Leġġendi | Mitoloġija

Leġġenda Medjevali
Madwar 3,773 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Kapitli
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12
Noti

Daħla

Din hija l‑istorja tal‑eroj ta’ waħda mill‑eqdem poemi fil‑letteratura Ingliża. Hija l‑istorja ta’ għemejjel tal‑għaġeb u rejiet kbar taż‑żmien meta l‑antenati tal‑poplu Ingliż kienu għadhom jgħixu lil hinn mill‑ibħra Sassoni tat‑Tramuntana. L‑istorja nkitbet madwar 1,200 sena ilu, iżda l‑oriġini tagħha hija x’aktarx eqdem.

>| 1 |<

L‑istorja tiegħi tibda bir‑Re Scyld Scefing, li kien waqqaf id‑dinastija rjali tar‑rejiet tad‑Danimarka. Kien re għaqli u ħakem lill‑poplu tiegħu b’id soda. Meta miet, poġġew il‑ġisem tiegħu fuq xini. Għabbewh b’ħafna teżori u telquh fil‑baħar. Il‑poplu nġabar fix‑xatt biex jara lir‑re maħbub għall‑aħħar darba, hekk kif il‑mewġ kaxkar lix‑xini ’l barra fil‑baħar. Min jaf il‑kurrenti tal‑baħar fejn kienu se jieħdu lix‑xini u lir‑re tagħhom?

Ħafna snin wara, it‑tifel tat‑tifel ta’ Scyld Scefing, Hrothgar, kien sar suldat qalbieni magħruf mal‑pajjiż kollu. Ġabar madwaru armata ta’ suldati qalbenin. Għalihom, iddeċieda li jibni sala kbira tal‑pranzu fejn kienu jistgħu jiltaqgħu u jieklu flimkien. Bagħat lil niesu fil‑pajjiżi ta’ madwaru biex jiġbru deheb rari, avorju u drappijiet mill‑ifjen biex ikun jista’ jżejjen is‑sala tal‑pranzu. Is‑sala semmieha Heorot.

Malli l‑bini u t‑tiżjin tas‑sala kien lest, ir‑re organizza festa kbira u ta bħala rigal ċrieket u teżori lil dawk kollha li kienu mistednin. Il‑festa baqgħet sejra għal ħafna jiem, u kien hemm daqq bl‑arpi u poeti li rrakkontaw l‑istejjer ta’ kif twieled il‑bniedem fid‑dinja u kif saru x‑Xemx u l‑Qamar.

Iżda Hrothgar qatt ma seta’ jobsor li kien hemm xi ħadd ieħor qiegħed jisma’ dak id‑daqq u l‑kant, barra mill‑mistednin tiegħu. Minn qalb il‑foresta mistura biċ‑ċpar tfaċċa mostru li kien jismu Grendel. Grendel qagħad jisma’ d‑daħq, il‑kant u l‑mużika, magħdab mhux ftit għax ma setax jiflaħ jisma’ dak il‑ferħ kollu.

Malli dalam, Grendel resaq lejn Heorot. Daħal bil‑qajla u ġewwa sab lil ħafna mis‑suldati reqdin wara l‑festa. B’daħqa li twaħħax, għamel għalihom u f’qasir żmien qatel tletin minnhom. Wara l‑ħerba li għamel, reħielha lura lejn l‑għar tiegħu, moħbi fil‑qalba tal‑foresta, u ħa miegħu tnejn mill‑vittmi tiegħu.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 2 |<

L‑għada filgħodu, in‑nies twerwret malli rat id‑diżastru li sabu f’Heorot. Is‑sala, li lejliet kienet mimlija b’ferħ, daħq u mużika, issa dwiet b’ħafna għajjat ta’ disprament, biki u tinwiħ.

Uħud mis‑suldati ta’ Hrothgar inġabru biex jaraw setgħux isibu l‑mostru li kien wettaq dak l‑għemil terribbli. Telqu lejn il‑foresta, u malajr sabu l‑marki li l‑mostru kien ħalla warajh. Twerwru malli r‑raw id‑daqs tal‑passi fit‑tajn u l‑ħamrija. Inkwetaw aktar malli ntebħu li l‑passi kienu deħlin lejn l‑aktar parti mudlama tal‑foresta, fejn kienu jgħixu ħafna ħlejjaq tal‑biża’. Ma kellhomx il‑kuraġġ jidħlu aktar ’il ġewwa.

Iżda dak il‑lejl, Grendel reġa’ qorob lejn Heorot, u moħbi qalb is‑siġar, reġa’ beda jisma’ l‑kant u l‑mużika, għalkemm din id‑darba ma kinux daqshekk ferriħija. Il‑bieb tas‑sala kien magħluq. Għalhekk baqa’ jistenna biex jara joħroġx xi ħadd mis‑sala. Fl‑aħħar, ħarġet persuna. Grendel ħatafha, u telaq lura biha fil‑qalba tal‑foresta. U lejl wara l‑ieħor baqa’ jagħmel hekk. Kulħadd kien fil‑periklu, kemm jekk kienu waħidhom, kemm jekk kienu grupp ta’ suldati flimkien. Grendel kien jibqa’ mistoħbi fid‑dlam u jaqbeż fuqhom b’ħeffa liema bħalha.

F’qasir żmien, kulħadd beda jiskarta li jmur fis‑sala. Lir‑re Hrothgar bdew iġibulu ħafna skużi biex ma jmorrux jieklu hemm. F’qasir żmien, Heorot spiċċat mitluqa.

U Grendel baqa’ jhedded il‑pajjiż tad‑Danimarka għal tnax‑il sena sħaħ. Tferrxet leġġenda dwaru, u bdew jinkitbu ħafna poemi dwar il‑mostru qattiel li kien moħbi fil‑qalba tal‑foresta miksija biċ‑ċpar.

Hrothgar beda jitlob għal pariri mill‑għorrief tal‑pajjiż, u saħansitra beda jagħmel sagrifiċċji tal‑annimali lill‑allat. Madankollu, Grendel baqa’ jitterrorizza lill‑pajjiż. Sadanittant, ir‑re beda jitħasseb u jara kif seta’ jsolvi din il‑problema.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 3 |<

L‑aħbar tal‑binja ta’ Heorot kien daret mal‑pajjiżi kollha ġirien tad‑Danimarka, hekk ukoll imxiet l‑aħbar tal‑miżerja li issa l‑poplu ta’ Hrothgar kien jinsab fiha.

Dawn l‑aħbarijiet fl‑aħħar waslu lil poplu li kien joqgħod f’pajjiż imbiegħed, il‑poplu tal‑Geats. Żagħżugħ fosthom beda jitħassar lil Hrothgar u l‑poplu tiegħu minħabba t‑traġedja li kienet waqgħet fuq il‑pajjiż.

Dan iż‑żagħżugħ kien Beowulf, u kien in‑neputi tar‑re tal‑Geats, Hygelac. Talab lil missieru l‑permess biex jieħu xini u xi suldati qalbiena miegħu ħalli jmur jgħin lil Hrothgar. Ħalef li kien se jeħles lill‑poplu Daniż mill‑jasar ta’ Grendel.

Hygelac minnufih tah il‑permess, u ppreparaw xini għall‑vjaġġ it‑twil. Beowulf għażel erbatax‑il suldat qalbieni biex imorru miegħu. Għabbew ix‑xini b’ħafna armi u armaturi, u dlonk salpaw.

Beowulf kien baħri tajjeb, u ħa t‑tmun tax‑xini f’idejh. Ix‑xini kien ħafif u ġerrej fil‑baħar. Baqgħu ibaħħru għal jumejn sħaħ. Fil‑għodwa tat‑tielet jum lemħu l‑art, bajjiet wesgħin u rdum. Fil‑bogħod kien jidhru ħafna muntanji. Kien hemm xi għassiesa fuq il‑quċċata tal‑blat, u lemħu lix‑xini joqrob.

L‑għassiesa niżlu fil‑bajja hekk kif il‑Geats, immexxija minn Beowulf, niżlu minn fuq ix‑xini u ankrawh. “Min inthom?” staqsieh il‑kap tal‑għassiesa. “Gejtu b’xini u armati sa snienkom, imma ma ġejtux bil‑moħbi bħala għedewwa. Intom xi spiji li qed tfittxu l‑bajjiet fejn tistgħu tattakkaw?”

Beowulf wieġeb lill‑għassies. “Aħna Geats, u ġejna f’isem ir‑re tagħna, iz‑ziju tiegħi Hygelac. Missieri kien suldat famuż, Ecgtheow, magħruf madwar id‑dinja għall‑għerf tiegħu. Ma ġejniex biex nagħmlu gwerra magħkom, iżda biex inżuru lir‑re tagħkom, Hrothgar, iben Healdfane. Smajna li mostru qiegħed jitterrorizza lill‑pajjiż u jaħtaf lin‑nies kull lejl. Ġejna biex ngħinu lil Hrothgar jeħles minnu.”

Din it‑tweġiba kienet biżżejjed għall‑għassiesa, u qalilhom li seta’ jwassalhom s’għand ir‑re Hrothgar huwa stess. Sadanittant ordna lill‑għassiesa tiegħu biex joqogħdu għassa u jħarsu x‑xini ankrat. Għaldaqstant, Beowulf u niesu telqu lix‑xini warajhom u rħewlha biex jiltaqgħu mar‑re Hrothgar.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 4 |<

Il‑prinċep Wulfgar laqagħhom quddiem il‑palazz. Beowulf spjegalu għalfejn kienu hemm, u Wulfgar qallu biex jistennew barra sakemm hu jgħarraf lil Hrothgar bil‑miġja tagħhom.

Dak il‑ħin Hrothgar kien qiegħed jiddiskuti s‑sitwazzjoni man‑nobbli tiegħu, u Wulfgar għarrfu lil suldat li semma lilu nnifsu Beowulf xtaq ikellmu. Hrothgar deher li ħa pjaċir b’dan.

“Lil Beowulf nafu minn mindu kien tifel. Kont għent lil missieru Ecgtheow meta ħadd aktar ma ried jgħinu wara t‑tilwima li kellu ma’ Heatholaf tal‑Wilfings u kien qatlu. Kont jien li offrejt flus u teżori biex inżomm il‑paċi u Ecgtheow seta’ jmur lura pajjiżu.”

Għalhekk Hrothgar laqa’ lil Beowulf b’idejh miftuħin.

“Insellimlek, re tad‑Daniżi u ħabib kbir ta’ missieri,” qallu Beowulf. “Waslitli l‑aħbar li l‑mostru Grendel qiegħed jikkaġuna biża’ u qirda lill‑poplu tiegħek, u ġejt biex ngħinkom. Huwa veru li ma’ nżul ix‑xemx ħadd ma jidħol fis‑sala tal‑pranzu minħabba Grendel, u li l‑ebda xabla ma tista’ tinfed il‑ġilda tiegħu?”

“Il‑ġilda tiegħu hija iebsa bħal dik ta’ dragun,” wieġbu Hrothgar, “u daqqa ta’ xabla tiżloq minn fuqha.”

“Mela f’dak il‑każ niġġilidlu b’idejja,” wieġeb Beowulf minnufih. “Jekk immut nitolbok tibgħat lura pajjiżi l‑armatura tiegħi.”

Dak il‑lejl, sar festin żgħir fis‑sala ta’ Heorot f’ġieħ il‑Geats. Tqassam l‑itjeb inbid li kien hemm fil‑pajjiż, u xi poeti bdew ikantaw ftit għanjiet. Kulħadd kien ferħan minbarra persuna waħda. Unfreth, bin Ecglaf, kien bilqiegħda maġenb ir‑re, u kien qiegħed jibża, li Beowulf seta’ jisraqlu postu bħala l‑akbar ħabib tar‑re.

Għalhekk Unfreth ipprova jwaqqa’ lil Beowulf għaċ‑ċajt. “Inti m’intix dak li pprova jisfida lil Breca fil‑baħar?” staqsieh. “Sfida stupida biex taraw min jiflaħ jgħum l‑aktar fit‑tul. Breca llum huwa r‑re ta’ Bronding. Dak żamm il‑parti tiegħu u wasal sax‑xtut tan‑Norveġja, u rebaħ l‑isfida. U int? Jekk ħrabt mill‑baħar kiesaħ tat‑Tramuntana, kif nistgħu nemmnu li beħsiebek tibqa’ lejl sħiħ għassa sakemm jiġi l‑mostru Grendel?”

Beowulf wieġeb, “Milli jidher xrobt wisq il‑lejla, ħabib. Jien u Breca ilna ħbieb minn tfulitna. Jien u Breca ddeċidejna li nirriskjaw ħajjitna fil‑baħar. Ħadna magħna xabla biex niddefendu ruħna jekk niltaqgħu ma’ xi mostru tal‑baħar f’daq l‑ilma nġazzat.

Jiena kont qiegħed ngħum b’ħeffa aktar minn Breca, imma ridt nibqa’ viċin tiegħu. Imbagħad, wara ħamest ijiem, infridna waqt ta’ baħar imqalleb. F’daqqa waħda ħatafni mostru tal‑baħar, u warajh ġew ħafna oħrajn. Qtilt xi disa’ minnhom, imma wara l‑baħar kaxkarni sal‑art ta’ Lapland. Kieku kont kapaċi daqsi, ma kienx jirnexxilek teħles lir‑re tiegħek mill‑mostru Grendel? Jien għandi dik il‑ħila, u se neħles lir‑re Hrothgar mis‑saħta ta’ dik il‑bhima.”

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 5 |<

Hrothgar kien kuntent li Beowulf offra li jeqred lil Grendel. Il‑Geats u d‑Daniżi kellhom ikla flimkien, u qattgħu ftit żmien jixorbu u jiċċajtaw flimkien. Skont it‑tradizzjoni tal‑pajjiż, ir‑reġina Wealtheow daħlet fis‑sala aktar tard. Kienet sabiħa, u kollha mżejna b’ġojjelli u djamanti. Lil Beowulf offrietlu qarn biex jixrob minnu.

Beowulf xorob mill‑qarn, u lissen: “Sinjura, qsamt l‑ibħra ma’ sħabi biex niġi u neqred lil Grendel. Dal‑lejl biħsiebni nwettaq il‑wegħda tiegħi jew lest li mmut hawn, f’din is‑sala, jekk ma jirnexxilix.”

Hrothgar qam bilwieqfa minn postu. “Nieżla x‑xemx,” qal, “għalhekk se jkollna nitilqu. S’issa n‑nies tiegħi baqgħu għassa f’Heorot, iżda din id‑darba se nħalliha f’idejk u n‑nies tiegħek, Beowulf.” Id‑Daniżi telqu bil‑mod mis‑sala, u ħallew lil Beowulf u lil sħabu għassa magħha.

Beowulf neża l‑armatura u taha lil wieħed minn niesu, flimkien mal‑armi kollha li kellu. “Dal‑lejl, biħsiebni niġġieled ma’ Grendel mingħajr armi. Minflok, biħsiebni niġġilidlu bil‑għaqal minflok bil‑forza.”

Matul il‑lejl, waqt li sħabu kienu reqdin, Beowulf għamel tabirruħu li kien rieqed ukoll, iżda fil‑fatt kien qiegħed għassa, jistenna lil Grendel.

Grendel, kif għamel kull darb’oħra meta sema’ l‑istorbju u l‑mużika fis‑sala, kien qiegħed moħbi barra, jistenna li jaqa’ s‑skiet. Il‑bieb il‑kbir tas‑sala kien magħluq permezz ta’ travi kbar tal‑ħadid, iżda dawn ma kinux problema għall‑mostru. B’daqqa waħda ta’ idu sfrundahom malajr.

Beowulf qam minn postu bil‑ħasda, iżda Grendel laħaq qatel lil wieħed mis‑suldati qabel ma Beowulf kellu ċans jagħmel xi ħaġa. Hekk kif l‑id il‑kbira ta’ Grendel resqet lejn Beowulf, dan qabeż u ddendel magħha. Grendel qabad jgħajjat u jxejjer idu biex jeħles minn Beowulf, iżda dan żamm sod, u baqa’ jiggranfa ma’ id il‑mostru. Sadanittant is‑suldati l‑oħrajn qamu, dawru lil Grendel u bdew jattakkawh bl‑armi tagħhom. Iżda kien kollu għalxejn. Il‑ġilda ta’ Grendel tant kienet ħoxna, li l‑ebda arma ma setgħet tinfidha.

Beowulf baqa’ ggranfat sod ma’ driegħ Grendel, għalkemm beda jixxejjer bil‑goff ’l hawn u ’l hinn. Bid‑driegħ l‑ieħor, Grendel beda jfajjar kulma kien hemm quddiemu, u fi żmien ħafna mill‑imwejjed u għamara oħra li kien hemm fis‑sala spiċċaw kollha frak. Ftit ’il bogħod mis‑sala, id‑Daniżi kienu qed jisimgħu dak l‑istorbju kollu, imwerwrin.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 6 |<

Beowulf baqa’ jżomm sod ma’ driegħ Grendel, waqt li s‑suldati baqgħu jagħtuh bix‑xwabel, l‑mnanar u l‑lanez kemm jifilħu. Fl‑aħħar, irnexxielhom jaqtgħu barra wieħed mid‑dirgħajn tal‑mostru, u baqgħu jgħajtu u jkomplu jattakkawh u jimbuttawh lura lejn il‑bieb.

Muġugħ u ferut, Grendel ħareġ ’il barra mis‑sala u ħarab lejn il‑foresta. Issa kien sebaħ, u l‑battalja kienet spiċċat.

Fis‑sala, is‑suldati ta’ Beowulf dendlu d‑driegħ ta’ Grendel mas‑saqaf, ħalli kulħadd kien jista’ jara kif kienu rebħu lill‑mostru. Id‑Daniżi ħarġu mill‑moħba tagħhom, is‑sala mtliet b’nies jgħajtu bil‑ferħ.

Ħafna aktar Daniżi bdew ġejjin minn kull rokna tal‑pajjiż biex jaraw id‑driegħ maqtugħ ta’ Grendel imdendel fis‑sala, u biex jifirħu lil Beowulf u lil sħabu. Xi Daniżi żagħżagħ rikbu ż‑żwiemel tagħhom u daħlu fil‑foresta jsegwu d‑demm li ċarċar mill‑ferita ta’ Grendel waqt li kien qiegħed jaħrab lura lejn il‑moħba tiegħu.

F’qasir żmien waslu fejn il‑lag fejn kien jgħix Grendel flimkien ma’ mostri oħra. Raw li anki l‑ilma tal‑lag kien miksi bid‑demm tal‑ferita ta’ Grendel. Baqgħu madwar il‑lag u, biex jiċċelebraw, bdew jagħmlu t‑tlielaq biż‑żwiemel tagħhom. Ix‑xemx kienet qed tisreġ, u malajr insew id‑demm li kien hemm f’wiċċ l‑ilma.

Hrothgar ordna biex is‑sala Heorot titnaddaf u jġibu għamara ġdida. Bħala premju ta’ ringrazzjament, Lil Beowulf tah bandiera, xabla b’manku miksi bid‑djamanti u bosta rigali oħra. Lil sħabu kollha tahom il‑flus, u ordna biex lis‑suldat il‑mejjet jingħata l‑ħlas lill‑familja tiegħu. Barra minn dawn il‑premjijiet kollha, lil Beowulf tah ukoll tmint iżwiemel u s‑sarġ personali tiegħu li kien imżejjen bid‑djamanti. Dak il‑lejl, id‑Daniżi u l‑Geats iċċelebraw flimkien.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 7 |<

Il‑ċelebrazzjoni damet sejra l‑lejl kollu. Fl‑aħħar, ir‑re tad‑Daniżi ħa lil Beowulf u lil sħabu fil‑kwartieri l‑ġodda tagħhom, fejn setgħu jistrieħu. Ħafna min‑nobbli Daniżi baqgħu jorqdu fis‑sala, issa li ma kienx għad hemm aktar periklu.

Madankollu, dak li ma kinux jafu kien li omm Grendel kienet magħdba mhux bil‑ftit minħabba dak li kien ġara lil binha. Omm Grendel ma kinitx kerha daqsu, imma kienet ikbar minnu u kellha ġwienaħ enormi bħal ta’ farfett il‑lejl. Malli rat l‑istat ta’ binha, qabdet it‑triq lejn il‑sala Heorot.

Hekk kif daħlet fis‑sala, ħatfet lill‑ewwel nobbli li sabet quddiemha. Malli lemħet driegħ Grendel imdendel mas‑saqaf, ħatfitu wkoll. Il‑bqija tad‑Daniżi, li issa kienu stenbħu bl‑istorbju li kienet qajmet, ħatfu minnufih l‑armi tagħhom. Iżda omm Grendel rat li kienu ħafna, u qatgħetha li ma tiġġildilhomx. Għalhekk ħarġet mis‑sala u taret lejn il‑lag, bin‑nobbli l‑maħtuf u driegħ binha.

Wiċċ Hrothgar sar abjad karti malli tawh l‑aħbar li wieħed min‑nobbli kien inħataf minn mostru ġdid.

“Dak kien Aeschere, kunsillier u ħabib kbir tiegħi li ġġieled ħafna battalji miegħi. Issa maħtuf minn mostru ieħor. Kont smajt xi raħħala li kienu jgħidu li fil‑lag hemm żewġ mostri. Qed nissuspetta li dan il‑mostru huwa omm Grendel.

“Iżda min jista’ jmur fil‑moħba tagħhom biex jeqridhom hemm? Il‑foresta hija miżgħuda b’ilpup u annimali feroċi oħra, u l‑għeruq tas‑siġar tal‑foresta jinsabu fil‑fond, f’qiegħ l‑ilma tal‑lag. Smajt li l‑ilma tal‑lag jiddi qisu b’nirien matul il‑lejl, u jgħidu li ċerva li kienet qed taħrab mill‑ilpup ħalliethom jaqbduha għaliex beżgħet tidħol f’dak l‑ilma tal‑biża’.”

“Nitolbok, toqgħodx tinkwieta ħafna dwar dan,” qallu Beowulf. “Mhux sew li toqgħod tibki l‑mewt ta’ ħabib għal ħafna żmien. Aeschere kien diġà maħbub u famuż qabel mewtu. Ħalli minflok immorru flimkien infittxu fejn tgħix omm Grendel, u nwiegħdek li nsibha fil‑foresti jew fl‑ibħra anki jekk ikolli ndur id‑dinja kollha, u ma jkollha l‑ebda ħniena minni.”

Ir‑re rringrazzja lil Beowulf, u flimkien mas‑suldati tagħhom, rikbu ż‑żwiemel u rħewlha jfittxu lill‑mostru, f’widien fondi, f’foresti mudlama, u f’għerien fejn lanqas annimali ma kienu jazzardaw jidħlu. Waslu fejn lag fejn kien hemm bosta mostri tal‑baħar u sriep enormi. Uħud minn dawn il‑mostri kienu fuq l‑art fejn l‑ilma, iżda mal‑ħoss ta’ qarn jidwi mal‑lag, qabżu minnufih fl‑ilma u għebu fil‑fond. Wieħed mis‑suldati laħaq ħataf il‑qaws tiegħu u laqat lil wieħed mill‑mostri bi vleġġa. Iżda dan għeb taħt l‑ilma ma’ sħabu.

Hrothgar dar lejn Beowulf. “Lest li tidħol fl‑ilma biex issib lil omm Grendel?” staqsieh.

Qalb Beowulf bdiet tferfer bil‑biża’. “Se nżomm il‑wegħda tiegħi,” wieġeb lir‑re.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 8 |<

Beowulf arma lilu nnifsu sew qabel ma niżel fl‑ilma jfittex lil omm Grendel. Waqt li kien qiegħed jipprepara, Unfreth resaq lejh.

“Beowulf,” qallu, “aħfirli talli qabel iddubitajt mill‑qlubija tiegħek. Nitolbok taċċetta x‑xabla tiegħi. Jisimha Hrunting, u hija x‑xabla tal‑familja tiegħi, u salvat ħafna mill‑qraba tiegħi tul iż‑żminijiet. Nittama li tipproteġi lilek ukoll. Beowulf aċċetta x‑xabla, u dar lejn ir‑re Hrothgar.

“Nitolbok tieħu ħsieb lil niesi jekk ma niġix lura.”

B’dan il‑kliem, Beowulf qabeż fl‑ilma tal‑lag. Is‑suldati kollha baqgħu siktin hekk kif rasu għebet taħt il‑mewġ.

F’dak il‑fond, Beowulf kellu jissara ma’ bosta mostri tal‑baħar, sakemm fl‑aħħar lemaħ dell ħafna ikbar mill‑oħrajn riesaq lejh. Kienet omm Grendel. Ħatfitu minn saqajh, u bdiet tniżżlu aktar ’l isfel fil‑fond. Għalfejn Beowulf ipprova jissara biex jaħrab mill‑morsa tagħha.

Omm Grendel kaxkritu magħha sakemm waslu f’għar f’qiegħ il‑lag. Kien għar enormi li kien ’il fuq mill‑ilma tal‑lag. Kien hemm ħuġġieġa kbira qiegħda taqbad fuq naħa tal‑għar. Fid‑dawl tan‑nar, Beowulf seta’ jara xabla enormi mdendla ma’ ħajt u gzuz ta’ teżori kullimkien. Il‑ġisem mejjet ta’ Grendel kien f’rokna oħra. Beowulf attakka lil omm Grendel biex xabla li kien tah Unfreth. Iżda kien għalxejn. Il‑ġilda tal‑mostru kienet ħoxna wisq.

Malli ra li ma setax juża x‑xabla, Beowulf waddabha mal‑art u pprova jagħmel għall‑mostru bi skoss qawwi. Omm Grendel instabtet mal‑art, iżda minnufih reġgħet qamet fuq saqajha, u tagħtu daqqa lura li xeħtitu mimdud mal‑art. Ħatfet stallett u attakkat lil Beowulf. Madankollu, l‑armatura ta’ Beowulf kienet soda, u ma rnexxilhiex tweġġgħu.

Dan żied l‑għadab ta’ omm Grendel, u bdiet tfittex fil‑għar biex issib arma aħjar. Dan ta lil Beowulf żmien biżżejjed biex jaħtaf ix‑xabla l‑kbira li kien imdendla mal‑ħajt tal‑għar. Kienet xabla tal‑ġganti, u Beowulf bilkemm seta’ jerfagħha.

Bis‑saħħa kollha li kien għad baqagħlu f’ġismu, Beowulf xejjer ix‑xabla lejn il‑mostru. Laqatha f’għonqha, u d‑demm li ħareġ tant kien jaħraq li beda jħoll il‑metall tax‑xabla. Madankollu, ix‑xabla kienet għamlet il‑ħsara meħtieġa. Omm Grendel waqgħet tulha fl‑art, mejta.

In‑nies li kienu max‑xatt tal‑lag lemħu d‑demm tiela’ f’wiċċ l‑ilma, u mill‑ewwel ħasbu li Beowulf kien miet. Hrothgar u niesu telqu lura f’pajjiżhom, iżda l‑Geats baqgħu jistennew, bit‑tama li jerġgħu jaraw lill‑kap tagħhom ħiereġ mill‑ilma. U ma stennewx għalxejn.

F’ħin minnhom, Beowulf feġġ f’wiċċ l‑ilma, qawwi u sħiħ. U miegħu kien ġab ix‑xabla l‑kbira li kien qatel lil omm Grendel biha. Kollha laqgħuh bi ħġarhom, u għenuh jinża l‑armatura li kien liebes. Wara, rikbu ż‑żwiemel u rħewlha lura biex jagħtu l‑aħbar it‑tajba lil Hrothgar u lid‑Daniżi.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 9 |<

Hrothgar kien dara lil Beowulf tant li beda jqisu bħala iben, u ma xtaqx li Beowulf jitlaq. Madankollu, Beowulf u niesu kienu ħerqanin biex ifittxu jmorru lura darhom. Għaldaqstant, għabbew ir‑rigali, fosthom bandiera b’ras ta’ ħanżir salvaġġ, fuq ix‑xini tagħhom, u ppreparaw biex isalpaw.

F’qasir żmien, ix‑xini wasal fl‑artijiet tal‑Geats, u l‑baħħara setgħu jaraw mill‑bogħod nieshom jinġabru fix‑xatt u jxejrulhom. Sakemm waslu, folla kbira kienet inġabret biex tagħtihom merħba.

Malli niżlu l‑art, Beowulf minnufih mar jara lir‑re Hygelac, u wara li rrakkontalu kif kien qered lil Grendel u lil ommu u ħeles lid‑Daniżi mill‑jasar tagħhom, ippreżentalu r‑rigali kollha li Hrothgar kien tah. Kien hemm l‑armaturi, żwiemel u teżori, ix‑xabla l‑kbira kif ukoll il‑bandiera b’ras il‑ħanżir. Lir‑reġina Hygd taha kullana bil‑ġojjelli u tlitt iżwiemel bis‑sruġ tal‑fidda.

Għall‑bidu r‑reġina kienet iddubitat mill‑ħila ta’ Beowulf, imma issa, li kien ġie lura b’dawk it‑teżori u l‑unuri kollha, ħassitha kburija bih, u wegħditu li tibqa’ tilbes il‑kullana li taha ħajjitha kollha. Ir‑re, min‑naħa tiegħu, ta lil Beowulf bħala premju xabla speċjali li kienet is‑simbolu ta’ niesu. Barra minn din, tah ukoll palazz kbir u madwar żewġ miljun ettaru, li kien ftit biss inqas mill‑artijiet li kellu Hygelac stess. B’dan il‑mod, Beowulf inħatar bħala prinċep tal‑pajjiż.

Imma ftit snin wara dan, il‑poplu tal‑Geats spiċċa fi gwerra mal‑iSvediżi, li ġew bix‑xwieni u invadew arthom. Fil‑qilla tal‑battalja, ir‑re Hygelac miet. L‑iSvediżi għamlu wkoll għal ibnu Heardred, u qatluh ukoll. Heardred kien l‑uniku eredi ta’ Hygelac. Minkejja li l‑Geats irnexxielhom jimbuttaw lill‑għadu lura u jsalvaw artijiethom, issa kienu mingħajr re u mingħajr eredi għat‑tron.

Beowulf kien in‑neputi ta’ Hygelac, għaldaqstant offrew il‑kuruna lilu. Għalkemm Beowulf kien qalbu maqsuma minħabba t‑telfa ta’ zijuh u kuġinuh, aċċetta l‑kuruna. U b’hekk Beowulf ħakem il‑poplu tal‑Geats b’id soda u ġusta għal ħafna snin.

Iżda kien għad kellu jgħaddi minn avventura oħra.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 10 |<

Meta Beowulf kien ħakem il‑poplu tiegħu għal ħafna snin u laħaq xjuħitu, aħbar kerha bdiet tinxtered mal‑pajjiż kollu. In‑nies bdiet tilmaħ dragun kbir jittajjar bil‑lejl. Id‑dragun kien jixħet nar qawwi minn imnifsejh, tant li beda jeqred irħula u għelieqi.

Beowulf mill‑ewwel ħaseb x’jagħmel, u bagħat lis‑suldati tiegħu madwar il‑pajjiż biex isaqsu mistoqsijiet lin‑nies kollha; irġiel, nisa u tfal. Beowulf kien jaf li d‑draguni ġeneralment kienu jħarsu l‑oqbra fejn kien hemm moħbijin teżori kbar flimkien mal‑mejtin. Għalhekk ħaseb li d‑dragun kien qiegħed jeqred l‑irħula għax kien ġie pprovokat. Is‑suldat sabu li kien raġel li kellu kalċi antik.

Ir‑raġel spjega li kellu lsir li kien ħarab. Dan l‑ilsir, bil‑biża’, reġa’ mar lura għand sidu, u offrielu l‑kalċi li kien sab biex jaħfirlu. L‑ilsir irrakkonta l‑istorja tiegħu.

“Meta ħrabt, kont naf li sidi kien jikkastigani bil‑kbir talli kont ħrabt. Imxejt għal ħafna żmien sakemm wasalt fl‑artijiet qalb il‑muntanji. L‑unika ħaġa li kelli f’moħħi kienet li nitbiegħed minn sidi u mill‑għadab tiegħu. Jum wieħed sibt għar u dħalt biex nistkenn.

“It‑teżori li sibt hemm ġew kienu tal‑għaġeb: armaturi ta’ ġellieda, xwabel u armi oħra, kif ukoll ġojjelli u teżori oħra. Imbagħad ilmaħt lid‑dragun rieqed, għalhekk ħtaft kalċi u ħrabt minn ġo l‑għar.

“Barra nżilt bilġri minn hemm biex id‑dragun ma jilħaqx jarani. Madankollu kont naf ukoll li aktar ma bdejt miexi lura, aktar kont qiegħed noqrob l‑art ta’ sidi, li kont naf li kien għadu magħdab għalija. Għalhekk ġiet idea f’rasi; ħsibt li mmur lura għand sidi u noffrilu l‑kalċi biex jaħfirli. Sidi aċċetta, u erġajt bqajt f’daru. Imma qatt ma bsart li b’hekk kont irrabjajt lid‑dragun.”

Meta d‑dragun stenbaħ, induna mill‑ewwel li xi ħadd kien daħal fil‑għar u seraqlu mit‑teżor. Beda jdur l‑għelieqi madwar l‑għar sakemm qabad ir‑riħa tal‑bniedem. Mar lura fil‑għar u stenna sakemm jidlam.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 11 |<

Lejl wara l‑ieħor, id‑dragun beda jtir fuq l‑art u jqabbad kull raħal u għalqa li seta’ jsib, u fl‑aħħar saħansitra laħaq il‑palazz ta’ Beowulf u l‑port miżgħud bix‑xwieni. Dawn ukoll spiċċaw irmied taħt il‑qilla tiegħu.

Beowulf qatagħha li kellu jkun hu waħda li jiffaċċja lid‑dragun u jeqirdu. Wara li l‑ilsir spjegalu fejn kien sab l‑għar tad‑dragun, Beowulf qabbad lill‑ħaddied tiegħu jagħmillu tarka qawwija biżżejjed biex tiflaħ in‑nifs jaħraq tad‑dragun.

Meta t‑tarka kienet lesta, Beowulf ħa lill‑ilsir bħala gwida flimkien ma’ ħdax mill‑aħjar suldati tiegħu, u reħielha lejn l‑għar tad‑dragun.

Malli waslu, Beowulf dar lejn is‑suldati tiegħu. “Jien issa xjaħt, u ġġilidt ħafna battalji. Din l‑aħħar taqbida rrid nagħmilha waħdi. Għalhekk stennewni hawn barra, u mmur jien neqred lid‑dragun biex ma jibqax jeqred lil pajjiżi u lil niesi.”

Beowulf daħal waħdu fil‑għar. Daħal fil‑fond, sakemm fl‑aħħar sab lid‑dragun rieqed. Duħħan jaħraq kien ħiereġ minn imnifsejh.

Beowulf poġġa jdejh ma’ ħalqu, u għajjat. “Qum, ja qattiel tan‑nies u qerriedi tal‑artijiet. Qum minn hemm u ġġilidli.”

Id‑dragun qam b’ħasda u mtela bil‑għadab hekk kif lemaħ lil Beowulf.

***** ***** stat_3 ***** *****

>| 12 |<

Beowulf bil‑qajla beda riesaq lura lejn il‑fetħa tal‑għar, l‑aktar biex jeħles mis‑sħana qawwija li kien hemm fil‑magħluq. Fl‑aħħar ħareġ barra, u reġa’ sejjaħ lid‑dragun biex joħroġ warajh u jiġġilidlu fil‑beraħ.

Malli d‑dragun ħareġ mill‑għar, minnufih fetaħ ġwenħajh u tar ’il fuq. Malli kien fil‑għoli biżżejjed, waqaf, u niżel dritt lejn Beowulf, jonfoħ in‑nar.

Sħab Beowulf, li kienu qegħdin jistennewh barra, ħarbu kollha għall‑kenn mid‑dragun, minbarra Wiglaf, li kien l‑akbar ħabib ta’ Beowulf.

Sadanittant, Beowulf sab ruħu mdawwar b’ilsna tan‑nar, u maħruq f’partijiet ta’ ġismu. Issa kien bilqiegħda mal‑art. Mingħajr telf ta’ żmien, Wiglaf ġera lejn ir‑re tiegħu, u beda jfajjar ix‑xabla tiegħu lejn id‑dragun, li pprova jersaq lejn Beowulf. Fl‑aħħar, Wiglaf irnexxielu jolqot lid‑dragun f’żaqqu, u l‑bhima waqgħet mejta fl‑art.

Wara ftit ħin, Wiglaf niżel waħdu fejn kien hemm is‑suldati l‑oħrajn. Qalilhom li d‑dragun kien mejjet. Iżda wara tahom l‑aħbar li maħbub re tagħhom kien mejjet ukoll. Is‑suldati daħlu fil‑għar, u ġabru t‑teżor kollu li kien hemm moħbi.

Fuq għolja qrib il‑palazz ta’ Beowulf, is‑suldati bnew pira u fuqha poġġew il‑ġisem tar‑re tagħhom, u tawh in‑nar. Il‑ħoss tan‑nar jaqbad tħallat mal‑krib tal‑irġiel u t‑tinwiħ tan‑nisa. Wara, bnew tomba, u difnu l‑fdalijiet ta’ Beowulf flimkien mat‑teżor kollu li kienu ġabru mill‑għar tad‑dragun. Għal żmien twil, għadd ta’ suldati fuq iż‑żwiemel daru madwar it‑tomba, jokorbu t‑telfa tar‑re tagħhom. U l‑għannejja fasslu poemi twal li rrakkontaw għemejjel Beowulf, biex ħadd ma jinsa lill‑akbar eroj ta’ kuraġġ u qalb tajba li qatt kellu l‑pajjiż.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Ettaru: Kejl tal‑art, madwar 10,000 metru kwadru. [Lura]

Pira: Pjattaforma magħmula biz‑zkuk fejn ipoġġu l‑katavru għall‑ħruq. [Lura]

Sarġ (pl. sruġ): Oġġett magħmul minn drapp u ġild, u jitpoġġa fuq dahar iż‑żiemel biex wieħed jirkeb fuqu. [Lura]

Tomba: Speċi ta’ għolja artifiċjali, mibnija mill‑bnedmin biex jidfnu fiha rejiet u persuni oħra importanti. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****