Norman C. Borg
Ritratt: Kirsten Brincat/GIMP
Norman C. Borg, MA TESOL, BEd, BA (Gen), huwa edukatur irtirat.
Għamel erbatax‑il sena jgħallem fi skola primarja tal‑gvern, sitt snin assistent kap ta’ skola u aktar tard sitt snin bħala uffiċjal edukattiv mad‑Diviżjoni tal‑Edukazzjoni, fejn għen lill‑għalliema tal‑iskejjel primarji jintegraw l‑użu tal‑kompjuter u tal‑Internet fit‑tagħlim tagħhom.
Wara dan għamel erbatax‑il sena għalliem tal‑Ingliż fi skejjel tal‑lingwi lokali. Kien ukoll lettur mistieden tas‑Centre for English Language Proficiency u tad‑Dipartiment tal‑Malti, l‑Università ta’ Malta, fejn ta lezzjonijiet dwar l‑użu ta’ għodod elettroniċi għal riċerka u qari tal‑provi tal‑Malti u tagħlim tal‑Ingliż. Kien ukoll membru tal‑Kumitat Tekniku għall‑Iżvilupp tal‑Malti fl‑Informatika. Fl-2024 ingħata l-Inspiring Professional Award mill-ELT Council.
Matul it‑tmeninijiet u d‑disgħinijiet kiteb bosta stejjer għat‑tfal, ħafna minnhom ippubblikati fir‑rivista Sagħtar maħruġa mill‑Malta Union of Teachers u aktar tard mill‑Fondazzjoni Sagħtar. Barra minn stejjer oriġinali ħareġ ukoll adattamenti ta’ stejjer klassiċi bħal Is‑Saħħar ta’ Oż. Huwa koillustratur tal‑ktieb Taħt Sema Kwiekeb (Merlin Publishers, 1997) kif ukoll koawtur tal‑ktieb Tużżana (Merlin Publishers, 1998). Ma’ awturi u illustraturi oħra kkollabora wkoll fil‑produzzjoni ta’ komiks bħal Avventura (1981‑1982) u Il‑Komik (1983‑1984).
Il‑ħolma tiegħu hi li jara aktar materjal bil‑Malti fuq l‑Internet, u li jkun disponibbli għal kulħadd mingħajr ħlas, u għalhekk ġietu l‑idea li joħloq il‑proġett Kotba fil‑But. Permezz tal‑għajnuna tal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu qiegħed jaħdem biex itella’ wħud mill‑kotba tal‑proġett f’formati elettroniċi oħrajn biex jilħaq udjenza akbar. Il‑Gwida li tinsab fil‑proġett hija l‑aktar immirata għall‑għalliema tal‑Malti sabiex iħeġġu lill‑istudenti tagħhom jagħmlu użu mill‑materjal fi ħdan il‑proġett.
Għall‑ġejjieni qarib għandu xogħol ieħor “fil‑komma”, kif isejjaħlu hu. Fosthom qiegħed jaħseb biex jerġa’ jaġġorna xi xogħol li kien ippubblika fis‑Sagħtar kif ukoll stejjer ġodda.
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja