Miguel de Cervantes Saavedra
(1547-1616)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura | Fantasija

Miguel de Cervantes Saavedra kien awtur Spanjol li kiteb rumanzi, reċti u poeżiji. Barra minn dan kien ukoll suldat. Huwa magħruf l‑aktar għar‑rumanz tiegħu Don Quixote (tinqara Don Ki‑ħo‑te), li ħafna studjużi jqisu bħala l‑ewwel rumanz modern.

Cervantes twieled f’Alcalá de Henares, fi Spanja, x’aktarx fid‑29 ta’ Settembru, 1547. Beda jistudja l‑liġi fl‑Università ta’ Salamanca, iżda ma spiċċax il‑kors. Fl‑1569 mar l‑Italja u daħal suldat fil‑flotta. Ħa sehem fil‑battalja ta’ Lepanto fl‑1571. Waqt din il‑battalja safa ferut u minħabba dan ma setax juża aktar idu x‑xellugija.

Fl‑1575 ix‑xini li kien suldat fuqu nqabad mill‑furbani Ottomani, u baqa’ priġunier tagħhom. Għalkemm ittanta jaħrab xi erba’ darbiet, baqa’ mjassar għal kważi ħames snin qabel ma ordni reliġjuż ħallas għalih biex jinħeles. Wara dan Cervantes mar lura Spanja fejn beda l‑karriera tiegħu ta’ kittieb.

Fl‑1592 Cervantes kellu ħafna dejn u spiċċa l‑ħabs għal ħames snin. Ma kenitx l‑ewwel darba, u fil‑fatt kien il‑ħabs meta beda x‑xogħol fuq Don Quixote. L‑ewwel parti tar‑rumanz ħarġet fl‑1605, u t‑tieni parti fl‑1615. Ir‑rumanz għamlu famuż mil‑lejl għan‑nhar, mhux biss f’pajjiżu iżda f’ħafna pajjiżi oħra tal‑Ewropa, tant li Don Quixote huwa meqjus ukoll bħala l‑ewwel rumanz popolari internazzjonali.

Cervantes miet f’Madrid fl‑1616. Huwa meqjus bħala wieħed mill‑aqwa kittieba Spanjoli. Don Quixote ġie maqlub f’aktar minn mitt lingwa.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Don Quixote

***** ***** stat_3 ***** *****