inħajjar lit-tfal ifittxuhom fil-libreriji tal-iskola jew pubbliċi jew jixtruhom direttament onlajn mingħand il-pubblikaturi. Għalhekk inħeġġeġ lill-awturi u anki l-pubblikaturi biex jibagħtuli siltiet minn kotba li jixtiequ jippromwovu, dejjem fil-limiti tal-liġijiet tad-drittijiet lettararji.

Aktar tagħrif dwar dawn il-kontribuzzjonijiet issibuhom fil-parti amministrattiva tas-sit. B’dan il-mod, flimkien, inkunu qegħdin nagħtu aktar opportunitajiet lill-istudenti tagħna jħaddnu u jħobbu aktar il-qari bil-Malti.

Saħħiet.

***** ***** stat_3 ***** *****