Arthur Conan Doyle
(1859-1930)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura | Drama | Esplorazzjoni |
Fantasija
Sir Arthur Conan Doyle kien wieħed mill‑aktar kittieba famużi tal‑Ingilterra. Kien kapaċi jikteb fuq ħafna temi diversi. Huwa magħruf l‑aktar għall‑istejjer ta’ avventura u misteru, li kellhom l‑akbar numru ta’ qarrejja; imma hemm ukoll eluf ta’ qarrejja tax‑xogħlijiet tiegħu dwar l‑istorja u l‑ispiritwaliżmu.
Conan Doyle kien bin artist Charles Doyle, u twieled f’Edinburgh, l‑Iskozja, fit‑22 ta’ Mejju 1859. Il‑ġenituri tiegħu xtaqu li jsir tabib, għaldaqstant bagħtuh jitgħallem fl‑Akkademja ta’ Stonyhurst. Għamel sena f’Feld Kirch, l‑Awstrija, u wara, fl‑1875, daħal jistudja fl‑Università ta’ Edinburgh.
Wara li ggradwa mill‑università, Doyle beda jaħdem bħala tabib f’Southsea, l‑Ingilterra. Biex iżid mal‑paga miżera li kellu beda jikteb in‑novelli. L‑ewwel storja li kiteb, li kellha fiha l‑personaġġ ta’ Sherlock Holmes, kienet Investigazzjoni bl‑Aħmar, ippubblikata fl‑1886. Madankollu kien fl‑1891 li l‑personaġġ ta’ Sherlock Holmes sar popolari, meta r‑rivista Strand Magazine bdiet toħroġ avventura ta’ Sherlock Holmes kull xahar. L‑istejjer kienu popolari ħafna, u baqgħu joħorġu sal‑1896. Wara dan, Conan Doyle ma baqax jikteb stejjer, u minflok beda jikteb u jagħti taħditiet dwar temi storiċi.
Għal xi żmien Doyle serva bħala tabib fil‑gwerra tal‑Boeri. Din l‑esperjenza servietu biex jikteb Il‑Gwerra l‑Kbira tal‑Boeri u Il‑Gwerra fl‑Afrika t’Isfel: Kif u Għaliex Saret. Għal dan is‑servizz lejn pajjiżu Doyle ngħata t‑titlu ta’ Sir.
Fi żmien l‑Ewwel Gwerra Dinjija Doyle kien avvanzat wisq fl‑età biex jaċċettawh bħala suldat, madankollu qeda lill‑Ingilterra mod ieħor billi kiteb ħafna kitba ta’ propaganda, li serviet biex taqta’ qalb l‑għadu waqt li tqawwi qalb is‑suldati u l‑poplu Ingliż.
Traġedja waqgħet fil‑familja meta ibnu Kingsley miet fil‑gwerra, u din tat wisq f’qalb Doyle, tant li wasslitu biex jaħseb ħafna dwar il‑possibiltà ta’ xi ħajja oħra wara l‑mewt. Biż‑żmien sar jemmen ħafna fl‑ispiritwaliżmu.
Minħabba dan l‑interess kbir tiegħu fl‑ispiritwaliżmu, kiteb Rivelazzjoni Ġdida (1918), u L‑Istorja tal‑Ispiritwaliżmu (1926, żewġ volumi). Mill‑banda l‑oħra, minħabba d‑devozzjoni qawwija li kellu lejn pajjiżu waqt l‑Ewwel Gwerra Dinjija, kiteb sitt volumi tal‑Istorja tal‑Kampanja Ingliża fi Franza u l‑Belġju, li jingħad li tat l‑akbar kontribut lejn l‑apprezzament tal‑armata Brittanika fost il‑poplu Ingliż.
Tant kien jemmen bil‑qalb fl‑ispiritwaliżmu li qabel ma miet wiegħed lil familtu u lil ħbiebu li wara mewtu l‑ispirtu tiegħu jiġi jżurhom. Miet fi Crowborough, l‑Ingilterra, nhar is‑7 ta’ Lulju 1930. Jekk fil‑fatt żarx tassew lil familtu u lil ħbiebu wara mewtu ma nafux, għax dik hija biċċa tagħhom personali. Biss huwa biżżejjed li ngħidu li l‑ispirtu tiegħu għadu ħaj fil‑kitba tiegħu.
Qari tal-provi: Anabel Micallef
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja