Carlo Collodi
(1826–1890)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Letteratura għat-tfal |
Rumanzi klassiċi
L‑isem proprju ta’ Carlo Collodi kien Carlo Lorenzini. Collodi kien l‑isem tal‑belt fejn kienet twieldet ommu, u użah bħala psewdonimu għall‑kitbiet tiegħu. Għalkemm huwa l‑aktar magħruf għall‑ħrafa tiegħu L‑Avventuri ta’ Pinokkjo, Collodi kiteb ħafna xogħol ieħor, u minbarra kittieb kien ukoll ġurnalist u umorista.
Collodi twieled f’Firenze, l‑Italja, fl‑24 ta’ Novembru 1826. Ommu kienet ħajjata u missieru kien kok. Collodi kien l‑akbar minn għaxart aħwa (imma sebgħa minnhom mietu tfal). Collodi qatta’ l‑parti l‑kbira ta’ tfulitu f’Collodi, fejn kien jgħix ma’ nanntu. Il‑ġenituri tiegħu kienu jaħdmu għal markiż (raġel sinjur), u l‑markiż offra li jħallaslu l‑iskola f’seminarju. Imma Collodi ma xtaqx isir qassis, u għalhekk mar jitgħallem f’kulleġġ f’Firenze. Hemmhekk beda jaħdem ma’ wieħed espert fil‑manuskritti (kotba miktubin bl‑id, mhux stampati) Taljani.
Fi żmien Collodi, l‑Italja ma kinitx għadha pajjiż wieħed, u fl‑1848 u l‑1860 daħal suldat biex jiġġieled għall‑indipendenza tal‑pajjiż. Waqqaf ħafna gazzetti politiċi favur l‑indipendenza tal‑Italja, u kien f’dan iż‑żmien li beda juża l‑psewdonimu ta’ Carlo Collodi.
Maż‑żmien tilef l‑interess fil‑politika u dar għal‑letteratura tat‑tfal. Beda billi qaleb għat‑Taljan il‑ħrejjef famużi Franċiżi ta’ Charles Perrault. Aktar tard kiteb stejjer oħra bbażati fuq karattri magħrufin oħra.
Collodi kellu l‑idea li juża karattru simpatiku imma mqareb biex jgħaddi l‑messaġġi u t‑tagħlim tiegħu permezz ta’ allegorija: jgħaddi messaġġ jew tagħlima permezz ta’ karattru, lok jew simbolu. Fl‑1880 beda jikteb L‑Istorja ta’ Pupazz, li saret aktar famuża bit‑titlu L‑Avventuri ta’ Pinokkjo. L‑istorja ħarġet f’episodji f’gazzetta tat‑tfal, Giornale per i Bambini. Minn dak iż‑żmien il‑ħrafa daret madwar id‑dinja kollha u saret popolari immens. Saru ħafna films fiċ‑ċinema u t‑televiżjoni u l‑ħrafa ġiet maqluba f’mhux inqas minn 260 lingwa. Il‑cartoon ta’ Walt Disney tal‑1940 huwa x’aktarx l‑aktar verżjoni popolari.
Collodi miet ħesrem f’Firenze ta’ 63 sena fis‑26 ta’ Ottubru 1890. Il‑Fondazzjoni Nazzjonali ta’ Carlo Collodi llum il‑ġurnata għadha tippromwovi x‑xogħlijiet tiegħu fl‑edukazzjoni, u kull sena ħafna nies iżuru l‑Park ta’ Pinokkjo f’Collodi.
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja