Charles Dickens
(1812-1870)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Fantasija |
Letteratura għat-tfal |
Makabru |
Rumanzi klassiċi
Charles Dickens twieled f’Landport, l‑Ingilterra, nhar is‑7 ta’ Frar, 1812. Missieru kien segretarju u ommu kienet seftura. Kienet magħrufa għall‑ħila tagħha biex tirrakkonta l‑istejjer. Fl‑1816, il‑familja, li kienet tinkludi sebat itfal, bdew joqogħdu f’Chatham. Dickens minn dejjem kien xipli u marradi: għalhekk kien iqatta’ l‑ħin jaqra u jara lil tfal oħra jilagħbu. Ommu għallmitu jaqra, u kien iħobb jgħarbel il‑librerija żgħira ta’ missieru.
Missieru ta’ spiss kien ikun fid‑dejn. Madankollu, lil bintu l‑kbira ħallsilha biex tattendi l‑Akkademja Rjali tal‑Mużika. Lil Charles ma ħallaslux għall‑edukazzjoni, u t‑tifel spiċċa jsefter id‑dar: jimblakka l‑bwiez ta’ missieru, jieħu ħsieb lil ħutu ż‑żgħar, u jagħmel xi qadjiet.
Iz‑ziju ta’ Charles kien joqgħod f’dar fejn kien hemm negozju żgħir ta’ bejgħ tal‑kotba, u sidt il‑post silfitu xi kotba biex jaqra. Għalhekk l‑interess fil‑kotba baqa’ ħaj f’Charles, sakemm fl‑aħħar beda jipprova jikteb hu.
Minħabba d‑dejn li kellu, missieru spiċċa l‑ħabs, u Charles kellu jibda jgħix f’Camden, ma’ mara xiħa. Aktar tard sab post aktar viċin tal‑ħabs fejn kien missieru.
Madwar l‑1824, beda jattendi skola, u saħħtu bdiet taqleb għall‑aħjar.
Fl‑1835 beda jaħdem bħala ġurnalista mal‑gazzetta Morning Chronicle u beda jikteb ukoll għal ħafna rivisti. Għal waħda minnhom kiteb sensiela ta’ stejjer magħrufin bħala The Pickwick Papers, li kienu suċċess enormi mal‑qarrejja.
Wara dan, Dickens kiteb Oliver Twist, Nicholas Nickelby, The Old Curiosity Shop u Barnaby Rudge fost ħafna oħrajn, u sar wieħed mill‑aktar kittieba popolari taż‑żmien. Madankollu Għanja tal‑Milied (A Christmas Carol) huwa meqjus bħala l‑aktar rumanz maħbub tiegħu.
Dickens kellu għaxart itfal, u kollha kien iħobbhom. Jekk inqisu l‑popolarità ta’ kittieb skont kemm kien maħbub fi żmienu, nistgħu ngħidu li Charles Dickens kien wieħed mill‑aqwa kittieba Ingliżi.
Qari tal‑provi: Therese Vella
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Poeżija | Rumanzi Klassiċi | Storja