L‑Istorja ta’ Mulan, it‑tfajla suldat
Madwar 1,350 kelma

Ġeneri
Leġġendi

Attivitajiet dwar dan il-ktieb
KawlataKliem X'Kelma din!
 

Adattament ta’ Norman C. Borg
©Norman C. Borg

Ħafna u ħafna żmien ilu, fiċ‑Ċina, kienet tgħix tfajla brava u qalbiena li kien jisimha Hua Mulan. Kienet tgħix mal‑familja tagħha f’raħal żgħir; ma’ missierha u ommha, oħtha l‑kbira u ħuha iżgħar minnha.

Missierha kien anzjan. Qabel ma rtira, kien suldat fl‑armata, għalhekk rabba lil Mulan bħallikieku kienet tifel, billi kienet il‑favorita tiegħu. Meta tfarfret sew, beda joħodha biswit ix‑xmara biex jgħallimha kif tuża l‑qaws u kif tirkeb iż‑żiemel, barra mill‑istudji l‑oħra li kellha. U meta ma kienx ikollha x’tagħmel, kienet tħobb taqra l‑kotba tal‑gwerra ta’ missierha.

Ġurnata waħda, ġie suldat b’ittra lil missierha. “L‑għadu qiegħed jattakka t‑Tramuntana tal‑pajjiż, u l‑Imperatur qed jiġbor is‑suldati bil‑lieva għall‑gwerra, inklużi l‑veterani. Ismek qiegħed fuq il‑lista. Billi issa inti anzjan, għandu jiġi ibnek minflokok.”

Missier Mulan baqa’ jżomm l‑ittra f’idu waqt li kemmex wiċċu u ma tniffissx. “Inti xiħ wisq, issa,” qaltlu omm Mulan, “U bilkemm għadek ġejt f’tiegħek wara l‑marda li kellek. X’se tagħmel?”

F’dak il‑waqt, Mulan kienet qegħda tħit libsa, imma malli semgħet dan ma setgħetx tkompli xogħolha, u bdiet tinkwieta. “Ħeqq,” qalet bejnha u bejn ruħha, “kieku kont tifel kont inkun nista’ mmur jien minflok,” u wara ftit kompliet, “għalkemm jiena tfajla, naf l‑arti marzjali sew. Għalfejn m’għandix immur u niġġieled bħall‑irġiel?”

L‑idea għoġbitha, u qatgħetha li tmur suldat.

Resqet lejn missierha b’ċerta mistħija. “Missier,” qaltlu minn taħt l‑ilsien, “inti issa xiħ u ħija għadu żgħir wisq biex jidħol suldat. Ħalli lili mmur niġġieled fil‑gwerra.”

“Tgħidx ħmerijiet,” wieġeb missierha, hekk kif tbissem u mejjel rasu. “Inti tfajla. Kif tista’ tidħol suldat?”

“Missier,” Mulan insistiet, “nista’ nilbes ta’ tifel. Għandi ħmistax‑il sena u twila kważi daqsek. Ħallini mmur!”

Missierha ma weġibx imma poġġa idu fuq rasha.

Mulan ma qatgħetx qalbha. L‑għada sabet l‑armatura li missierha kien jilbes meta kien suldat. Libsitha biex tippruvaha, u mbagħad irranġat xagħarha bħal ta’ missierha. Malli ħarset lejn il‑mera, skantat bid‑dehra tagħha. Kienet tidher qisha ġeneral! Malli raha missierha, bilkemm għarafha.

“Missier,” lissnet Mulan, “issa tassew nidher qisni raġel!” U reġgħet talbitu biex iħallieha tingħaqad mal‑armata. Hekk kif baqa’ jħares lejha, demgħa qabżet minn għajnejn missierha. Fl‑aħħar mejjel rasu u taha l‑barka tiegħu. Mulan bdiet taqbeż bil‑ferħ.

L‑għada filgħodu Mulan marret sas‑suq u xtrat l‑aqwa żiemel li sabet. Xtrat ukoll sarġ, kappestru u frosta. Wara dan, marret lura d‑dar u kompliet tipprepara. Fl‑aħħar, libset l‑armatura u sellmet lill‑familja tagħha. “Iġri, Mulan! Iġri bħar‑riħ!” qalet lilha nnifisha. Iż‑żiemel tagħha lebbet ’il quddiem, u Mulan qatt ma ħarset lura.

***** ***** stat_3 ***** *****

F’qasir żmien Mulan waslet fir‑raħal u marret dritt fil‑post tar‑reklutaġġ. Kien hemm mijiet ta’ rġiel oħra magħha. L‑uffiċjali tawhom l‑ordnijiet, u kollha rħewlha lejn it‑Tramuntana tul ix‑Xmara s‑Safra. Filgħaxija, Mulan raqdet fuq il‑ħaxix biswit ix‑xmara. Din id‑darba ma semgħetx lill‑ġenituri tagħha u lil ħutha jitkellmu. Minflok, semgħet biss l‑ilma ġieri tax‑xmara. L‑għada, l‑armata kompliet il‑vjaġġ tagħha, u dak il‑lejl is‑suldati raqdu taħt il‑Muntanja l‑Mudlama.

Qagħdet ħafna attenta, għax ma riditx li s‑suldati l‑oħra jsiru jafu bis‑sigriet tagħha. Waqt li kienu jimmarċjaw binhar, kienet tibqa’ viċin tas‑suldati l‑oħrajn kemm jista’ jkun, ħalli żgur ma jħalluhiex wara. Għamlet minn kollox biex timita l‑imġiba tal‑irġiel. Matul il‑lejl, kienet torqod bl‑armatura. Wara ftit żmien, sħabha s‑suldati drawha, u ħadd minnhom ma’ ġietu f’rasu li kienet mara.

Darba waħda, madankollu, wieħed mis‑suldati staqsieha, “Mulan, għalfejn għandek isem ta’ mara?” U sħabu komplew miegħu. “Tassew,” tennew, “Għalfejn jismek Mulan?” Għax Mulan, biċ‑Ċiniż kienet tfisser ‘manjolja’, siġra li twarrad fjuri roża.

“Qabel ma twelidt,” qaltilhom, “ommi ħolmot li kien se jkollha tifla. Għalhekk tawni isem ta’ tifla!”

Ħadet ir‑ruħ meta rat li s‑suldati emmnuha, u ma saqsewhiex aktar dwar isimha.

Wara kważi ġimagħtejn, l‑armata waslet taħt il‑Muntanji Yanshan. Minn fejn kienu setgħu jisimgħu l‑għajat tal‑għadu u l‑ħsejjes taż‑żwiemel tagħhom. Mulan ma beżgħetx. “Nagħmel minn kollox biex nirbaħ lill‑għadu, għall‑familja tiegħi u għal pajjiżi,” qalet bejnha u bejn ruħha.

Ftit wara, il‑ġenerali ordnaw biex jattakkaw, u l‑battalja bdiet! Dewa l‑għajat tas‑suldati, iż‑żhir taż‑żwiemel u t‑tħabbit tax‑xwabel, qalb it‑trab u d‑demm itir. Ħafna suldati weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’din il‑battalja.

Minħabba l‑ħiliet tagħha fil‑ġlied, Mulan kienet dejjem fuq quddiem, tmexxi lil sħabha, u kollha ammiraw il‑qlubija tagħha.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑gwerra damet sejra għal aktar minn għaxar snin. Wara ħafna tbatija, minn baqa’ ħaj seta’ fl‑aħħar imur lura d‑dar. Bkew lil sħabhom li kienu mietu, imma bkew ukoll bil‑ferħ għax il‑gwerra kienet intemmet.

Issa, Mulan kienet saret ġeneral, u kienet hi li mexxiet lis‑suldat fil‑belt kapitali biex tiltaqa’ mal‑Imperatur. L‑Imperatur kien qiegħed jistennieha bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, bl‑uffiċjali għoljin kollha weqfin madwaru.

“Mulan,” lissen b’leħen ċar li seta’ jisma’ kulħadd. “Inti ġeneral żagħżugħ li ksibt suċċess li ma bħalu f’din il‑gwerra. Bħala premju, lest li nagħtik l‑akbar unuri, post mal‑uffiċjali tiegħi u rikkezzi kbar. X’tixtieq aktar?”

“Majstà,” wieġbet Mulan, hekk kif baxxiet rasha. “Kif għidt, jien għadni żagħżugħ, u għad baqagħli ħafna x’nitgħallem. Għad ma jixraqlix inkun mal‑uffiċjali l‑kbar tiegħek. U l‑unuri kbar jixirqu lis‑suldati kollha, mhux lili biss. Kulma rrid huwa żiemel tajjeb biex iwassalni mill‑aktar fis id‑dar fejn qed jistennewni l‑ġenituri tiegħi.”

L‑Imperatur mejjel rasu. “Bħala żagħżugħ, huwa xieraq li twettaq doverek ta’ iben. Nilqa’ t‑talba tiegħek bil‑qalb kollha.”

“Niżżik ħajr, Majstà.”

U kien hekk li Mulan telqet mill‑palazz tal‑Imperatur, kollha ħerqana biex terġa’ tkun mal‑familja tagħha.

***** ***** stat_3 ***** *****

Mulan ivvjaġġat ma’ xi suldati oħra ħbieb tagħha li kellhom jaqbdu l‑istess triq tagħha. Waqt il‑vjaġġ, Mulan stednithom joqogħdu ftit jiem f’dar missierha qabel ma jkomplu l‑vjaġġ tagħhom.

Wara xi tnax‑il jum, bdew joqorbu lejn dar Mulan. Mill‑bogħod Mulan lemħet lill‑ġenituri tagħha, li kienu qed jaħdmu fl‑għelieqi. Qalbha taret bil‑ferħ. Qabżet minn fuq iż‑żiemel, u ġriet lejhom tgħajjat.

Inxteħtet f’dirgħajhom hekk kif it‑tlieta bdew jolfqu bil‑ferħ. Bdew mixjin lejn id‑dar, u Mulan rat li s‑siġra ż‑żgħira li kien hemm biswit id‑dar issa kienet kibret ġmielha. Ħafna nies kienu miġburin quddiem il‑bieb, jistennewha. Kulħadd xejrilha u laqagħha bil‑ferħ.

Sħabha s‑suldati stagħġbu b’dik il‑laqgħa. “Inti maħbub ħafna hawn, Mulan!” bdew jgħidulha.

“Dawn huma l‑familja u l‑ħbieb tiegħi,” qaltilhom. Dak il‑waqt ġuvni qabad jgħannaqha, u Mulan damet ftit qabel ma ntebħet li kien ħuha ż‑żgħir, li issa kien kiber sew u saħansitra twal aktar minnha. “Bilkemm għaraftek!” qaltlu mistagħġba.

Oħtha kienet hemm ukoll, u baqgħet tħares ċassa lejha, għax hi wkoll bilkemm għarfitha!. “Oħt,” lissnet Mulan minn taħt l‑ilsien, “Possibbli nidher daqshekk qisni raġel?” Oħtha ma laħqitx twieġeb, hekk kif Mulan poġġiet subgħajha fuq xofftejha. “Xxx!” kompliet.

Daret fuq sħabha s‑suldati.

“Idħlu d‑dar u strieħu ftit,” qaltilhom. “Jiena dalwaqt inkun lura magħkom.”

Mulan qabdet lil oħtha minn idha u ġrew ġewwa fil‑kamra tas‑sodda. Mulan tat daqqa t’għajn madwarha. Xejn ma kien tbiddel minn dak il‑jum li kienet telqet minn hemm! Kien bħallikieku qatt ma telqet. “Oħt, sħabi ma jafux li jiena mara,” qalet. “Issa nilbes ta’ mara u nbellahhom!” kompliet bi tbissima ta’ brikkuna.

Mulan neżgħet l‑armatura u libset il‑ħwejjeġ l‑antiki li kellha. Qagħdet quddiem il‑mera, u żebgħet ftit wiċċha. Ippettnat xagħarha sew u rranġatu fl‑istil ta’ tfajla. Wara, fetħet il‑bieb u ħarġet barra, fejn sħaba s‑suldati kienu qed jiċċaċċraw ma’ missierha, waqt li ommha u ħuha kienu qed jippreparaw l‑ikel.

Mulan daħlet b’rasha baxxuta, u l‑kliem fil‑kamra dlonk waqaf mad‑dehra ta’ dik it‑tfajla sabiħa. Is‑suldati baqgħu jħarsu mistagħġbin lejha hekk kif ippruvaw jifhmu min setgħet kienet.

F’daqqa waħda, wieħed minnhom għajjat, “Mulan?”

“Mulan!” kompla ieħor.

“Mulan! Inti mara!” qabeż ieħor.

“Ma kontx naf li inti tfajla!”

“Mulan, inti tal‑ġenn!”

“Dħaqt bina kollha!”

“Il‑ħabib tagħna issa huwa l‑ħabiba tagħna!”

U tant kulħadd beda jidħaq bil‑qalb li l‑istorbju nstema’ barra fit‑triq.

F’qasir żmien l‑ikel kien ippreparat, u l‑ħbieb ta’ Mulan bdew jirrakkuntaw ħafna mill‑avventuri tagħhom. Tkellmu fuq bosta affarijiet oħra, u fl‑aħħar kien qishom familja waħda kbira.

Wara ftit jiem, is‑suldati kellhom ikomplu fi treqithom, u Mulan imxiet ftit magħhom qabel ma sellmitilhom tal‑aħħar. Wiegħduha li jmorru jżuruha ta’ spiss. Baqgħet hemm, tħares lejhom, sakemm għebu wara l‑għoljiet, qabel ma mxiet lura d‑dar.

Minn dak iż‑żmien, Mulan u l‑familja tagħha baqgħu jgħixu bħala bdiewa fir‑raħal żgħir tagħhom.

***** ***** stat_3 ***** *****

***** ***** TMIEM ***** *****

Noti

Arti marzjali: Il‑ħiliet ta’ suldat, speċjalment tal‑popli tal‑Lvant. [Lura]

Kappestru: Iċ‑ċineg li tpoġġi madwar ras iż‑żiemel biex tmexxih meta tirkbu. [Lura]

Lieva: Liġi li tordna persuna taħdem bħala suldat għal perjodu ta’ żmien. [Lura]

Reklutaġġ: Meta persuna tirreġistra biex tidħol suldat. [Lura]

Sarġ: Jitpoġġa fuq dahar iż‑żiemel biex tirkeb fuqu. [Lura]

Veteran: Suldat irtirat. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****