Lyman Frank Baum
(1856-1919)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Fantasija | Poeżija | Stejjer qosra

Lyman Frank Baum kien kittieb Amerikan magħruf l‑aktar għall‑kotba tat‑tfal, speċjalment is‑sensiela tas‑Saħħar ta’ Oż. B’kollox kiteb 14‑il ktieb dwar Oż, 41 rumanz ieħor, 83 storja qosra u aktar minn 200 poeżija. Ħadem kemm felaħ biex ix‑xogħol tiegħu jidher fit‑teatru, u l‑film Is‑Saħħar ta’ Oż tal‑1939 huwa l‑aktar verżjoni magħrufa tal‑ktieb.

Baum twieled u trabba fi New York. Beda bħala produttur tat‑teatru u kittieb ta’ drammi, imma m’ għamilx ħafna suċċess, għalhekk hu u martu ddeċidew li jbiddlu l‑post. Fetħu ħanut fl‑istat ta’ South Dakota, u hemmhekk sab xogħol bħala editur u pubblikatur ta’ gazzetta. Aktar tard marru joqogħdu f’Chicago, u hemmhekk beda jaħdem bħala ġurnalist u beda jikteb stejjer għat‑tfal. L‑ewwel ktieb tas‑Saħħar ta’ Oż ħareġ fl‑1900. Hekk kif baqa’ jikteb kotba għat‑tfal fl‑aħħar snin ta’ ħajtu beda proġett biex joħloq studjo tal‑films f’Los Angeles, fl‑istat ta’ California, biex jipproduċi films għat‑tfal.

Ħaġa tal‑għaġeb kif fl‑istejjer tiegħu kien kapaċi jipprevedi affarijiet li llum fil‑fatt jeżistu, fosthom it‑television, l‑augmented reality, il‑computers (Iċ‑Ċavetta Ewlenija – The Master Key) u l‑mobile phones (Tik‑Tok ta’ Oż).

Meta ħareġ Is‑Saħħar ta’ Oż fl‑1900 għamel suċċess kbir, u baqa’ l‑aktar ktieb mibjugħ għal sentejn wara xulxin, tant li Baum tħajjar jikteb aktar stejjer dwar l‑istess karattri u żied 13‑il ktieb ieħor wara l‑ewwel wieħed. Meta f’Is‑Saħħar ta’ Oż Baum iddeskriva l‑qagħda tal‑Kansas, kien qiegħed jibbaża fuq l‑esperjenza tiegħu meta kien jgħix f’South Dakota, li dak iż‑żmien kien mgħakkes b’ħafna nixfa u ftit li xejn xita.

F’Mejju tal‑1919 Baum kellu attakk ta’ qalb, waqa’ f’koma u miet l‑għada fl‑età ta’ 62. L‑aħħar ktieb tas‑sensiela tas‑Saħħar ta’ Oż, Glinda ta’ Oż, ħareġ f’Lulju tal‑1920, sena wara mewtu. Tant kienet magħrufa s‑sensiela dwar Oż li aktar kotba baqgħu jinkitbu minn kittieba oħra, speċjalment Ruth Plumly Thompson, li ħarġet wieħed u għoxrin ktieb ieħor dwar Oż.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Is-Saħħar ta' Oż 

***** ***** stat_3 ***** *****