Jiena nemmen li xogħol bħal dan ma jispiċċa qatt u dejjem għandu lok għal titjib. Anki jekk il-materjal fih innifsu xi darba jinxef u ma nsibx aktar kotba x’inżid mas-sit, dejjem hemm l-opportunità għal aktar żvilupp permezz ta’ diskussjonijiet u tpartit ta’ ideat, speċjalment fost għalliema li jippruvaw iwettqu fil-prattika dak li huwa ppreżentat hawn, u jipprovdu lok għal tkattir ta’ ideat u titjib tas-sit innifsu.
Ma nistax ninsa hawn lill-għalliema tal-Malti lill-barranin. Għalkemm il-proġett oriġinali tiegħi kien għal studenti tal-primarja, hawnhekk iffukajt l-aktar fuq studenti tal-iskola medja. Madankollu, il-materjal li jinsab fis-sit Kotba fil-But jista’ jkun adattat għall- istudenti tal-Malti adulti barranin, li qegħdin jitgħallmu l-Malti għal raġunijiet varji u li naturalment huma ftit avvanzati fil-Malti tagħhom, mhux dawk li għadhom qed jitgħallmu l-ilsien fil-bidu. Nistieden lil dawn l-għalliema jagħtu ħarsa wkoll lejn il-materjal f’Kotba fil-But. Kotba bħal Il-Ħrejjef ta’ Esopu u Il-Praspar ta’ Nasreddin għandhom stejjer qosra ħafna li jistgħu jintużaw għall-qari simplifikat.
Għaldaqstant nistieden lil dawk l-għalliema li jippruvaw il-proġett biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar kif fasslu l-proġett għall-klassi u anki – għaliex le? – fejn kien hemm fjask u x’seta’ jsir biex jiġi evitat.
Għal dan il-għan hemm paġna fejn l-għalliema – u edukaturi oħra – jistgħu jaqsmu l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom dwar dan il-proġett. Barra milli jistgħu jsibu kopja elettronika ta’ din il-Gwida, hemm ukoll kwestjonarju li jistgħu jwieġbu ladarba jkunu ppruvaw il-proġett fil-klassi.