Sorsi varji
Madwar 10,900 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kapitli
1: “Hemm bżonn neqirdu l-Ordni darba għal dejjem!”
2: “Malta mhix se taqa’ f’idejn l-Ottomani!”
3: Il-Bastjun ta’ Kastilja
4: “Hemm bżonn inżommu Sant’ Iermu!”
5: ‘Ix-Xabla tal-Iżlam’
6: “Jekk l-iben swielna daqshekk...”
7: “Nagħtik biss fossa fonda!”
8: Attakk minn tlitt ibnadi
9: Aktar ħbit fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel
10: Id-Dilemma ta’ Don Garcia
11: Mini u torrijiet
12: Il-Qagħda fuq iż-żewġ naħat
13. l-Imdina
14: L-Aħħar taqbida
15: Wara l-Assedju
Noti
Lejn in‑nofs tas‑seklu sittax, l‑Imperu Ottoman, immexxi mis‑Sultan Sulejman il‑Kbir, kien fl‑aqwa tiegħu, u kien ikopri minn Aden, fejn il‑Baħar l‑Aħmar, sa Budapest, l‑Ungerija, u mill‑Alġerija, fl‑Afrika, sal‑bibien ta’ Vjenna, l‑Awstrija. Iżda fil‑Baħar Mediterran kien hemm lok wieħed – Malta – u għaqda ta’ suldati – il‑Kavallieri ta’ San Ġwann – li kienu qed jisfidaw lis‑Sultan il‑ħin kollu.
Dak iż‑żmien Malta kienet il‑kwartier ġenerali tal‑Ordni Ospedalier ta’ San Ġwann. L‑Ordni kien oriġinarjament għaqda, jew fratellanza, ta’ reliġjużi. Il‑membri ta’ din il‑fratellanza kienu ġejjin mill‑aktar familji nobbli u għonja fl‑Ewropa Kristjana. Dawn il‑membri kienu ġejjin minn tmien ‘Lingwi’, li kienu ta’ Kastilja u Aragona (illum parti minn Spanja), Auvergne, Provenza u Franza, l‑Italja, l‑Ingilterra u l‑Ġermanja (għalhekk it‑tmien ponot fuq is‑salib simbolu tal‑Ordni). Xogħolhom primarjament kien li jieħdu ħsieb morda u refuġjati. Madankollu, bħala għaqda militari, kienu jipproteġu wkoll lill‑Insara minn perseguzzjoni Musulmana. Minn Malta l‑Kavallieri kienu ta’ spiss jattakkaw l‑iġfna merkantili tal‑Imperu Ottoman bix‑xwieni żgħar u ħfief tagħhom.
Minħabba d‑daqs tagħhom u t‑tagħbija li kienu jġorru, kien diffiċli għall‑iġfna Ottomani jiżgiċċaw minn taħt idejn ix‑xwieni żgħar u ħfief tal‑Kavallieri. Dawk it‑Torok li kienu jippruvaw jirreżistu lill‑Kavallieri malajr kienu jinqatlu. Dawk li kienu jċedu kienu jispiċċaw priġunieri u lsiera, u t‑tagħbija prezzjuża tagħhom kienet tispiċċa f’idejn il‑Kavallieri ta’ San Ġwann.
Kostantinopli kienet il‑belt ewlenija tal‑Imperu Ottoman, u minn hawn kien isaltan Sulejman il‑Kbir. Kien magħruf bħala l‑Id il‑Leminija ta’ Allaħ, Il‑Ħakkiem tad‑Destin tal‑Bnedmin, ir‑Re tar‑Rejiet, Imperatur tal‑Lvant u tal‑Punent, iċ‑Ċesare Majestuż, Dell il‑Mulej, u ħafna titli oħra.
Kien hawnhekk, fis‑Sala tal‑Kunsill tal‑Palazz, li l‑uffiċjali tal‑Imperu kienu jippreżentaw l‑ilmenti tagħhom lis‑Sultan. Għal darb’ oħra għarrfuh dwar l‑aktar attakk reċenti li l‑Kavallieri kienu għamlu. Sulejman irċieva rapporti li l‑Kavallieri kienu qed jippjanaw spedizzjoni biex jattakkaw il‑Malvasja, gżira fil‑Baħar Eġew li l‑Imperu Ottoman kien għadu kemm jirbaħ. Rapport ieħor kien jgħid li l‑Kmandant Romegas kien ħataf xini f’Alessandrija li kien fi triqtu lejn il‑Mekka b’xi pellegrini, fosthom mara ta’ grad għoli li kienet il‑qaddejja personali ta’ waħda min‑nisa tas‑Sultan. Din issa kienet priġuniera tal‑Kavallieri f’Malta. F’każ ieħor il‑Kavallieri attakkaw xini fi triqtu lejn Kostantinopli u li kien hemm fuqu l‑gvernatur ta’ Alessandrija. F’attakk ieħor il‑Kavallieri ħatfu x‑xini merkantili ta’ wieħed mill‑kunsilliera prinċipali tas‑Sultan, u li kien fi triqtu lejn Venezja. Dan ix‑xini kien mgħobbi b’ħafna teżori u oġġetti prezzjużi.
Fi kliem ieħor, l‑Ordni kien qed ikun ta’ ħsara kbira lill‑Imperu, mhux biss finanzjarjament imma anki fin‑negozju li l‑Imperu kellu ma’ bosta pajjiżi, mill‑Ewropa stess sal‑Lvant Nofsani. Ix‑xwieni mitlufin kienu ta’ importanza kbira fihom infushom, barra mit‑telf tan‑nies. Roxellane, il‑mara favorita tas‑Sultan, minn dejjem saħqet li l‑Ordni kellu jinqered, u qabel ma mietet kienet ħalliet somma kbira ta’ flus biex jintużaw għal attakk fuq Malta. Forsi issa kien il‑waqt li dawk il‑flus jintużaw...
Sulejman baqa’ jisma’ bil‑kwiet sakemm tawh id‑dettalji kollha, u fl‑aħħar tkellem.
“Ilni ħafna nieħu paċenzja u nissaporti għemil il‑Kavallieri. Meta keċċejthom minn Rodi kont qalbi tajba u ħallejthom jitilqu ħielsa bil‑patt li ma jibqgħux iwettqu attakki bħal dawn. Imm’ issa wisq. Wasal iż‑żmien li neqirdu l‑Ordni darba għal dejjem minn wiċċ id‑dinja. Sejħu lil Mustafà u ’l Pjalì ħalli nkellimhom.”
Mustafà Paxà kien il‑kap tal‑armata Ottomana, u Pjalì kien l‑ammirall tal‑flotta. Malli dehru quddiem is‑Sultan tahom l‑ordni biex jippreparaw l‑eżerċtu u l‑flotta għal attakk qawwi fuq Malta.
“Irridkom tattakkaw il‑gżira ta’ Malta – mhux għax hija importanti fiha nnifisha, imma għax jekk jirnexxilna naħtfuha wara nkunu nistgħu nippjanaw attakki oħra fl‑Ewropa. B’hekk ikollna l‑bibien miftuħin għal Sqallija u l‑Italja, l‑Ungerija u anki l‑Imperu Ġermaniż.
“Malta hija viċin ħafna ta’ Sqallija u ta’ Napli, li huma taħt idejn l‑Imperatur Filippu II. Għalhekk irridkom toqogħdu attenti għaliex jista’ jittanta jibgħat għajnuna lil Malta u jattakkalkom il‑flotta fil‑Mediterran. Bgħatt ordni lil Dragut biex jingħaqad magħkom fl‑operazzjoni. Bħalissa qiegħed fi Tripli, u għandu jilħaqkom bil‑flotta tiegħu f’Malta. Is‑Sultan tal‑Alġerija għandu jingħaqad magħkom ukoll. Lil Dragut se naħtru bħala l‑mexxej ewlieni tal‑attakk, mela tagħmlu xejn qabel ma jagħtikom l‑ordnijiet hu.
“U l‑aħħar ħaġa: importanti li taħdmu flimkien. Insew l‑ambizzjonijiet u l‑piki personali ta’ bejnietkom. Hemmhekk se jkollkom skop wieħed, u tridu taħdmu flimkien. Pjalì, ibda x‑xogħol fuq il‑flotta: ipprepara dak li għandna diġà u ibni xwieni ġodda skont il‑bżonn. Ordna wkoll il‑produzzjoni ta’ kanuni ġodda. Hemm bżonn ikollna armi aktar effettivi minn dawk li kellna f’Rodi. Mustafà, inti ibda iġbor lis‑suldati li għandna mifruxin mal‑Imperu, u ibda ħarreġ truppi ġodda.”
B’dawn l‑istruzzjonijiet l‑uffiċjali tal‑Imperu fis bdew il‑preparamenti tagħhom. Ix‑xogħol kien mgħaġġel u effiċjenti, tant li sa tmiem Frar tal‑1565, kollox kien lest.
F’dak iż‑żmien il‑Granmastru tal‑Ordni kien wieħed mill‑aqwa mexxejja militari fl‑Ewropa – Jean Parisot de Valette (f’xi dokumenti msemmi de la Valette). Kien sar membru tal‑Ordni minn età żgħira u tista’ tgħid li ma kien jaf l‑ebda tip ta’ ħajja oħra ħlief dik tal‑Ordni. Fl‑1565 kellu sebgħin sena – eżatt l‑istess età tal‑avversarju tiegħu Sulejman il‑Kbir. Bħala kavallier de Valette kien iddedika ħajtu kollha għas‑servizz tal‑Ordni, u kien għadda minn ħafna sagrifiċċji. F’żgħożitu kien inqabad priġunier tat‑Torok, u kien qatta’ żmien twil bħala qaddief ilsir fuq wieħed mill‑iġfna tal‑Imperu. Dak kien żmien mimli esperjenza ta’ tbatija u disprament. Għalkemm dak li għadda minnu għenu jrabbi karattru sod u b’saħħtu, qatt ma seta’ jinsa dak iż‑żmien qalil, u qatt ma seta’ jaħfer lill‑Ottomani għal dak li kellu jgħaddi minnu.
Naturalment l‑Ordni kellu l‑ispiji tiegħu f’Kostantinopli kif ukoll f’inħawi oħra tal‑Imperu Ottoman, u m’għaddiex ħafna żmien qabel ma l‑Ordni waslitlu l‑bxara li Sulejman kien qed jipprepara offensiva kbira fuq Malta. Għaldaqstant de Valette ġabar lill‑Kavallieri biex jiddiskutu x’kellhom jagħmlu, u bagħat ukoll messaġġ lil Don Garcia de Toledo, il‑Viċi‑Re ta’ Sqallija, biex jibagħtilhom aktar suldati.
“Bħalma diġà smajtu l‑Imperu Ottoman qed jipprepara attakk fuq Malta. Spiji tagħna qalulna li f’Kostantinopli numru kbir ta’ suldati qed jinġabru biex jistħarrġu għall‑gwerra waqt li fit‑tarzni qegħdin jibnu ħafna iġfna. Mela qabel ma jlestu biex isalpaw għal hawn jeħtieġ li nduru sew il‑fortifikazzjonijiet tagħna. Hemm bżonn li nsaħħu sew Sant’ Iermu, Sant’ Anġlu u San Mikiel. Barra minn hekk irridu nsejħu lil dawk ħutna li bħalissa qegħdin f’pajjiżhom fl‑Ewropa. Bħalma tafu kull Kavallier jeħtieġ li jiġi hawn Malta f’każ ta’ emerġenza. Se nagħmlu minn kollox biex Malta ma taqax taħt idejn l‑Ottomani!”
F’qasir żmien Malta nħakmet minn ferneżija ta’ xogħol u attività hekk kif kulħadd medd idejh biex jippreparaw id‑difiżi. Saħansitra l‑ilsiera Torok ġew imqabbdin iqandlu blat kbir biex isaħħu l‑ħitan tas‑swar u l‑fortizzi.
Il‑forti Sant’ Iermu kien jinsab fil‑ponta tal‑Għolja Xiberras u kien iħares id‑daħla kemm tal‑Port il‑Kbir kif ukoll dik tal‑Port ta’ Marsamxett. Għalhekk jekk it‑Torok riedu jdaħħlu l‑iġfna tagħhom għall‑kenn ta’ wieħed minn dawn il‑portijiet, kien ikollhom jaħbtu għal dan il‑forti qabel kollox.
Il‑forti Sant’ Anġlu kien iħares il‑ponta tal‑Birgu, waqt li l‑forti San Mikiel kien iħares Senglea (L‑Isla). Dawn naturalment setgħu iħarsu l‑ibliet min‑naħa tal‑baħar biss, iżda min‑naħa tal‑art il‑Birgu u Senglea kienu mħarsa minn swar għoljin. Il‑ħitan tal‑forti San Mikiel kienu jdawru ’l Senglea kollha, waqt li fuq in‑naħa tal‑art il‑Birgu kienet imħarsa mill‑Bastjun ta’ Kastilja, kif ukoll il‑Bastjuni iżgħar ta’ Auvergne, ta’ Franza, ta’ Aragona u ta’ Kastilja. L‑ebda wieħed minn dawn ma kien kbir daqs forti, imma kollha kienu armati sa snienhom xorta waħda. Kien hemm ukoll l‑Imdina, il‑belt kapitali ta’ Malta fejn kienet tinżamm il‑kavallerija tal‑Ordni. Għalkemm l‑Imdina kienet ġiet fortifikata fi żmien il‑ħakma Għarbija madwar l‑1048, is‑swar tagħha kienu kemxejn qodma u dgħajfa.
Waqt li bosta mill‑familji sinjuri Maltin iddeċidew li jibqgħu l‑Imdina, il‑parti l‑kbira tal‑popolazzjoni, magħmula l‑aktar minn bdiewa u sajjieda, irħewlha lejn il‑kenn tal‑Birgu jew ta’ Senglea, u ġarrew magħhom kulma setgħu – bhejjem, ħaxix u raba’ ieħor maħsud – biex żgur ma jħallu warajhom xejn lit‑Torok għajr art xotta u għera. Saħansitra avvelenaw il‑bjar tal‑ilma ħalli t‑Torok ma jkunux jistgħu jużawhom.
Fid‑9 t’April waslu minn Sqallija sebgħa u għoxrin ġifen u daħlu fil‑Port il‑Kbir. Kellhom magħhom messaġġi lil de Valette minn bosta mill‑mexxejja Ewropej. “Il‑Prinċpijiet Insara tal‑Ewropa qegħdin kollha miegħek. Fil‑ġejjieni qarib se nibagħtulkom elf suldat Spanjol.”
F’ittra oħra li de Valette irċieva mingħand il‑Viċi‑Re ta’ Messina, dan qallu li f’dak il‑mument ma kellux biżżejjed suldati x’jibgħat. Ma kienx jagħmel sens li jibgħatlu ftit, għalhekk kien qed jistenna li jiġbor aktar biex jibgħat armata akbar fil‑ġejjieni qarib.
De Valette ma kienx kuntent għal kollox bil‑messaġġ. “X’jiġifieri ‘fil‑ġejjieni qarib’?!” lissen. “Qed jippretendu li niffaċċjaw l‑Imperu Ottoman kollu waħidna? Jekk ma jkollniex sapport mill‑aktar fis l‑Ordni ta’ San Ġwann mhux se jkollu ‘ġejjieni’!”
Mal‑wasla tal‑elf suldat Spanjol, de Valette kellu 700 Kavallier u 4,000 suldat Spanjoli u Maltin. Sadattant, it‑tħejjijiet għad‑difiża ma waqfux.
Fit‑18 ta’ Mejju, 1565, mijiet ta’ qlugħ bojod tal‑flotta Torka tfaċċaw fuq ix‑xefaq. Malli s‑sentinelli fuq is‑swar ta’ Sant’ Iermu u Sant’ Anġlu lemħu dik id‑dehra tal‑biża’, sparaw il‑kanuni bi twissija, u tqabbdu l‑ħġejjeġ madwar il‑kosta kollha ta’ Malta biex iħejju għat‑taqbida.
Il‑flotta Torka ta’ madwar 200 ġifen ma żammitx rotta lejn il‑Port il‑Kbir. Minflok, ilwiet lejn ix‑xlokk u daret madwar Malta sakemm ankrat f’Għajn Tuffieħa fid‑19 ta’ Mejju. Grupp żgħir ta’ iġfna mbagħad daru lura u ankraw f’Marsaxlokk. Dan kien se jkun l‑avvanz prinċipali. Minn hawn bdew iħottu s‑suldati u l‑armamenti, u f’qasir żmien madwar 3,000 suldat bdew jimmarċjaw lejn id‑direzzjoni tal‑Port il‑Kbir.
Sa mill‑bidu beda n‑nuqqas ta’ ftehim bejn il‑kmandanti Ottomani. Waqt li Mustafà kien qed jikkonċentra fuq strateġija kif jattakka lill‑Ordni, Pjalì kien aktar moħħu fis‑sigurtà tal‑iġfna tiegħu. Il‑pjan ta’ Mustafà kien li ladarba l‑flotta kienet ankrata f’Għajn Tuffieħa, kellhom jattakkaw l‑ewwel l‑Imdina u jieħdu l‑parti tat‑tramuntana ta’ Malta. Malli din kienet soda f’idejhom, jattakkaw ’il Birgu u ’l Senglea mill‑art, waqt li l‑flotta timblokka l‑Port il‑Kbir ħalli l‑Insara ma jkunux jistgħu jirċievu għajnuna mill‑baħar.
Iżda Pjalà ma qabilx miegħu. Il‑flotta kellha fuqha ħafna rifornimenti għall‑armata, u jekk jiġri xi ħaġa lill‑iġfna kienet tbati l‑armata wkoll. Għalhekk ried li l‑flotta tankra f’post aktar għall‑kenn minn Għajn Tuffieħa jew Marsaxlokk. Ried juża l‑port ta’ Marsamxett. Wara diskussjoni kemxejn qalila, għaddiet ta’ Pjalì.
Sadanittant il‑Kavallieri kienu qed jiflu kull mossa tat‑Torok. Distakkamenti tal‑kavallerija telqu mill‑Imdina, u bdew josservaw mill‑bogħod l‑armata Ottomana, u kienu qed jibagħtu messaġġiera lill‑Birgu regolarment. Għalhekk de Valette kien miżmum aġġornat tal‑movimenti tal‑għadu. Waqt li l‑iġfna niżlu minn Għajn Tuffieħa għal Marsaxlokk, grupp ta’ kavallerija mxew magħhom tul il‑kosta. Gruppi oħra tal‑kavallerija bdew jagħmlu attakki ħfief biex ifixklu lit‑Torok.
Distakkament ta’ kavallerija, immexxi mill‑Kavallieri Faraone u de la Riviere, inqabdu waqt li kienu qed josservaw lill‑għadu. Għal dawn il‑Kavallieri, il‑gwerra kienet diġà ntemmet. Mustafà Paxà pprova jieħu xi tagħrif minnhom, iżda naturalment il‑Kavallieri ma tniffsux. Għalhekk Mustafà ordna li liż‑żewġ priġunieri jittorturawhom. Għaddiet madwar siegħa qabel ma ż‑żewġ Kavallieri, imbiċċrin u nofshom mejta, ċedew u tkellmu. Mingħandhom Mustafà sar jaf li l‑bastjun ta’ Kastilja, li kien qed iħares il‑Birgu, kien l‑aktar parti dgħajfa tal‑fortifikazzjonijiet, u qatagħha li jaħbat hemm l‑ewwel.
Nhar il‑21 ta’ Mejju, hekk kif it‑Torok lestew jarmaw il‑kamp ewlieni tagħhom il‑Marsa, bdew l‑attakk fuq Kastilja. Il‑Kavallieri ħarġu biex jilqgħu l‑attakk, u kien hemm ġlied qalil. Minn fuq is‑swar tal‑Birgu, de Valette seta’ jara t‑taqtigħa kollha. Kien tassew li dik il‑parti tal‑Birgu kienet dgħajfa, imma minħabba f’hekk kienet imħarsa sew b’nies u kanuni, u Mustafà ma rnexxilux jirbaħha kif ġieb u laħaq kif xtaq. Waqt li l‑Kavallieri tilfu madwar 21 mejjet u 150 ferut, Mustafà kien tilef madwar 300 suldat mill‑aħjar li kellu – u dan ifferoċjah.
“Il‑priġunieri ngannawna!” lissen, u ta l‑ordni biex lil Faraone u lil de la Riviere jiffrustawhom sakemm imutu.
Pjalì kien għadu qed isostni li l‑iġfna kellhom jankraw aktar viċin tal‑Port il‑Kbir, idealment fil‑Port ta’ Marsamxett, li kien fuq ix‑xaqliba l‑oħra tal‑Għolja Xiberras. Imma fil‑ponta tal‑għolja kien hemm il‑forti Sant’ Iermu. Minħabba fih l‑iġfna ma setgħu jidħlu fl‑ebda wieħed miż‑żewġ portijiet. Għalhekk qatgħuha li jieħdu ’l Sant’ Iermu. Il‑kmandant tal‑forti kien il‑Kavallier Luigi Broglia. Biex jiddefendi l‑forti kellu b’kollox 80 ruħ, fosthom 15‑il Kavallier tal‑Ordni. Ma’ dawn de Valette bagħatlu 400 suldat ieħor li kienu għadhom kemm waslu minn Messina, ftit qabel ma’ tfaċċat l‑armata Ottomana, u 64 Kavallier ieħor li offrew li jmorru volontarji. Barra minn dawn in‑nies Broglia kellu wkoll dsatax‑il kanun.
L‑attakk beda nhar l‑25 ta’ Mejju.
Dan l‑attakk ma kienx sorpriża għall‑Kavallieri. Żewġ diżerturi mill‑armata Ottomana kienu għarrfu li de Valette bin‑nuqqas ta’ ftehim bejn Mustafà u Pjalì, u l‑Granmastru kien qed jobsor li minflok isaħħu l‑attakk fuq Kastilja, l‑Ottomani kienu se jbiddlu t‑tattika.
L‑attakk beda b’bumbardament qalil fuq is‑swar tal‑forti. L‑Ottomani użaw kanuni kbar li jisparaw bla waqfien balal enormi tal‑ġebel biex ikissru l‑fortifikazzjonijiet. Ma’ dawn l‑Ottomani kellhom ukoll miraturi mħarrġin li kienu kapaċi jisparaw u jolqtu persuna mill‑bogħod. Dawn intefgħu wara l‑blat madwar il‑forti, minn fejn setgħu jimmiraw sew lejn l‑Insara li kienu fuq is‑swar. Minħabba l‑artillerija (il‑kanuni) u dawn il‑miraturi, l‑Insara tilfu ħafna nies.
Fid‑dalma tal‑lejl wara l‑ewwel attakk, Broglia bagħat għawwiem il‑Birgu biex jispjega s‑sitwazzjoni li de Valette. “Sinjur,” qallu fil‑messaġġ, “fl‑opinjoni tagħna, skont is‑sitwazzjoni li qegħdin fiha, se nkunu nistgħu inżommu l‑forti għal tmint ijiem biss.”
“Sant’ Iermu qisu ċ‑ċavetta għal Malta kollha,” qal de Valette. “Ma nistgħux nirriskjaw nitilfuh. Hemm bżonn inżommu dak il‑forti kemm jista’ jkun.” Għalhekk dak il‑lejl stess de Valette bagħat bil‑moħbi 200 suldat Spanjol u 50 Kavallier ieħor.
Minn qabel ma beda l‑attakk fuq Sant’ Iermu, l‑Ottomani kienu bdew iħaffru trunċieri madwar il‑forti ħalli joqorbu lejn il‑ħitan kemm jista’ jkun u fl‑istess ħin jinħbew mill‑musketti u l‑kanuni tal‑Insara. Kienu għadhom qed iħaffru aktar trunċieri meta fil‑għodwa tad‑29 ta’ Mejju grupp żgħir ta’ suldati ħarġu mill‑forti u attakkaw lill‑għadu. Kien hemm taqbida qalila, u l‑Insara rnexxielhom jokkupaw ftit mit‑trunċieri. Malli ra dan, Mustafà ordna lill‑Ġannizzeri biex jattakkaw.
Il‑Ġannizzeri kienu l‑krema tal‑armata Ottomana. Kienu suldati ta’ esperjenza mħarrġin ħafna aktar mis‑suldati regolari. Dawn kienu ġellieda mħarrġin minn tfulithom biex jiddefendu l‑Iżlam, jekk hemm bżonn anki b’ħajjithom. Kienu mrobbijin b’fanatiżmu liema bħalu. Ħaġa tal‑għaġeb, kienu kollha ġejjin minn familji Nsara li kienu maħkumin mill‑Imperu Ottoman. Kienu jinħatfu mill‑familji tagħhom bħala lsiera minn età żgħira, jikkonvertuhom għall‑Iżlam u jħarrġuhom għall‑gwerra. Minħabba l‑fanatiżmu tagħhom kienu jattakkaw lill‑għadu b’feroċja kbira qishom imġienen, u d‑dehra tagħhom dejjem kienet tnissel twerwir f’qalb l‑għadu.
Ftit ftit il‑Ġannizzeri bdew jimbuttaw lill‑Kavallieri lura sakemm reġgħu ħatfu t‑trunċieri u rebħu aktar art quddiem il‑forti. Minn dak il‑ħin ’il quddiem l‑Insara bdew jintlaqtu faċilment mill‑miraturi moħbijin wara l‑blat viċin. L‑attakk baqa’ għaddej għal ġranet u ljieli sħaħ tant li bilkemm kien hemm difensur wieħed fil‑forti li ma kienx ferut, ħafif jew gravi. Madankollu, baqgħu jżommu sod.
Kien f’dan iż‑żmien li f’Malta wasal Dragut. Dragut kien tista’ tgħid l‑aktar furban magħruf fil‑Mediterran. Kien magħruf mal‑Ewropa u mal‑Afrika ta’ Fuq bħala x‑‘Xabla tal‑Iżlam’ u kien meqjus bħala leġġenda. Kull min kien ibaħħar fil‑Mediterran – speċjalment l‑Insara – kien jibża’ minnu u mir‑reputazzjoni tiegħu. Kellu 80 sena, u kellu esperjenza militari liema bħalha. Kien stratega eċċellenti u kellu ħila kbira bħala mexxej. L‑uffiċjali Ottomani issa kienu ċerti li bit‑tmexxija tiegħu l‑assedju ma kienx se jdum ma jintemm favurihom.
Dragut niżel nhar it‑2 ta’ Ġunju fil‑ponta tat‑tramuntana tal‑Port ta’ Marsamxett, illum parti minn Tas‑Sliema, u li hija msemmija l‑Ponta ta’ Dragut għalih. Ġab miegħu sittax‑il ġifen u madwar 2,000 suldat. Dragut kien niżel ħafna drabi f’Malta, u kien niżel ukoll f’Għawdex darbtejn, fl‑1561 u l‑1563. Waqt it‑tieni darba niesu ġġieldu mal‑Kavallieri u ħuh miet waqt it‑taqbid, u Dragut minn dejjem kien jobsor li għad isib sehmu waqt li jkun qed jiġġieled mal‑Kavallieri tal‑Ordni fuq din il‑ġżira.
Għalkemm uffiċjalment Dragut ma kienx jagħmel parti mill‑armata Ottomana, kemm ir‑reputazzjoni tiegħu ta’ ġeneral eċċellenti kif ukoll l‑ordni ċar mingħand Sulejman innifsu kien ifisser li hu issa kien il‑mexxej ewlieni tal‑armata, u kemm Mustafà kif ukoll Pjalì kellhom joqogħdu għat‑tmexxija tiegħu. Għalhekk ma ħax pjaċir meta ra li Mustafa u Pjalì kienu bdew l‑assedju mingħajru.
Mall‑ewwel Dragut beda jifli s‑sitwazzjoni. Ra Sant’ Iermu, bil‑ħitan imfarrkin u qed jaqgħu biċċiet. Studja sew it‑trunċieri u l‑pożizzjonijiet tal‑kanuni u s‑suldati li l‑Ottomani kienu poġġew madwar il‑forti. Ra wkoll kif l‑armata Ottomana kienet mifruxa fuq l‑Għolja Xiberras u l‑Għolja tas‑Salvatur biex ikunu jistgħu jibbumbardjaw kemm Sant’ Iermu kif ukoll Sant’ Anġlu. Imma dak li ra m’għoġbux għal kollox.
“M’għamiltux sew li attakkajtu ’l Sant’ Iermu qabel,” qal lil Mustafà u lil Pjalì. “Kien ikun aħjar kieku segwejtu l‑idea oriġinali ta’ Mustafà – tieħdu t‑tramuntana tal‑gżira l‑ewwel u tħallu ’l Sant’ Iermu għall‑aħħar. Imm’ issa li bdejna l‑attakk fuq Sant’ Iermu jaqblilna nkomplu bih, ħalli neħilsuh mill‑aktar fis u nduru fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel. Nirduppjaw il‑bumbardament fuq Sant’ Iermu.”
B’dan l‑ordni l‑attakk fuq Sant’ Iermu sar aktar qalil u bla waqfien, tant li l‑forti beda jaqla’ madwar 7,000 bomba kull jum. Sadattant Dragut intebaħ ukoll li de Valette kien qiegħed jibgħat rinforzi lill‑forti billejl, permezz ta’ dgħajjes mill‑Birgu. Għalhekk ordna li jwaqqfu dawn ir‑rinforzi bid‑dgħajjes tagħhom, u issa beda jinstema’ sparar u taqbid fil‑port anki billejl hekk kif dgħajjes Ottomani ppruvaw jimbuttaw lid‑dgħajjes Insara lura biex ma jħalluhomx jilħqu l‑ponta tal‑Għolja Xiberras.
Imnebbħin aktar bl‑ordnijiet sodi ta’ Dragut, il‑Ġannizzeri żiedu l‑isforzi tagħhom bl‑attakki fuq Sant’ Iermu, tant li waslu sal‑ħitan tal‑forti. Permezz ta’ slielem, bdew jitilgħu mal‑ħitan hekk kif il‑kaptan tagħhom beda jinkuraġġihom: “Ljuni tal‑Iżlam! F’isem Allaħ ħalli nifirdu l‑erwieħ u l‑irjus ta’ dawn il‑misħutin Kavallieri minn ġisimhom!”
Madankollu d‑difensuri Nsara ma kinux lesti li jċedu malajr. Malli raw lill‑għadu tiela’ mal‑ħitan, bdew jissuttaw għal fuq rashom biċċiet kbar ta’ ġebel mill‑ħitan imkissrin, kaldaruni sħaħ ta’ żejt jagħli, u ċrieki tan‑nar. Fost it‑twerżieq u l‑krib ta’ dawk li ntlaqtu, il‑Ġannizzeri kellhom jirtiraw, u waqt li l‑Ottomani tilfu madwar 2,000 ruħ f’dan l‑attakk, l‑Insara tilfu biss madwar 80.
Il‑Kavallieri kienu jafu sew li ma setgħux iżommu għal ħafna aktar fit‑tul. Kien qisu li l‑forzi Ottomani kienu se jibqgħu ġejjin u ma jispiċċaw qatt. Fil‑lejl tat‑8 ta’ Ġunju messaġġier irnexxielu jiżgiċċa u jwassal messaġġ lil de Valette fil‑Birgu.
“Dan il‑messaġġ iffirmat minn 53 Kavallier,” qal de Valette lill‑uffiċjali tiegħu. “Qed isostnu li ma jistgħux jirreżistu għal ħafna aktar, u qed jgħiduli li jekk ma nordnalhomx biex jirtiraw, biħsiebhom joħorġu barra mill‑forti u jiffaċċjaw lill‑għadu fil‑beraħ sakemm imutu! Tassew huma nies qalbenin, imma qed jiddispraw. Hemm bżonn niktbilhom xi ħaġa biex inqawwilhom qalbhom.”
Il‑messaġġier mar lura Sant’ Iermu bit‑tweġiba ta’ de Valette. U de Valette kitbilhom, “Se nibgħat grupp ta’ voluntiera biex jeħdulkom postkom, u intom tkunu tistgħu tiġu l‑Birgu fuq id‑dgħajjes tagħhom. Nippreferi nħalli l‑forti f’idejn nies li nista’ nafda!”
Bla dubju ta’ xejn il‑Kavallieri ta’ Sant’ Iermu ħadu dan il‑kliem bħala offiża. “Tlifna ġieħna u qed inżebilħu l‑unur tal‑Ordni! L‑aħwa, dan ma nistgħux naċċettawh!”
U l‑messaġġier reġa’ lura l‑Birgu bi tweġiba oħra lil de Valette. Il‑Kavallieri ta’ Sant’ Iermu issa talbuh biex ma jibgħatx il‑voluntiera minflokhom, u li huma kienu lesti li jibqgħu jiddefendu l‑forti sal‑mewt. De Valette xorta waħda bagħtilhom 15‑il Kavallier u 100 suldat voluntiera.
L‑uffiċjali għolja tal‑armata Ottomana ma baqgħux lura mill‑ġlied. Kienu qalbenin daqs is‑suldati tagħhom, u ma beżgħux iduru madwar it‑trunċieri u l‑pożizzjonijiet tal‑kanuni biex jagħtu l‑ordnijiet, anki jekk kienu fil‑periklu li jintlaqtu mill‑għadu.
Dragut kien fuq ix‑xwiek biex ifittex jaħtaf il‑forti ta’ Sant’ Iermu. Nhar it‑18 ta’ Ġunju hu u Mustafà marru fuq l‑Għolja Xiberras biex jaraw kif setgħu jżidu l‑bumbardamenti fuq il‑forti. Dragut ordna li jżidu l‑kanuni sal‑parti t’isfel tal‑peniżola, li kienet ixxaqleb lejn il‑Port il‑Kbir faċċata ta’ Sant’ Anġlu.
L‑uffiċjali Ottomani kellhom l‑uniformijiet tagħhom fastużi ħafna u l‑Kavallieri tal‑artillerija ta’ Sant’ Anġlu nnutaw il‑grupp ta’ Ottomani libsin b’dawk il‑kuluri jispikkaw. Il‑kap tal‑artillerija basar li dawk in‑nies kienu xi rjus kbar u qatagħha li jispara kannunata fuqhom.
L‑ewwel balla spiċċat mal‑art viċin tal‑uffiċjali Ottomani, u għalkemm ma laqtet lil ħadd direttament, l‑isplużjoni tajret ħafna biċċiet ta’ ġebel u żrar kullimkien. Waħda minn dawn laqtet lil‑Dragut taħt widintu il‑leminija, u nxteħet tulu fl‑art, bid‑demm ħiereġ minn imnieħru u minn widintu. Sadattant kannunata oħra splodiet qalb il‑grupp, u qatlet fuq il‑post lill‑kap tal‑Ġannizzeri. Mustafà ma ntlaqatx, imma niżel għarkopptejh ħdejn Dragut biex jagħtih l‑għajnuna. Ħaseb li kien mejjet, għalhekk għattieh malajr b’mantell u ta l‑ordni biex iġorruh sat‑tinda tiegħu. Dar fuq l‑uffiċjali l‑oħra li kienu hemm.
“Żommu siekta u tgħidu xejn dwar din il‑biċċa,” ordnalhom. “Jekk is‑suldati jkunu jafu li Dragut waqa’, jinqala’ l‑paniku.”
L‑artillerija tal‑Kavallieri kienet għadha qed tispara minn Sant’ Anġlu, u l‑uffiċjali l‑oħra ħeġġew lil Mustafà biex imur għall‑kenn biex ma jintlaqatx hu wkoll, imma Mustafà baqa’ hemm sakemm ra li l‑ordnijiet tiegħu kienu qed jobduhom.
Lura fit‑tinda tiegħu Mustafà sar jaf li fil‑fatt Dragut kien għadu ma mietx, għalkemm il‑ferita tiegħu f’rasu kienet gravi ħafna u ma kienx seta’ jitkellem sew. Ordna li jeħduh fil‑kamp tal‑Marsa ’l bogħod mill‑ġlied ħalli jduru bih.
Minkejja l‑isforzi ta’ Mustafà l‑kelma malajr ġriet li l‑kap tal‑Ġannizzeri kien mejjet u li Dragut kien imweġġa’ serjament. Saħansitra de Valette stess sar jaf bis‑sitwazzjoni minn diżertur li kien qasam il‑port dik il‑lejla stess.
L‑għada, waqt li Mustafà kellu laqgħa oħra mal‑uffiċjali tiegħu fil‑beraħ, wieħed mill‑uffiċjali ta’ Sant’ Iermu, il‑Kavallier Antonio Grugno, lemaħhom u ordna kannunata lejhom. Din id‑darba ntlaqtu xi uffiċjali Ottomani oħra, imma b’risposta, miratur laqat lil Grugno u ferieh serjament.
U l‑attakki komplew, l‑aktar qawwija bejn il‑21 u t‑22 ta’ Ġunju. Sadattant, biex jgħinu lil sħabhom f’Sant’ Iermu, il‑kanuni ta’ Sant’ Anġlu bdew jisparaw fuq il‑pożizzjonijiet Ottomani fuq l‑Għolja Xiberras. It‑Torok ippruvaw jersqu lejn il‑forti min‑naħa tal‑kosta tal‑port ta’ Marsamxett biex idawru lil‑Insara fil‑forti, u l‑Kavallieri ntebħu li l‑attakki issa kienu ġejjin minn żewġ naħat. Bi sforz kbir irnexxielhom jimbuttaw lit‑Torok għal ftit żmien, madankollu, waqt il‑lejl, ħafna miraturi Torok reġgħu sabu posthom fit‑trunċieri u kien diffiċli li jċaqalquhom minn hemm. Issa t‑Torok tant kienu waslu qrib tal‑forti li l‑kanuni ta’ Sant’ Anġlu siktu. M’azzardawx ikomplu jisparaw bil‑biża’ li jolqtu lil sħabhom.
Broglia safa ferut sew u l‑Kavallier Montserrat ħa postu bħala kmandant tal‑forti. Sbieħ it‑22 beda b’aktar sparar ta’ kanuni u xkubetti min‑naħa tat‑Torok. Xi ftit minnhom laħqu l‑ħitan tal‑forti imma l‑Kavallieri mbuttawhom lura. L‑Insara rnexxielhom jisparaw xi kannunati fejn kien hemm il‑miraturi fit‑trunċieri, u għal ftit żmien l‑isparar minn dik in‑naħa waqaf. Madankollu Montserrat ntlaqat u miet fuq il‑post.
Il‑ħbit reġa’ beda u baqa’ sejjer għal xi sitt sigħat qabel ma Mustafà qatagħha li jwaqqaf l‑attakk. Il‑Kavallieri setgħu jieħdu ftit nifs, imma kienu tilfu madwar 200 ruħ f’din it‑taqbida biss, u ma kienx hemm ċans li jkollhom aktar rinforzi. Matul il‑lejl de Valette kien ittanta jibagħtilhom ftit aktar suldati bid‑dgħajjes mill‑Birgu, imma l‑isparar tat‑Torok tant kien qawwi li lanqas biss waslu sal‑ponta tal‑Għolja Xiberras, u kellhom jirtiraw. Issa l‑Kavallieri, is‑suldati u l‑Maltin li kien għad fadal fil‑forti Sant’ Iermu kienu kompletament maqtugħin minn sħabhom.
Fid‑dalma tal‑lejl ta’ bejn it‑22 u t‑23, b’diffikultà kbira, grupp żgħir ta’ suldati rnexxielhom jilħqu l‑forti biex jaraw kif kienet il‑qagħda. L‑aħħar messaġġ li bagħtu li de Valette kien li ma setgħux jirreżistu aktar minn ġurnata oħra.
Fl‑għodwa tat‑23 parti mill‑flotta Torka għaddiet viċin il‑forti u sparat sensiela ta’ kannunati. Ix‑xwieni mbagħad ħaffu għall‑kenn tal‑port ta’ Marsamxett. Dan kien sinjal biex tibda l‑akbar u l‑aħħar offensiva tat‑Torok fuq Sant’ Iermu, prattikament bil‑forzi kollha li kellhom.
Tista’ tgħid li dawk kollha li kienu għadhom ħajjin fil‑forti kienu xi ftit jew wisq feruti, imma kollha kienu lesti li jibqgħu jirreżistu sal‑aħħar. Żewġ Kavallieri li kienu feruti u ma setgħux iżommu fuq saqajhom ġabu siġġijiet biex jiġġieldu bilqiegħda.
L‑attakk dam xi erba’ sigħat sakemm fl‑aħħar l‑Ottomani rnexxielhom jidħlu fil‑forti. Wieħed wieħed, id‑difensuri bdew jaqgħu taħt il‑qilla feroċi tat‑Torok. Disa’ Kavallieri nqabdu priġunieri: ħames Spanjoli, tliet Taljani u Franċiż. Ħames suldati Maltin irnexxielhom jaqbżu fil‑baħar u jgħumu sal‑Birgu. Il‑bqija tad‑difensuri kienu kollha mejta. Minn Sant’ Anġlu, de Valette u l‑uffiċjali tiegħu raw il‑bandiera Torka tittella’ fuq it‑tifrik tal‑forti.
Mal‑waqa’ ta’ Sant’ Iermu, Mustafà minnufih bagħat messaġġ lil Dragut, fil‑kamp tal‑Marsa, biex jgħarrfu dwar ir‑rebħa. Malli qalulu bil‑messaġġ, Dragut għolla għajnejh lejn is‑smewwiet u miet.
L‑Insara tilfu 1,500 ruħ bil‑waqa’ ta’ Sant’ Iermu. Imma t‑telfa tat‑Torok kienet bil‑wisq ikbar. Kienu tilfu 8,000 mill‑aħjar suldati li kellhom, kwart tal‑forza armata kollha li kienu ġabu minn Kostantinopli. Imma l‑akbar telfa kienet ta’ Dragut. Dragut kien il‑moħħ wara l‑operazzjoni kollha, u kien hu li kien qed iżomm il‑bilanċ bejn l‑ambizzjonijiet ta’ Mustafà u ta’ Pjalì, li issa faċilment setgħu jerġgħu jibdew jippikaw bejniethom.
“Jekk l‑iben swielna daqshekk,” lissen Mustafà ħosbien, “x’se jiswielna l‑missier?”
L‑għada filgħodu n‑nies ta’ Senglea u tal‑Birgu raw dehra li tkexkex fil‑port. It‑Torok kienu qabdu l‑iġsma tal‑Kavallieri mejtin, qatgħulhom rashom, rabtuhom ma’ pjanċi tal‑injam u xeħtuhom f’wiċċ l‑ilma. Il‑kurrent wassalhom sa taħt is‑swar tal‑Birgu u Senglea. Ir‑risposta ta’ de Valette kienet pronta u daqstant kiefra. Ordna li jinqatlu l‑priġunieri Musulmani li kellhom. L‑irjus tagħhom sparawhom bil‑kanuni lejn il‑pożizzjonijiet Ottomani.
Dan l‑għemil kien kontroversjali ħafna u wara l‑assedju bosta Ewropej ikkundannawh. Sfortunatament saru atroċitajiet miż‑żewġ naħat tal‑kunflitt.
Issa li Sant’ Iermu kien waqa’, de Valette kien jaf li t‑Torok setgħu jikkonċentraw fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel. Bħala preparazzjoni qabel l‑assedju l‑Kavallieri kienu għamlu katina kbira mill‑ponta ta’ San Mikiel għal dik ta’ Sant’ Anġlu. Katina oħra tpoġġiet ġewwa nett fil‑Qala tat‑Tarzna (il‑parti tal‑port bejn Senglea u l‑Birgu). B’hekk il‑biċċiet tal‑baħar kollha tal‑Ordni kienu ankrati bejn iż‑żewġ ktajjen għal aktar protezzjoni. Għalkemm dawn il‑ktajjen kienu enormi u tqal ħafna, setgħu jitniżżlu taħt wiċċ l‑ilma biżżejjed biex biċċiet tal‑baħar tal‑Ordni u l‑alleati tagħhom ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu meta kien hemm bżonn. Lejn nofs il‑qala bnew ukoll puntun ħalli jgħaqqad lill‑Birgu ma’ Senglea u n‑nies ikunu jistgħu jgħaddu minn naħa għal oħra malajr. Ħabat tajjeb li ħasbu li jagħmlu dan il‑pont, għax aktar tard waqt it‑taqbid kellhom jiġu bżonnu.
Bħala ikel ma kinux neqsin ħafna. Fl‑imħażen u l‑fosos kellhom qamħ, u xgħir li l‑bdiewa kienu ġabru mill‑għelieqi qabel ma marru għall‑kenn wara l‑ħitan tal‑Birgu u ta’ Senglea. Kellhom ukoll żejt taż‑żebbuġ, ġobon u butir, laħam immellaħ, sardin, tonn u merluzz imnixxef. Lanqas l‑ilma ma kien problema, għaliex kellhom madwar 40,000 bettija tal‑ilma kif ukoll nixxiegħa ta’ ilma frisk fil‑Birgu. Biex kemm jista’ jkun ma jaħlux minn dan l‑ikel, de Valette ordna li l‑klieb kollha fil‑Birgu u f’Senglea jinqatlu. B’hekk kien ikun hemm inqas ħluq x’jitimgħu. Għalkemm de Valette ta dan l‑ordni, kien kemxejn iddispjaċut għax dan kien ifisser li kellu joqtol ukoll il‑klieb tal‑kaċċa li kellu u li kienu l‑mimmi t’għajnejh.
Madankollu, l‑aktar li de Valette kien qed iħoss kien in‑nuqqas ta’ suldati. Għalkemm il‑Viċi‑Re kien wegħdu li jibgħatlu għajnuna militari lejn l‑20 ta’ Ġunju, issa l‑forti Sant’ Iermu kien waqa’, u dik l‑għajnuna kienet għadha ma waslitx. Li għalissa ma kienx jaf de Valette kien li forza żgħira kienet waslet Malta minn Sqallija, fl‑istess jum tal‑waqgħa ta’ Sant’ Iermu...
Sadattant, issa li d‑daħla għall‑Port ta’ Marsamxett kienet ħielsa, Pjalì seta’ jdaħħal il‑parti l‑kbira tal‑flotta Ottomana hemmhekk. Minn hemm it‑Torok setgħu iħottu aktar apparat militari u jġorruh fuq l‑art minn naħa għal oħra tal‑Għolja Xiberras. B’hekk setgħu jpoġġu aktar kanuni fuq ix‑xaqliba tal‑peniżola li kienet faċċata Sant’ Anġlu u San Mikiel.
Il‑forza minn Sqallija kienet waslet b’żewġt iġfna tal‑Viċi‑Re flimkien ma’ tnejn oħra tal‑Kavallieri. Waqt li l‑Viċi‑Re kien għadu qed jistenna li jkollu aktar suldati qabel ma jsalpaw lejn Malta, il‑Kavallieri li kien hemm Sqallija kienu fuq ix‑xwiek biex ifittxu jaslu Malta ħalli jgħinu lil sħabhom. Ikkonvinċew lill‑Viċi‑Re jħallihom jitilqu għal Malta bix‑xwieni tagħhom. Il‑Viċi‑Re għalhekk xorta bagħat magħhom 600 suldat mill‑armata tiegħu, taħt Don Juan de Cardona, imma ta l‑ordni li ħadd ma jinżel mix‑xwieni qabel ma jaraw il‑qagħda ta’ Sant’ Iermu. Jekk jaraw li Sant’ Iermu kien waqa’, il‑flotta kellha terġa’ lura Sqallija mingħajr ma tniżżel suldati f’Malta.
Imma l‑Kavallieri kellhom il‑pjanijiet tagħhom. Kienu mmexxija mill‑Kavallier de Robles. Kien ġab miegħu Malta 42 Kavallier, 20 voluntiera mill‑Italja, tlieta mill‑Ġermanja u tnejn mill‑Ingilterra. De Robles bagħat spija quddiem biex ikun jaf bil‑qagħda tal‑assedju qabel de Cardona. Malli l‑ispija wasal lura, qal lil de Robles li Sant’ Iermu kien waqa’. De Robles ma qal xejn li de Cardona, u qatagħha li jniżżel niesu xorta waħda kontra l‑ordnijiet tal‑Viċi‑Re. De Robles ma kienx lest li jabbanduna lill‑Kavallieri sħabu f’dak il‑mument kritiku.
Nhar it‑23 ta’ Ġunju l‑flotta ż‑żgħira resqet lejn Malta mill‑majjistral fejn ma kienx hemm xwieni Torok. Malli l‑Kavallieri u s‑suldati niżlu l‑art, de Cardona ordna x‑xwieni jsalpaw lil hinn mill‑kosta. Kien għadu ma jafx li Sant’ Iermu kien waqa’. In‑nies ta’ de Robles bdew mixjin mal‑kosta u rnexxielhom jiskartaw il‑pattulji Torok. Bagħat ukoll xi nies quddiem biex jilħqu javżaw lil de Valette li kienu ġejjin. Evitaw lit‑Torok li kienu fil‑kampijiet u fejn kienu qed jippreparaw it‑trunċieri. Malli waslu l‑Kalkara sabu dgħajjes qed jistennewhom biex jeħduhom il‑Birgu. Ħaġa li ma titwemminx, il‑Kavallieri u s‑suldati kollha rnexxielhom jaslu qawwijin u sħaħ fid‑dalma tal‑lejl mingħajr ma ġibdu l‑attenzjoni tat‑Torok.
L‑għada filgħodu tellgħu il‑bnadar tagħhom fejn it‑Torok setgħu jarawhom sew, u Mustafà ntebaħ li kienu żgiċċawlu minn taħt imnieħru. Issa beda jinkwieta. Fejn qabel kien deċiż li joqtol kull Kavallier u Malti li kien hemm fuq il‑gżira, issa beda jaħseb kienx aħjar joffrix lill‑Kavallieri l‑istess kundizzjonijiet li t‑Torok kienu tawhom f’Rodi.
Fl‑assedju ta’ Rodi tal‑1522, meta l‑Granmastru tal‑Ordni kien L‑Isle Adam, Sulejman kien wiegħed lill‑Kavallieri li jekk iċedu jħallihom jitilqu mingħajr ma joqtol lil ħadd minnhom, bl‑unuri kollha u bil‑bnadar tagħhom, u jħallihom ibaħħru lejn Sqallija. Mustafà ddeċieda li jagħmel hekk din id‑darba wkoll. Ried jibgħat messaġġier li de Valette, imma beża’ li jekk jibgħat lil xi Musulman il‑Kavallieri kienu joqtluh. Għalhekk bagħat lil wieħed mill‑ilsiera Nsara tiegħu personali.
Taħt bandiera bajda l‑ilsir wasal taħt is‑swar tal‑Birgu, u s‑suldati ħaduh għand de Valette. Għall‑ewwel de Valette hedded li jibagħtu għall‑forka, imma wara li l‑ilsir, iddisprat, beda jitlob biex jeħilsuh, de Valette qallu biex imur miegħu, u ħadu madwar il‑fortifikazzjonijiet, fejn l‑ilsir seta’ jara lill‑Kavallieri u lis‑suldati ppreparati għat‑taqbid, u l‑kanuni li kellhom lesti. Fl‑aħħar ħadu jara l‑fossa li kien hemm taħt is‑swar tal‑Birgu. L‑ilsir baqa’ mbellah. “Se jkun diffiċli għat‑Torok biex jirbħu dan il‑post,” lissen bil‑mod.
“Mur lura għand sidek,” qallu de Valette b’leħen sod, hekk kif ipponta lejn il‑fossa l‑fonda, “u għidlu li l’unika biċċa art li nista’ nċedilu hija dik il‑fossa, biex jarmi fiha l‑iġsma mejta tal‑Ġannizzeri tiegħu.”
Wara dan, telquh biex imur lura għand it‑Torok. Din it‑tweġiba naturalment irrabjat lil Mustafà mhux bil‑ftit, u issa ħalef li joqtol lil kull Kavallier tal‑Ordni li kien hemm fil‑gżira.
Fl‑istess żmien Mustafà waslulu xi rinforzi wkoll. Il‑Viċi‑Re tal‑Alġerija, Ħassem, wasal b’aktar suldati Alġerin. Kienu waslu f’waqt tajjeb hekk kif Mustafà kien qed jippjana kif jaħbat għal Senglea u l‑Birgu.
Minħabba l‑kanuni ta’ Sant’ Anġlu li kienu jkopru l‑parti l‑kbira tal‑Port il‑Kbir, Mustafà ma setax idaħħal xwieni hemm biex ikun jista’ jattakka l‑fortifikazzjonijiet mill‑baħar. Xtaq li jkollu xi xwieni fuq in‑naħa ta’ ġewwa tal‑port, speċjalment biex ikun jista’ jilħaq lill‑forti ta’ San Mikiel u Senglea. Setgħu jagħmlu dan billi jiġbdu madwar 80 xini kbir minn fuq l‑art, jaqsmu l‑Għolja Xiberras u jniżżluhom fil‑baħar fuq in‑naħa ta’ ġewwa tal‑port, lejn il‑Marsa, fejn diġà kien hemm il‑kamp Ottoman għall‑feriti. Kienet biċċa xogħol iebsa. Permezz ta’ zkuk tas‑siġar miksijin bix‑xaħam taħt ix‑xwieni, setgħu jiġbdu dak it‑toqol kollu bil‑mod u b’attenzjoni kbira biex ma jagħmlulhomx ħsara.
L‑ispiji ta’ de Valette naturalment raw x’kien qed jiġri u malajr wissew lill‑Granmastru, li mall‑ewwel fehem x’kien l‑iskop tat‑Torok. Kienu biħsiebhom jattakkaw Senglea mix‑xaqliba faċċata tal‑Għolja ta’ Kordin. Basar li x’aktarx iniżżlu ħafna frejgatini mimlijin suldati biex jaslu taħt is‑swar. Għalhekk nhar it‑8 ta’ Lulju ordna li jibdew jibnu palizzata fl‑ilma mat‑tul kollu ta’ dik in‑naħa tas‑swar, ħalli l‑frejgatini tal‑għadu ma jkunux jistgħu jersqu ħafna qrib ix‑xatt. L‑Insara sammru sew iz‑zkuk ma’ qiegħ il‑baħar u rabtuhom flimkien permezz ta’ ktajjen biex jagħmlu l‑barriera. Il‑binja tal‑palizzata saret matul l‑iljieli, biex ma jiġbdux l‑attenzjoni tat‑Torok. Il‑palizzata lestewha f’disat iljieli, qabel ma t‑Torok laħqu wasslu x‑xwieni tagħhom kollha fil‑port tal‑Marsa. Għalhekk issa l‑Insara ma kellhom xejn x’jagħmlu għajr li jistennew l‑attakk.
De Valette kellu arma oħra li sa issa t‑Torok ma kinux jafu biha. Fil‑parti l‑baxxa tas‑swar ta’ Sant’ Anġlu kien hemm batterija oħra li mill‑bidu tal‑assedju s’issa kienet għadha ma sparatx balla waħda. Billi kienet fil‑baxx ma kenitx tidher sew u x’aktarx it‑Torok kienu għadhom ma jafux biha. L‑uniku skop ta’ dawn il‑kanuni kien li jipproteġu d‑daħla għall‑Qala tat‑Tarzna. Dawn il‑kanuni kienu mmexxija mill‑Kavallier de Guiral.
Ħaġa waħda li qabżet lill‑Kavallieri waqt li kienu qed iħejju d‑difiża tagħhom kienet li Bormla, ir‑raħal li kien bejn Senglea u l‑Birgu u li kien barra mill‑protezzjoni tas‑swar, ħallewh sħiħ. Għal xi raġuni, wara li l‑popolazzjoni ta’ Bormla kienet marret wara s‑swar, ma ħottewx id‑djar, u b’hekk ħallew lok għat‑Torok fejn setgħu jersqu viċin is‑swar waqt li jibqgħu għall‑kenn fil‑bini.
Mustafà ppjana li jaħbat għall‑Birgu u Senglea minn bosta naħat fl‑istess ħin, kemm mill‑baħar kif ukoll mill‑art. Il‑viċi‑kap ta’ Ħassem, Candelissa, kellu jattakka lil Senglea mill‑baħar waqt li Ħassem jaħbat għas‑swar min‑naħa tal‑art. Fl‑istess ħin il‑Ġannizzeri kellhom jattakkaw lill‑ponta ta’ Senglea min‑naħa l‑oħra tal‑baħar fuq il‑Qala tat‑Tarzna.
Madankollu, issa li kien hemm il‑palizzata, Mustafà xtaq jeqridha qabel jibda tal‑attakk. L‑ewwel bagħat xi għawwiema armati b’mannari biex jippruvaw jaqalgħu xi ftit miz‑zkuk. Malli lemħuhom is‑suldati Nsara bdew jisparawlhom minn fuq is‑swar waqt li xi Maltin qabżu fil‑baħar biex jilqgħuhom. Dawn tqabdu mat‑Torok fil‑baħar sakemm imbuttawhom lura. Waqt din it‑taqbida miet Tork u bosta oħra sfaw feruti. Għalhekk Mustafà pprova mod ieħor.
Din id‑darba bagħat xi suldati fuq dgħajjes. Rabtu ħbula kbar ma’ xi zkuk tal‑palizzata u ttantaw jiġbduhom biex jaqalgħuhom minn mal‑qiegħ. Irenxxielhom jaqalgħu xi ftit minnhom, imma sadattant l‑Insara reġgħu bdew jisparawlhom minn fuq is‑swar, u l‑għawwiema Maltin reġgħu ħarġu biex jimbuttawhom lura u jsewwu l‑ħsara li għamlu.
Nhar il‑15 ta’ Lulju Mustafà beda l‑attakk il‑kbir billi bbumbardja l‑ponta ta’ Senglea fejn kien hemm par imtieħen u fejn l‑Insara kienu għadhom qed jaħdmu biex itejbu d‑difiżi. F’din il‑parti l‑protezzjoni kienet għadha dgħajfa, u mietu ħafna Nsara waqt il‑bumbardamant. Sadattant, armata Alġerina mmexxija minn Ħassem telqet mill‑kamp tal‑Marsa u rħitilha lejn Bormla, fejn setgħu jsibu kenn fil‑bini waqt li jattakkaw. Hawnhekk de Valette intebaħ bl‑iżball li kien sar meta ma qerdux id‑djar fir‑raħal. Il‑kanuni ta’ Senglea u tal‑Birgu sparaw lejn l‑avvanz, imma m’għamlux ħafna effett. Qtajja’ żgħar ta’ Nsara ħarġu biex ifixklu l‑avvanz, u kien hemm taqtigħa li damet xi tliet sigħat. Madankollu l‑avvanz kien qawwi wisq, u l‑Insara kellhom jirtiraw.
Dan wera biċ‑ċar kemm kien perikoluż li ħallew il‑bini f’Bormla wieqaf. Għaldaqstant de Valette bagħat grupp ta’ suldati ma’ numru ta’ bennejja Maltin, armati bi bqaqen u vireg tal‑ħadid biex iħottu kemm jistgħu mill‑bini li kien qrib tas‑swar u li t‑Torok kienu għadhom ma laħqux. Malli t‑Torok raw x’kien qed jiġri fis marru għall‑attakk. L‑Insara żammew sod hekk kif bdew jisparaw lura mill‑kenn ta’ xi bini, u t‑taqbid baqa’ sejjer għal xi sitt siegħat. Fl‑aħħar il‑porvli għall‑ixkubetti li kellhom spiċċa, u l‑Insara kellhom jerġgħu jirtiraw lejn is‑swar. Minn fuq il‑ħitan il‑kanuni tal‑Kavallieri baqgħu jisparaw lejn it‑Torok sakemm is‑suldati u l‑Maltin sabu l‑kenn. Madankollu, għalkemm kien irnexxielhom iħottu xi ftit bini, ma setgħux jagħmlu biżżejjed ħsara waqt li t‑Torok kienu qed jisparaw fuqhom, u l‑għadu żamm postu sod fir‑raħal, viċin ħafna tas‑swar.
Ħassem issa ta l‑ordni biex jattakkaw il‑ħitan bil‑qawwa. L‑Alġerini użaw slielem biex jixxabbtu mal‑ħitan, u malli waslu fil‑quċċata kien hemm taqbid qalil hekk kif id‑difensuri laqgħuhom bis‑saħħa tagħhom kollha.
Fl‑istess waqt li Ħassem beda l‑attakk mill‑art, numru kbir ta’ frejgatini, kollha mballati b’suldati Alġerini, u mmexxija minn Candelissa, telqu mill‑port tal‑Marsa u qadfu tul il‑Port il‑Kbir lejn San Mikiel u Senglea. Dawk il‑frejgatini kollha, resqin qajla qajla lejn Senglea, kienu bla dubju ta’ xejn dehra spettakolari, imma għall‑Insara li kienu qed jarawhom resqin lejhom kienet ukoll dehra tal‑biża’ hekk kif lestew biex jilqgħuhom. Il‑kanuni fuq is‑swar bdew jisparaw fuq id‑dgħajjes bla waqfien. Qerdu ħafna minnhom u mietu ħafna Alġerini. Madankollu dawn xorta waħda rnexxielhom jilħqu x‑xatt, u permezz ta’ slielem bdew jitilgħu mal‑ħitan.
Fuq in‑naħa tal‑art, maħżen tal‑porvli wara s‑swar ta’ Senglea sploda, u parti żgħira mis‑swar waqgħet. It‑Torok sabu x‑xoqqa f’moxtha biex jiġru lejn il‑fetħa u jippruvaw jidħlu. L‑Insara għamlu kontrattakk, imma malli l‑Kavallier li kien qed imexxihom, Zanoguerra, inqatel, it‑Torok għamlu sforz akbar u dik il‑parti ta’ Senglea kienet fil‑periklu li taqa’ f’idejn it‑Torok għal kollox. Mill‑Birgu de Valette seta’ jara x’kien qed jiġri, u minnufih bagħat numru ta’ Kavallieri u suldati biex jgħinu. Dawn qasmu l‑puntun mill‑Birgu għal Senglea, waslu fuq il‑post malajr, u rnexxielhom jimbuttaw lit‑Torok lura.
Waqt dan l‑attakk doppju, Mustafà ta l‑ordni biex isir it‑tielet avvanz. Permezz ta’ aktar frejgatini, bagħat elf Ġannizzeru jattakkaw il‑ponta ta’ Senglea fuq ix‑xaqliba fejn ma kienx hemm palizzata. Qassam il‑forza tiegħu f’għaxar frejgatini b’mitt Ġannizzeru fuq kull waħda. Biss it‑Torok ma kinux jafu bil‑batterija ta’ kanuni ta’ de Guiral, moħbija fil‑parti l‑baxxa tal‑forti Sant’ Anġlu, u l‑frejgatini għaddew inqas minn mitejn metru ’l bogħod minnha. De Guiral fis ta l‑ordni biex jisparaw. Il‑frejgatini ma kellhomx ċans jevitaw dak l‑isprar daqshekk qrib. Tista’ tgħid inqerdu għal kollox, u l‑Ġannizzeri tilfu mat‑800 ruħ.
Ma’ dawn, l‑Ottomani tilfu 2,200 ruħ oħra taħt is‑swar ta’ Senglea u fil‑frejgatini fil‑Port.
Waqt l‑attakki fuq Senglea l‑Insara tilfu madwar 250 ruħ. Fosthom kien hemm il‑Kavallier Federiku ta’ Toledo. Dan kien iben il‑Viċi‑Re ta’ Sqallija. Madwar is‑swar ta’ Senglea u fil‑baħar tal‑Port, issa kien hemm mijiet ta’ iġsma. Xi Maltin niżlu fl‑ilma u bdew jiġbru minn fuqhom armi u anki xi ġojjelli u tiżjin prezzjuż li kellhom fuqhom xi uffiċjali mejtin.
Għall‑attakk li kien imiss Mustafà ried ibiddel l‑istrateġija, u jattakka minn kullimkien bħalma kien għamel għal Sant’ Iermu. Biex jilħaq lill‑Birgu poġġa kanuni wkoll fuq l‑Għolja tas‑Salvatur. Mit‑tagħlima li kien ħa meta żgiċċawlu l‑Kavallieri ta’ de Robles, żied aktar xwieni biex jimblokka d‑daħla tal‑Port kif ukoll aktar trunċieri mill‑quċċata tal‑għolja ’l isfel sal‑Bajja tal‑Kalkara. Permezz tal‑ispiji tiegħu kien saħansitra qorob lejn xi Maltin biex jikkonvinċihom jitilqu lis‑sidien tagħhom Ewropej u jiġġieldu miegħu biex ikeċċuhom minn Malta. Imma l‑fidi tal‑Maltin kienet qawwija wisq, u ma rnexxielux idawwarhom. Barra minn dan it‑Torok kienu fi żvantaġġ għaliex il‑Maltin kienu jafu sew kull rokna u toqba fil‑gżira, u minħabba f’hekk de Valette seta’ jwassal faċilment messaġġi anki lill‑kavallieri li kellu l‑Imdina minn taħt imnieħer it‑Torok.
Mustafà qassam lill‑uffiċjali tiegħu b’tali mod li Pjalì jieħu l‑kmand tal‑attakk fuq il‑Birgu, waqt li Candelissa jieħu postu bħala kmandant tal‑flotta. Mustafà nnifsu kien se jmexxi l‑ħbit fuq Senglea u San Mikiel.
Naturalment de Valette kien qed jara ħafna minn dawn it‑tħejjijiet min‑naħa tat‑Torok, u f’dan iż‑żmien ma baqax b’idu f’idu. Seta’ jobsor li issa kien imiss attakk fuq il‑Birgu u ra kif jagħmel biex isaħħaħ id‑difiżi hemm, kemm fuq in‑naħa tal‑baħar kif ukoll dik tal‑art. Fuq in‑naħa tal‑baħar, biex jagħmel ostakli bħalma sar bil‑palizzata fuq in‑naħa ta’ Senglea, ordna li jpoġġu ħafna ġebel fuq dgħajjes tat‑tagħbija biex dawn jgħarrquhom mat‑tul tal‑Bajja tal‑Kalkara. Qabbad ukoll ħafna lsiera jwaqqfu barrieri tal‑ġebel f’xi toroq tal‑belt. Dan ix‑xogħol beda jsir fil‑beraħ, u l‑miraturi Torok li kienu moħbijin wara t‑trunċieri fuq l‑Għolja tas‑Salvatur setgħu jarawhom sew, u qatlu ħafna minnhom.
Qorob il‑bidu ta’ Awwissu, u sadattant de Valette kien għadu qed jistenna r‑rinforzi ta’ Don Garcia de Toledo li kienu wegħduh il‑mexxejja Ewropej...
L‑attakk beda b’bumbardamenti qawwija minn kull naħa. Għalkemm l‑attakki kienu ġejjin minn kullimkien, Sant’ Anġlu u l‑Birgu qalgħu l‑aktar billi kienu attakkati mill‑għolja tas‑Salvatur, il‑Ponta tal‑Forok, l‑Għolja Xiberras u saħansitra mit‑tifrik tal‑forti Sant’ Iermu. Il‑bumbardament tant kien qalil u kontinwu li ntqal li seta’ jinstama’ minn xi partijiet ta’ Sqallija. Ma kienx hemm rokna waħda fil‑belt ħielsa mill‑bombi, u mietu ħafna Maltin – irġiel, nisa u tfal.
Waqt dan il‑bumbardament it‑Torok ħabtu għas‑swar fuq in‑naħa tal‑art. Il‑ħbit baqa’ sejjer għal madwar sitt sigħat, bit‑Torok il‑ħin kollu jimxu ftit ’il quddiem u d‑difensuri jimbuttawhom lura. Il‑bumbardamenti baqgħu sejrin għal ħamest ijiem sħaħ. Meta fl‑aħħar Mustafà ordnalhom jieqfu, u d‑dħaħen u t‑trab bdew joqogħdu, l‑Insara setgħu jaraw li kienu kompletament imdawrin mill‑għadu, u li issa ftit li xejn kellhom ċans isalvaw.
Il‑bumbardament kontinwu kien għamel ħafna ħsara lis‑swar. Fuq in‑naħa tal‑Bastjun ta’ Kastilja issa dehret fetħa kbira fis‑swar, u t‑Torok minnufih daru għal hemm. It‑tifrik tas‑swar kien kważi mela sa fuq il‑fossa li kien hemm bejn il‑ħitan, tant li t‑Torok setgħu jgħaddu minn fuqu. Id‑difensuri rtiraw minn hemm u t‑Torok imxew ’il quddiem. Sabu ruħhom quddiem ħajt għoli ieħor u ntebħu li issa kienu magħluqin u ma setgħux jimxu lura, għaliex sħabhom warajhom kienu qed jippressawhom ’il quddiem. L‑Insara xeħtu fuqhom kull ma kellhom: xkubettati, ċrieki tan‑nar u granati. Fl‑aħħar it‑Torok kellhom jirtiraw, imma l‑Insara ma ġrewx warajhom. Minflok, baqgħu f’posthom u minnufih bdew isewwu l‑bini mġarrab.
Sadattant l‑attakk qalil fuq Senglea kien sejjer favur it‑Torok. Il‑forti San Mikiel kien għoddu se jaqa’, imma din id‑darba de Valette ma kellux rinforzi x’jibgħat min‑naħa tal‑Birgu. Mustafà seta’ jara dan, u biex iktar iqawwi qalb niesu, mexxa l‑attakk tal‑Ġannizzeri personalment. Żgur mhux forsi kien jirnexxilhom jinfiltraw is‑swar ta’ San Mikiel li kieku ma nstemgħux it‑trombi biex it‑Torok jirtiraw ħesrem. It‑truppi ma setgħux jifhmu għaliex kellhom jirtiraw, inkluż Mustafà nnifsu, li ma kienx ta l‑ordni. X’kien qed jiġri? Għall‑ewwel ħasbu li kienu waslu r‑rinforzi ta’ Don Garcia minn Sqallija. Imma ma kienx hekk.
Billi l‑bumbardament qalil kien qed jinstama’ minn madwar il‑gżira kollha, il‑Gvernatur tal‑Imdina, il‑Kavallier don Mesquita, basar li kien qed isir attakk qalil fuq iż‑żewġt ibliet tal‑Port il‑Kbir. Dan tah x’jifhem li l‑parti l‑kbira tal‑armata Ottomana kienet ikkonċentrata fuq il‑Birgu u Senglea, u li minħabba f’hekk x’aktarx il‑kamp ewlieni tat‑Torok fil‑Marsa ma kienx daqstant imħares. Qatagħha li jirriskjaha, u ta ordni lill‑Kavallier de Lugny joħroġ mill‑Imdina b’kontinġent ta’ kavallerija u jattakka l‑kamp Tork. Skartaw il‑pattulji ta’ Torok li kien hemm ippostjati tul it‑triq mill‑Imdina għall‑Port il‑Kbir sakemm waslu fuq in‑naħa tal‑lbiċ tal‑kamp fil‑Marsa, u attakkaw minn hemm. Kif kien basar il‑gvernatur, in‑numru ta’ għassiesa mal‑kamp kien żgħir, u l‑kavallieri malajr setgħu jeħilsu minnhom. Ħarqu t‑tined kollha li sabu u ħadu magħhom kemm setgħu żwiemel. Għalhekk meta Mustafà reġa’ lura mill‑attakk fuq Senglea, sab ħerba sħiħa. Għall‑ewwel ma fehemx minn fejn kien ġie l‑attakk. Hekk kif intebaħ li l‑assalt kien ġie mill‑Imdina, dan saħħaħlu d‑deċiżjoni tiegħu li joqtol lil kull Kavallier tal‑Ordni – minbarra ’l de Valette li ried jieħdu miegħu ħaj quddiem Sulejman.
Fil‑fatt de Valette kien għaqli biżżejjed biex jobsor x’kien se jiġrilu kieku kellu jaqa’ taħt idejn il‑Musulmani. Xi ftit jiem wara rċieva messaġġ ieħor mingħand il‑Viċi‑Re ta’ Sqallija, fejn qallu li sal‑aħħar tax‑xahar kellu jibgħatlu 16,000 suldat. Dan ma impressjonax ħafna lil de Valette wara l‑ħafna wegħdiet li kien irċieva u li kienu sfaw fix‑xejn. Sejjaħ lill‑uffiċjali biex ikellimhom.
“Se ngħidilkom ċar u tond li minn issa ’l quddiem se nafda biss f’Alla u fin‑nies li għandna hawn magħna fuq il‑gżira. Miniex qed nistenna li mill‑Ewropa se jaslu aktar truppi fil‑ħin biex isalvawna. Dan ifisser li ma nistgħux inżommu kontra l‑Ottomani għal ħafna aktar żmien. Tistgħu tobsru li t‑Torok żgur se jittrattawna bħalma għamlu lil ħutna ta’ Sant’ Iermu, għalhekk nistgħu nistennew biss mewta atroċi.”
“Jew nispiċċaw priġunieri biex jeħduna Kostantinopli,” qabeż wieħed mill‑uffiċjali.
“Tistenniex xi unuri,” wieġeb de Valette. “Jiġri x’jiġri se nispiċċaw maqtulin xorta. U jien żgur mhux se naċċetta li nħallihom ikaxkruni fil‑ktajjen quddiem Sulejman. Le, Sinjuri. Jien biħsiebni nilbes uniformi ta’ suldat normali biex jekk jidħlu u jsibuni ma jagħrfunix, u joqtluni mas‑suldati komuni. Aħjar immut waqt il‑ġlied milli naqa’ priġunier.”
Fit‑tweġiba tiegħu lill‑Viċi‑Re, de Valette saħaq il‑fatt li jiġri x’jiġri, Don Garcia kellu jħalli lill‑Kavallieri li kien hemm Sqallija jagħmlu li jridu, u jitilqu minn rajhom għal Malta biex jingħaqdu ma’ ħuthom hawnhekk. “Mhuwiex xieraq li parti mill‑Ordni teħles mill‑jasar waqt li l‑kumplament qed jissagrifikaw ħajjithom.”
Li ma kienx jaf de Valette f’dan il‑waqt kien il‑fatt li fi Sqallija – u f’ħafna partijiet oħra tal‑Ewropa – kien għaddej dibattitu politiku aħrax dwar is‑sitwazzjoni f’Malta. F’qasir żmien Malta kienet se taqa’ taħt idejn l‑Imperu Ottoman. Ħafna kienu diġà qed iqisuha b’mitlufa. U x’kien se jiġri wara? Bla dubju ta’ xejn għajnejn l‑Imperu Ottoman kienu se jaqgħu fuq il‑kumplament tal‑Ewropa Nisranija, speċjalment Sqallija u l‑Italja t’Isfel kif ukoll Vjenna fiċ‑ċentru tal‑Ewropa. Għalhekk ħafna mexxejja Ewropej kienu tal‑idea li ma ‘jaħlux’ aktar suldati f’Malta ħalli dawn ikunu jistgħu jiddefendu ’l pajjiżi tal‑Ewropa meta l‑Imperu Ottoman javvanza fuqhom. Fuq kollox, Malta lanqas kienet proprjetà ta’ Don Garcia. Għalfejn jibagħtulu suldati biex jiddefendu post li lanqas kien tiegħu?
Mill‑banda l‑oħra, Don Garcia kien konxju tal‑fatt li Karlu V, kap tal‑Imperu Qaddis Ruman, kien ta ’l Malta lill‑Ordni ta’ San Ġwann fl‑1530 bħala rigal. Kien sew li issa, li l‑Ordni kien qed ibati taħt attakki tal‑għadu u li kellu bżonn daqstant għajnuna, l‑Imperatur t’issa, Filippu II, jabbandunhom?
Għalhekk Don Garcia kien f’dilemma liema bħalha, u kellu bżonn jiddeċiedi x’jagħmel mill‑aktar fis qabel ma l‑Ordni ta’ San Ġwann jaqa’ għal kollox, b’Malta miegħu.
Mustafà ma żammx lura milli juża strateġiji tradizzjonali tal‑assedjar, u ordna li jinbnew torrijiet tal‑injam u jitħaffru xi mini taħt is‑swar. Dawn iż‑żewġ strateġiji kienu komuni ħafna waqt l‑assedjar ta’ bliet, u kienu ilhom jintużaw anki fiż‑żminijiet antiki. Għalkemm fi żmien l‑assedju ta’ Malta kienu saru strateġiji kemxejn antikwati, it‑Torok minn dejjem kienu jħobbu jużawhom, u għalihom kienu għadhom effettivi.
Torri tal‑injam kien jista’ jinbena malajr. L‑idea kienet li jagħmluh għoli aktar mis‑swar, ħalli l‑miraturi mill‑quċċata jkunu jistgħu jisparaw fuq id‑difensuri fuq is‑swar. Barra minn hekk, kien ikun mibni b’turġien biex is‑suldati jkunu jistgħu jitilgħu minn isfel. Is‑‘sular’ li kien eżatt livell mal‑quċċata tas‑swar kien ikollu bieba li setgħet titniżżel u sservi bħala pont. B’hekk il‑Ġannizzeri kienu jkunu jistgħu jaqsmu minn ġot‑torri għal fuq is‑swar. Il‑wiċċ tat‑torri kollu kien ikun miksi b’ġild oħxon, u dan kienu jżommuh imxarrab il‑ħin kollu biex jekk l‑għadu jixħet bombi tan‑nar fuqu dan ma jaqbadx malajr. Qiegħ it‑torri kien ikun bir‑roti, għalhekk kienu jkunu jistgħu jmexxuh malajr lejn il‑partijiet l‑aktar dgħajfa tas‑swar.
Fl‑istess ħin li beda jinbena t‑torri, Mustafà kien ordna wkoll li tibda titħaffer mina taħt il‑ħitan ta’ Senglea. Fil‑fatt it‑Torok kienu diġà ħaffru numru ta’ mini ftit ’il barra mill‑ħitan ta’ San Mikiel, biex ikunu jistgħu jaħżnu hemm il‑materjal tal‑gwerra u l‑munizzjon. Kull ma kellhom jagħmlu kien li jagħżlu dik il‑waħda li kienet l‑aktar viċin tal‑ħitan u jtawluha biex tgħaddi minn taħt is‑swar.
Ilsir li rnexxielu jaħrab minn idejn il‑Musulmani u jilħaq il‑forti San Mikiel għarraf lill‑Kavallieri b’dan il‑pjan. Madankollu ma kienx jaf eżatt il‑post minn fejn kienet għaddejja l‑mina taħt l‑art, u għaldaqstant de Valette ma setax jagħmel ħafna dwar dan. Ix‑xorti għenet lill‑Insara meta suldat li kien għassa fuq parti tas‑swar osserva l‑ponta ta’ lanza ħierġa minn taħt l‑art. L‑inġiniera Torok kienu ħaffru ’l fuq wisq viċin ta’ wiċċ l‑art. De Valette ordna li jħalluhom sejrin iħaffru. Fl‑istess ħin qabbad lill‑inġiniera tiegħu jibdew iħaffru ħofra maġenb il‑mina Torka. Minn hemm xeħtu bomba tan‑nar ġol‑mina. Kif rawha l‑inġiniera Torok lebbtu ’l barra kemm jifilħu, u ħallew il‑mina – u l‑apparat kollu li kellhom – f’idejn il‑Kavallieri.
Biss din ma kenitx l‑unika mina li t‑Torok kienu qegħdin iħaffru.
Sakemm dan kollu kien qed jiġri fuq in‑naħa ta’ Senglea, il‑Birgu wkoll kienet qed tiġi attakkata mis‑suldati ta’ Pjalì. Bħalma kienu biħsiebhom jagħmlu bil‑mina taħt San Mikiel, dik ta’ taħt il‑Birgu kienet miżgħuda bi btieti mimlija porvli biex itajruha. Malli Mustafà ra li l‑Kavallieri kienu skoprew il‑mina taħt Senglea, ordna lil Pjalì biex ma jistenniex aktar u jfittex itajjar dik tal‑Birgu. Kien hemm splużjoni enormi, u l‑art taħt parti mis‑swar ċediet u sfronda kollox. Malli d‑dħaħen u trab qagħdu, l‑Insara lemħu t‑truppi ta’ Pjalì jiġru lejn il‑qasma li kienet infetħet fis‑swar.
L‑attakk kien qalil u l‑Insara ma setgħux jimbuttaw lit‑Torok lura kif ġieb u laħaq. Malli de Valette, li kien pożizzjonat fil‑pjazza ewlenija tal‑Birgu, ra li niesu kienu se jirtiraw, inxteħet fit‑taqtigħa personalment. It‑Torok kienu diġà waqqfu l‑bnadar fuq it‑tiġrib tas‑sur imwaqqa’ meta l‑Insara, malli raw lil de Valette, qawwew qalbhom u bdew jimbuttaw lit‑Torok lura. Granata waqgħet viċin de Valette u ferietu f’siequ. Għalkemm il‑Kavallieri madwaru bdew iħeġġuh jirtira, de Valette żamm sod u pponta lejn il‑bnadar Torok fuq it‑tifrik tas‑sur. “Mhux qabel ma nneħħu dawk minn hemm!” għajjat.
Minħabba l‑preżenza ta’ de Valette il‑folja nqalbet malajr u l‑Insara reġgħu imbuttaw lit‑Torok ’il barra mit‑tifrik tas‑sur. Issa de Valette ħalliehom idewwulu l‑ferita. Biss kien ċert li t‑Torok ma kinux se jieqfu hawn u li l‑attakki tagħhom kienu se jkomplu f’qasir żmien.
Sadattant ix‑xogħol fuq it‑torri tal‑injam kien lest, u Mustafà qatagħha li issa kien il‑waqt li jużawh. Bil‑qajla, it‑Torok bdew imexxu t‑torri viċin tal‑Bastjun ta’ Kastilja. Naturalment de Valette u l‑uffiċjali l‑oħra kien qed jaraw lit‑Torok ipoġġu t‑torri fl‑aħjar pożizzjoni biex jużawh. De Valette sejjaħ lill‑mastru inġinier tiegħu.
“Kif taħseb li nistgħu nattakkawh?” staqsieh.
“Għalxejn nippruvaw bil‑granati u bombi tan‑nar,” wieġeb l‑inġinier. “Miksi sew bil‑ġild imxarrab biex jagħmlu effett. Il‑parti l‑aktar dgħajfa tiegħu hija l‑qiegħ, il‑bażi fejn hemm ir‑roti.”
De Valette qagħad jaħseb ftit dwar dan, u fl‑aħħar ta l‑istruzzjonijiet. “Ikkalkulaw fejn hi dik il‑parti tal‑ħitan fejn se jkun qed jiffaċċja t‑torri. Ħaffru ħofra fis‑sur hemmhekk.”
F’qasir żmien it‑torri kien resaq viċin biżżejjed biex miraturi fuq il‑quċċata tiegħu setgħu jibdew jisparaw ’l isfel fuq id‑difensuri tas‑swar. L‑Insara setgħu jaraw ukoll Torok telgħin it‑taraġ tat‑torri biex jilħqu l‑pont u jaqsmu għal fuq is‑swar. Imma ma laħqu għamlu xejn minn dan kollu. It‑torri kien issa wieqaf eżatt quddiem it‑toqba fis‑swar li kien ordna de Valette. Fiha tfaċċa kanun kbir, u bi sparatura waħda tajjar il‑bażi tat‑torri. Il‑kanun spara dik li tissejjaħ balla bil‑ktajjen. Din kienet magħmula minn żewġ balal tal‑ġebel marbutin b’katina. Malli tiġi sparata, il‑balal kienu jduru b’qawwa liema bħalha minħabba l‑katina li kienet iżżommhom flimkien. Malli ħabtu mat‑travi tal‑injam li kienu qed iżommu t‑torri wieqaf, dawn għamluhom trietaq, u s‑sisien tat‑torri inqerdu għal kollox. It‑torri f’daqqa waħda beda jitbandal u f’leħħa ta’ berqa waqa’ biċċiet, bis‑suldati Torok kollha li kien hemm fuqu.
Kien f’dan iż‑żmien li t‑Torok bdew jibżgħu li x’aktarx setgħu jitilfu l‑battalja. Sa issa kienu qed jemmnu li Allaħ kien magħhom u li l‑gżira kienet se taqa’ taħt idejhom. Imma issa bdew jaraw kif kull sforz li kienu qed jagħmlu kien qed jisfa fix‑xejn. Il‑pika bejn Mustafà u Pjalì issa kienet qed tidher aktar fil‑beraħ hekk kif bdew iwaħħlu f’xulxin għall‑aħħar fjask li sar. Pjalì baqa’ jinsisti li l‑prijorità tiegħu kienet il‑flotta, għaliex barra milli kellha fuqha l‑apparat kollu li kellhom bżonn, kienet ukoll l‑unika triq lura lejn Kostantinopli. Mustafà kien qed jinkwieta aktar minħabba t‑temp. Qatt ma kien basar li l‑assedju kien se jdum daqshekk, u issa li l‑ħarifa kienet qed toqrob u dalwaqt kien se jkun żmien il‑baħar imqalleb, ma xtaqx li l‑armata tibqa’ mwaħħla f’Malta tul ix‑xitwa kollha.
Il‑moral tal‑armata kien niżel ħafna. Xi merċenarji kienu telqu, u ħafna mis‑suldati bilkemm riedu jkomplu jiġġieldu, jew għax kienu feruti jew minħabba l‑mard. Kien hemm biża’ li tfaqqa’ l‑pesta minħabba l‑fatt li kienu damu ħafna żmien fit‑trunċieri mal‑iġsma ta’ sħabhom mejtin, li kienu bdew jintnu bis‑sħana taħt ix‑xemx qalila. Kien hemm saħansitra każijiet meta l‑uffiċjali kellhom jużaw il‑bsaten biex iżommu lis‑suldati f’posthom. Mustafà qabbadhom iħottu l‑arbli tax‑xwieni mkissrin u jpoġġuhom fl‑ilma biex jagħlqu d‑daħla tal‑Port ta’ Marsamxett biex ma jkunx hemm min jaħrab fuq l‑iġfna ankrati hemm.
Mill‑banda l‑oħra l‑Kavallieri ma kinux qed iħossuhom ħafna aħjar, u l‑ħeġġa tagħhom kienet qed tmajna wkoll, speċjalment minħabba l‑fatt li rinforzi minn Sqallija kienu għadhom ma tfaċċawx.
Sadattant Mustafà kompla l‑bumbardamenti fuq iż‑żewġt ibliet fil‑Port. Nhar il‑11 t’ Awwissu nqatel il‑Kavallier de Robles. Jumejn wara t‑Torok taw assalt qawwi ieħor fuq Senglea u San Mikiel. L‑ewwel kien hemm bumbardament bla waqfien fuq id‑djar ta’ ġewwa s‑swar, u wara attakkaw il‑ħitan b’tant qilla li rnexxielhom imexxi t‑trunċieri aktar ’il quddiem. Issa l‑għedewwa tant kienu viċin xulxin li kien hemm biss ċint żgħir qed jifridhom.
Fuq in‑naħa tal‑Birgu t‑Torok ittantaw attakk b’torri tal‑injam ieħor. Din id‑darba, wara t‑tagħlima li ħadu mill‑ewwel torri, użaw ġebel tqil bħala bażi, u mexxewh lejn il‑fdalijiet tal‑Bastjun ta’ Kastilja. De Valette reġa’ ordna li titħaffer ħofra oħra fil‑ħitan faċċata tat‑torri. Iżda din id‑darba, minflok kanuni, ħareġ grupp ta’ Kavallieri. Dawn dlonk bdew jitilgħu mal‑bażi tal‑ġebel tat‑torri sakemm waslu ħdejn it‑taraġ tal‑injam. Fi ftit żmien ħakmu t‑torri. Il‑pont fil‑livell għoli użawh biex imexxu xi kanuni mis‑swar għal fuq it‑torri stess, u minn hemm setgħu jisparaw fuq il‑linji Torok.
Bejn is‑16 u l‑20 t’ Awwissu komplew il‑bumbardamenti fuq il‑bliet. Baqgħu sejrin bla waqfien tant li kważi kważi fl‑aħħar lanqas kien għad baqa’ bini x’iwaqqgħu. Malli waqaf il‑bumbardament, Mustafà nnifsu mexxa offensiva oħra fuq il‑forti San Mikiel. Waqt l‑attakk intlaqat u kellu jibqa’ mistoħbi qalb it‑tifrik sa nżul ix‑xemx qabel ma seta’ jitkaxkar lura sal‑linji tiegħu mingħajr ma jinqabad.
Fit‑23 t’Awwissu l‑uffiċjali kollha tal‑Ordni ltaqgħu biex jiddiskutu l‑qagħda tagħhom. Billi kienu tilfu t‑tama li jirċievu għajnuna minn Sqallija, kienu qed jobsru li f’qasir żmien it‑Torok kienu se jirbħu l‑assedju. It‑Torok kienu qed iħaffru aktar mini. Għalkemm kien hemm każijiet fejn il‑Kavallieri irnexxielhom iwaqqfu t‑tħaffir, issa tant kien hemm mini li kienu qed jistennew is‑swar jaqgħu għal kollox. Xi ftit mill‑Kavallieri riedu li l‑Ordni jirtira, jaqbad l‑arkivji u r‑relikwi li kien hemm fil‑knisja konventwali tal‑Birgu, u jitilqu l‑belt u jingħalqu f’Sant’ Anġlu.
Imma dan kien ifisser li jabbandunaw lill‑poplu Malti, li kien iġġieled u bata tant magħhom u li issa kien assedjat fil‑Birgu magħhom. De Valette irrifjuta li jagħmel dan. Kien jemmen li jekk jabbandunaw il‑Birgu, Senglea kienet taqa’ wkoll wara ftit, għax il‑post kien issa dgħajjef wisq biex jiddefenduh sew. Barra minn hekk, Sant’ Anġlu kien żgħir wisq biex iżomm kemm lill‑Kavallieri kif ukoll il‑poplu Malti kollu, inklużi nisa u tfal. Għalhekk de Valette qatagħha li jibqgħu jżommu l‑Birgu sal‑aħħar. F’Sant’ Anġlu ħalla biss ftit li xejn truppi, biżżejjed biex ikunu jistgħu jħaddmu l‑kanuni. Il‑bqija, kulħadd kellu jibqa’ l‑Birgu. Din kienet ukoll ta’ messaġġ lil Maltin biex jurihom li ma kienx biħsiebu jabbandunhom.
Għat‑Torok ir‑rifornimenti kienu qed jonqsu wkoll: porvli, kanuni, munizzjon, u naturalment nies. Barra minn hekk il‑kavallerija tal‑Ordni kienet għamlet ħerba mill‑kamp li kellhom il‑Marsa, u ma kienx hemm kenn biżżejjed għas‑suldati kollha li kien għad baqa’. Dan l‑aħħar fatt qanqlu jipprova jattakka l‑Imdina, l‑ewwelnett biex ipattiha lill‑kavallerija talli kienet attakkat il‑Marsa, u t‑tieni biex juża l‑Imdina bħala kenn lill‑armata minflok il‑kamp meqrud.
Il‑forza militari li kien hemm l‑Imdina ma kenitx qawwija daqs dik tal‑Port il‑Kbir, u malli don Mesquita rċieva l‑bxara li forza Torka kienet riesqa lejn il‑belt, kien jaf li ma kenitx se ddum tirreżisti jekk l‑għadu jattakkhom bis‑saħħa. Punt favur don Mesquita kien li l‑Imdina kienet mibnija fuq għolja u t‑Torok setgħu jattakkaw min‑naħa waħda biss, għalhekk seta’ jikkonċentra d‑difiża tiegħu kollha fuq dik in‑naħa. Kellu wkoll ħafna uniformijiet. Biex forsi jagħti lit‑Torok x’jaħsbu li l‑forza li kellu kienet waħda qawwija aktar milli kienet tassew, qabbad liċ‑ċittadini tal‑belt – rġiel, nisa u tfal – biex jilbsu l‑uniformijiet u jmorru fuq is‑swar mas‑suldati. Dan seta’ jġiegħel lit‑Torok jaħsbu li kien hemm ħafna aktar suldati qed jiddefendu l‑Imdina.
Għall‑ewwel Mustafà ttanta joħroġ lill‑Kavallerija tal‑Ordni u jiffaċċjaha wiċċ‑imb‑wiċċ fl‑għelieqi barra mill‑belt. Biex jagħmlu dan it‑Torok sabu merħla baqar li kienet tħalliet timraħ barra s‑swar tal‑belt, dawruha, u ttantaw jeħduha magħhom. Il‑kavallerija minnufih ħarġet minn wara s‑swar biex jieħdu l‑baqar lura, u ntebħu li kienu mdawrin minn kull naħa. Għalhekk telqu l‑baqar u daru lejn it‑Torok. Sadattant, minn fuq is‑swar tal‑Imdina, il‑kanuni bdew jisparaw lejn dawk il‑Musulmani li kienu qed jittantaw jaħtfu l‑baqar. Fl‑aħħar it‑Torok irtiraw, u l‑kavallieri rnexxielhom isalvaw il‑baqar. Madankollu tilfu xi kavallieri u żwiemel.
Għalhekk Mustafà bagħat li xi suldati quddiem biex jistudjaw is‑swar tal‑belt. Dawn raw il‑gżuż ta’ nies fuq is‑swar, u kif basar don Mesquita, ħasbu li kien hemm ħafna aktar difensuri milli basru fil‑bidu. Is‑suldati Torok marru lura għand Mustafà b’dan it‑tagħrif. Fl‑istess ħin don Mesquita ordna l‑kanuni jisparaw, biex aktar jagħtu x’jifhmu li kienu armati sa snienhom. Għat‑Torok kien jidher ċar li l‑Imdina kellha difiża soda. Dan m’għoġobx lil Mustafà. Ftakar kemm Sant’ Iermu kien swielu żmien, armamenti u nies, u ma xtaqx li jkollu f’idejh Sant’ Iermu ieħor. Għalhekk ta l‑ordni biex l‑attakk ma jsirx.
Il‑bxara malajr waslet għand de Valette, u għall‑ewwel darba beda jaħseb li fil‑fatt kien hemm ċans kbir li jirbħu wara kollox.
Sadattant bdew jagħmlu l‑ewwel ħalbiet ta’ xita, u Mustafà ntebaħ li kien se jiġri dak li minn dejjem kien qed jibża minnu...
U fi Sqallija, l‑affarijiet kienu mixjin ukoll. Il‑Kavallieri li kienu hemm kienu tilfu l‑paċenzja jistennew lil Don Garcia jieħu deċiżjoni, u kienu ġabru 400 Kavallier bis‑suldati tagħhom lesti biex isalpaw lejn Malta anki mingħajr il‑kunsens tal‑Viċi‑Re. Fl‑aħħar Don Garcia ċeda, u flimkien mal‑Kavallier Don Cardona telaq b’9,000 suldat li salpaw nhar il‑25 t’Awwissu. Minħabba maltempata kbira kellhom jerġgħu jduru għal Sqallija biex isewwu xi ħsara f’ħafna mix‑xwieni. Hawn Don Garcia wasallu l‑aħħar messaġġ mingħand de Valette. Wissieh li l‑portijiet fuq in‑naħa tax‑xlokk ta’ Malta kienu kollha okkupati mit‑Torok, għalhekk kellu jniżżel lis‑suldati tiegħu l‑Imġarr jew il‑Mellieħa.
Il‑flotta salpat nhar l‑4 ta’ Settembru. Reġgħu ltaqgħu ma’ maltempata. Don Garcia reġa’ dar lura, imma Don Cardona baqa’ jinsisti u qabad rotta lejn Għawdex.
L‑għajnuna tant mistennija fl‑aħħar kienet fi treqitha...
Nhar is‑6 ta’ Settembru, minn fuq is‑swar tal‑Birgu u ta’ San Mikiel, id‑difensuri bdew jaraw ħafna tħarrik qalb il‑linji Torok. Osservaw li l‑armati li kienu madwar il‑bliet bdew jirtiraw. Kien hemm ukoll xi ċaqliq fil‑flotta. Il‑barriera ta’ arbli li kien poġġa Mustafà fid‑daħla ta’ Marsamxett kienet tneħħiet, u l‑iġfna li kien hemm ankrati hemm bdew ħerġin mill‑port. Imma issa dehru xwieni oħra resqin lejn il‑port, u l‑Insara ntebħu li kienu x‑xwieni ġejjin minn Sqallija. In‑nies infexxet f’għajjat ta’ ferħ waqt li l‑qniepen madwar il‑port u dawk tal‑Imdina bdew jinstemgħu idoqqu bla waqfien.
Naturalment de Valette kien diġà jaf li l‑armata minn Sqallija kienet waslet, imma ma kienx xandar l‑aħbar lis‑suldati u liċ‑ċivili. Kien jaf li l‑armata kienet waslet b’xi 10,000 ruħ – li ma kinux ħafna, imma setgħu jaqilbu s‑sitwazzjoni favurihom. Għalhekk irranġa biex xi uffiċjali jitkellmu bejniethom qrib xi priġunieri Torok. Dawn ħallew lill‑priġunieri jisimgħuhom jgħidu li l‑għajnuna minn Sqallija kienet ta’ madwar 16,000 suldat. Wara, ħallew lil wieħed mill‑priġunieri jaħrab. Dan dlonk mar javża lil sħabu bin‑numru ta’ suldati li kienu niżlu l‑Mellieħa u li issa kienu qed jimmarċjaw lejn il‑Port il‑Kbir.
Din l‑aħbar falza qatgħet qalb Mustafà aktar, u fl‑aħħar iddeċieda li jagħti l‑ordni biex l‑armata tibda tirtira lejn ix‑xwieni ħalli jmorru lura Kostantinopli.
De Valette ma rċeviex informazzjoni dwar x’kienet qed tagħmel l‑armata minn Sqallija. Seta’ jisma’ biss il‑ħsejjes tax‑xogħol qalb it‑trunċieri waqt li t‑Torok bdew iżarmaw biex jitilqu. Dawk l‑affarijiet li ma setgħux iġorru ħallewhom warajhom, inklużi torrijiet u xi kanuni kbar li kienu tqal wisq.
Ascanio de la Corna kien il‑kap tal‑armata minn Sqallija. Kien kmandant ta’ esperjenza kbira, u ma kienx lest li jirriskja l‑armata tiegħu qabel ma kien jaf eżatt fejn kienet l‑armata Ottomana. L‑ewwel mexxa l‑armata sal‑Imdina u n‑Naxxar, iżda mbagħad waqaf hemm u stenna sa l‑għada filgħodu biex jiddeċiedi x’kien imissu jagħmel.
Fl‑għodwa tat‑8 ta’ Settembru, id‑difensuri tal‑Birgu u ta’ San Mikiel ħarsu ’l barra minn fuq it‑tifrik tal‑fortifikazzjonijiet u raw xena ta’ deżolazzjoni. Ma kienx jidher Tork wieħed jew bandiera Torka waħda. Minflok, raw biss trunċieri abbandunati u postazzjonijiet tal‑artillerija mitluqin. Ma semgħux kannunati u fanfari tat‑trumbuni u tnabar Ottomani. Kwiet biss.
Wara erba’ xhur sħaħ ta’ taqbid, it‑Torok fl‑aħħar kienu telqu.
L‑ewwel ħaġa li għamlu l‑Kavallieri kien li jmorru fil‑ponta tal‑Għolja Xiberras u jwaqqfu l‑bandiera tal‑Ordni fuq it‑tifrik ta’ Sant’ Iermu. It‑Torok, li issa kienu kollha fuq ix‑xwieni tagħhom, setgħu jaraw sew li l‑ħbit kollu li kienu għamlu kien safa fix‑xejn. Xi spiji li Mustafà kien ħalla wara avżawh li l‑armata li kienet niżlet minn Sqallija fil‑fatt ma kenitx daqshekk kbira daqs kemm kienu ħasbu, u li fil‑fatt kienet tgħodd biss madwar xi 8,000 ruħ.
Bit‑tama li forsi jkollu rebħa tal‑aħħar, ordna x‑xwieni jieqfu u jniżżlu 9,000 suldat l‑art biex jattakka lill‑għadu. Pjalì m’għoġbux il‑pjan issa li kienu diġà salpaw, u qamet diskussjoni taħraq bejniethom. Fl‑aħħar ftehmu li wara li jniżżlu s‑suldati l‑flotta tibqa’ miexja u tiġborhom aktar tard minn San Pawl il‑Baħar.
L‑ispiji ta de Valette avżawh b’dan, u minnufih bagħat messaġġ lil de la Corna biex ikun jaf x’kienu se jagħmlu t‑Torok. De Valette intebaħ li l‑battalja kienet għadha ma spiċċatx. Jekk Mustafà kien jirnexxilu jeqred l‑armata ta’ Sqallija, seta’ faċilment jaqtagħha li jibqa’ fuq il‑gżira tul ix‑xitwa u l‑assedju kien jiġbed aktar fit‑tul.
De la Corna żamm it‑truppi tiegħu fil‑għoli, ħalli jkollu l‑għadu dejjem taħtu. Imma xi Kavallieri tant kienu fuq ix‑xwiek li jattakkaw lit‑Torok, li malli lemħuhom għamlu għalihom mingħajr ma stennew ebda ordni. Malli rawhom jaħbtu għall‑għadu xi truppi ġrew warajhom, u billi de la Corna ma setax iwaqqafhom ta l‑ordni lill‑kumplament tal‑armata biex jattakkaw ukoll. Malli l‑kavallerija fl‑Imdina raw dan, ħarġu huma wkoll u għamlu għall‑armata Torka.
Hekk kif il‑forza kollha tal‑Insara waqgħet fuq il‑Musulmani, dawn ippanikkjaw u ma żammewx ir‑ringieli. F’qasir żmien kull suldat beda jiġri għal rasu. Mustafà ntebaħ li din it‑taqbida kienet mitlufa wkoll, u l‑unika ħaġa li seta’ jagħmel issa kien li jsalva dak li kien baqa’ mill‑armata billi jilħqu San Pawl il‑Baħar. Waqt li s‑suldati l‑oħra lebbtu lejn il‑bajja, il‑Ġannizzeri baqgħu madwar Mustafà u ppruvaw iżommu kemm jista’ jkun. Darbtejn wara xulxin Mustafà qatlulu ż‑żiemel li kien riekeb, imma l‑Ġannizzeri rnexxielhom isalvawh minn taħt idejn il‑kavallerija tal‑Ordni. Ħassem ukoll baqa’ fuq wara, jagħti l‑ordnijiet lill‑miraturi jippruvaw iwaqqfu l‑avvanz tal‑Insara. Imma kien għalxejn.
Hekk kif l‑fdalijiet tal‑armata Ottomana waslet fil‑bajja, l‑Insara ma tawhomx nifs, u baqgħu jattakkawhom u jisparawlhom anki meta t‑Torok niżlu fil‑baħar. Miraturi fuq ix‑xwieni li kienu qed jistennewhom bdew jisparaw fuq il‑Kavallieri. L‑Insara bdew jisparaw lura. Mustafà kien wieħed mill‑aħħar li rikeb dgħajsa u salva.
Hekk kif il‑flotta bdiet bil‑qajla titbiegħed minn Malta, Mustafà u Pjalì taw l‑aħħar ħarsa lejn il‑gżira li kien irnexxielha żżommilhom. Għall‑Imperu Ottoman, l‑akbar imperu fid‑dinja f’dak iż‑żmien, din kienet umiljazzjoni kbira. Kienet ukoll umiljazzjoni personali. Kif kienu se jiffaċċjaw lil Sulejman malli jaslu Kostantinopli? X’kien merfugħ għalihom?
Waqt li l‑flotta Torka kienet qed tbaħħar lejn Kostantinopli, Mustafà u Pjalì bagħtu xini ħafif biex jasal Kostantinopli qabilhom ħalli jagħti l‑bxara ħażina lil Sulejman, bit‑tama li sakemm jaslu huma l‑burdata ħażina tkun niżlitlu xi ftit. Ir‑reazzjoni ta’ Sulejman madankollu ma kenitx terribbli daqskemm beżgħu.
“Jien biss nista’ nqered lill‑Ordni,” qal. “Ikolli mmur jien b’armata taħt il‑kmand tiegħi. U ma nħalli l‑ebda persuna ħajja f’dik il‑gżira!”
Madankollu dan ma laħaqx għamlu, għax fil‑15 ta’ Settembru 1566 miet fl‑età ta’ 72, waqt li kien qed imexxi assedju fuq belt fl‑Ungerija. It‑Torok b’hekk tilfu wieħed mill‑aqwa slaten fl‑istorja tal‑Imperu Ottoman. Fl‑1571 l‑Ammirall Taljan Andrea Doria, li kien ħa sehem fl‑assedju ta’ Malta, qered għal kollox il‑flotta Torka fil‑battalja ta’ Lepanto, u minn dak iż‑żmien is‑setgħa tal‑Imperu Ottoman bdiet tmajna. Kaxkar għal ħafna żmien wara, imma qatt ma laħaq il‑quċċata li gawda fi żmien Sulejman il‑Kbir. L‑Imperu sfaxxa uffiċjalment għal kollox mat‑tmiem tal‑Ewwel Gwerra Dinjija fl‑1918.
It‑telf kien enormi fuq iż‑żewġ naħat, għalkemm qatt ma nistgħu ngħidu bl‑eżatt kemm mietu nies. Minn dokumenti varji huwa kkalkulat li l‑Ottomani tilfu bejn l‑24,000 u t‑30,000 ruħ, minbarra l‑ħafna li mietu fuq il‑baħar waqt attakki minn xwieni Ewropej waqt l‑assedju. L‑Ordni tilef 250 Kavallier, u dawk li kien għad baqa’ kienu kollha feruti jew immankati għal għomorhom. Barra minn dawn tilfu ħajjithom 7,000 ruħ bejn suldati u ċittadini Maltin.
Ma’ tmiem l‑assedju ma kienx hemm lok għal mistrieħ. De Valette kien konvint li l‑Ottomani minn mument għall‑ieħor setgħu jerġgħu jibagħtu armata oħra lejn Malta, għalhekk talab lill‑mexxejja Kattoliċi Ewropej biex jagħtuh il‑finanzi li kien hemm bżonn biex jerġa’ jsaħħaħ il‑fortifikazzjonijiet madwar il‑port. Ma kienx biħsiebu biss jirranġa Sant’ Iermu, il‑Birgu u Senglea, imma ppjana wkoll li jibni fortifikazzjoni aktar b’saħħitha fuq l‑Għolja Xiberras, ħalli t‑Torok ma jkunux jistgħu jużawha jekk jaħbtu għal Malta mill‑ġdid. Għalhekk beda minnufih il‑bini tal‑belt Valletta, imsemmija għalih. Illum hemm monument tiegħu fi Pjazza de Valette, Triq in‑Nofsinhar, li kien inawgurat fl‑2012.
Il‑Papa Piju V offra lil de Valette il‑ħatra ta’ kardinal, imma de Valette irrifjuta għax ma xtaqx idaħħal lill‑Ordni fil‑ħafna intriċċi politiċi tal‑Ewropa. Baqa’ sempliċement il‑Granmastru tal‑Ordni ta’ San Ġwann sa mewtu nhar il‑21 t’Awwissu tal‑1568. Huwa midfun fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il‑belt Valletta. Hawn storiċi li jsostnu li miegħu mietet epoka storika, hekk kif l‑era tal‑kruċjati – it‑taqbida tal‑Insara biex jaħtfu lil Ġerusalemm minn taħt idejn il‑Musulmani – spiċċat miegħu.
Illum il‑ġurnata, għalkemm l‑Ordni Ospedalier ta’ San Ġwann għadu jeżisti u huwa bbażat f’Ruma (wara li tkeċċa minn Malta mill‑Franċiżi fl‑1798), il‑fratellanza m’għadhiex għaqda ta’ ġellieda, iżda istituzzjoni li tgħin permezz ta’ voluntiera mediċi, għandha l‑apparat tagħha għas‑salvataġġi u għajnuna oħra waqt emerġenzi madwar id‑dinja, u waqqfet ħafna sptarijiet f’ħafna pajjiżi.
Fl‑Armerija tal‑Palazz tal‑Granmastru fil‑belt Valletta wieħed jista’ jara ħafna oġġetti (uħud minnhom kopji, mhux oriġinali) li kienu ntużaw waqt l‑assedju miż‑żewġ naħat. Hemm l‑armaturi li kienu jilbsu l‑Kavallieri waqt il‑battalja, armi ta’ kull għamla u daqs, kanuni u saħansitra l‑balal tal‑ġebel enormi li t‑Torok kienu użaw biex ikissru s‑swar. Għal aktar tagħrif tista’ żżur dan is‑sit. Il‑ġrajja tal‑assedju l‑kbir hija mfakkra b’monument li jinsab fi Triq ir‑Repubblika faċċata tal‑bini tal‑Qorti.
Nhar it‑8 ta’ Settembru hija mfakkra f’Malta bħala Jum il‑Vitorja, u hija festa nazzjonali. Fiha niftakru l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565, imma hija tifkira wkoll ta’ ġrajjiet oħra fl‑istorja ta’ Malta: l‑imblokk tal‑Franċiżi fl‑1800 u t‑Tieni Assedju tal‑1943, waqt it‑Tieni Gwerra Dinjija (imma dawn huma stejjer oħra). F’dan il‑jum issir ukoll ir‑Regatta fil‑Port il‑Kbir. Din tinkludi tlielaq varji bid‑dgħajjes li jsiru darbtejn fis‑sena, f’Jum il‑Ħelsien (31 ta’ Marzu) u f’Jum il‑Vitorja. Fiha jipparteċipaw dawk il‑bliet u rħula li jmissu mal‑Port il‑Kbir, fosthom Bormla, il‑Birgu, Birżebbuġa, il‑Marsa, il‑Kalkara u Senglea. Dawn it‑tlielaq huma popolari ħafna u eluf ta’ nies isegwuhom kull sena, minn madwar il‑Port.
Batterija: Grupp ta' kanuni. [Lura]
Ċrieki tan‑nar: Ħbula ħoxnin marbutin f’forma ta’ ċirku u mgħaddsin fiż‑żift ħalli jaqbdu malajr. Jagħtuhom in‑nar u jixħtuhom fuq l‑għadu. [Lura]
Diżertur: Suldat li jaħrab mill‑armata, ġeneralment bil‑għan li ma jibqax jiġġieled. [Lura]
Frejgatina: Dgħajsa mdaqqsa li kienet tesa’ numru kbir ta’ suldati. [Lura]
Furban: Kelma oħra għal pirata. [Lura]
Granati: Bombi tan‑nar, magħmulin minn vażetti mimlija porvli. Kellhom niċċa li s‑suldat kien iqabbad qabel ma jwaddab il‑granata fuq l‑għadu. [Lura]
Laħam immellaħ: F’dawk iż‑żminijiet ma kinux jeżistu friġġijiet u freezers, u l‑aħjar metodu biex ma jħallux il‑laħam jitħassar malajr kien li jżommuh fil‑melħ. [Lura]
Malta bħala rigal: Fil‑fatt Karlu V kien ta ’l Malta lill‑Ordni bir‑renta ta’ bies (falkun tal‑kaċċa) kull sena. Kienet renta simbolika. [Lura]
Il‑Mekka: Belt fl‑Arabja Sawdita li hija l‑aktar post qaddis għar‑reliġjon tal‑Iżlam, u fejn jingħad li kien twieled il‑profeta Mawmettu. Il‑Musulmani jridu bilfors jagħmlu pellegrinaġġ għall‑Mekka mill‑inqas darba f’ħajjithom. [Lura]
Merċenarju: Suldat li kien jiġġieled mhux għar‑reliġjon jew għall‑politika, imma sempliċement biex jaqla’ x’jiekol. Għalhekk ma jkun marbut mal‑ebda armata jew gvern, u jista’ jitlaq meta jrid. [Lura]
Palizzata kienet ringiela ta’ zkuk ippuntati li setgħu jservu ta’ barriera fuq l‑art jew taħt wiċċ l‑ilma. [Lura]
Pattulja: Grupp żgħir ta’ suldati li xogħolhom hu li jgħassu biċċa art jew post. [Lura]
Peniżola: Biċċa art imdawra bil‑baħar fuq tliet naħat. L‑Għolja Xiberras, il‑Birgu u Senglea t‑tlieta huma peniżoli. [Lura]
Puntun: Numru ta’ dgħajjes ċatti marbutin flimkien u pjanċa twila tal‑injam poġġuta fuqhom biex isservi ta’ pont. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja