Herman Melville
(1819-1891)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura

Melville twieled bl‑1819, u telaq l‑iskola meta kellu ħmistax‑il sena. Beda jaħdem l‑ewwel bħala segretarju u aktar tard bħala għalliem, imma meta kien għadu teenager beda jaħdem fuq vapur merkantili. Għalkemm mar lura l‑Amerka, il‑kilba għall‑avventura fuq il‑baħar baqgħet miegħu, u f’qasir żmien reġa’ beda jbaħħar.

Fl‑1841 beda jaħdem fuq il‑kaċċatur tal‑balieni Acushnet. Wara tmintax‑il xahar mar jaħdem fuq mirkeb ieħor biex ikollu opportunità jżur pajjiżi differenti. Qatta’ bosta xhur fil‑gżejjer tal‑Marquesas, fl‑Oċean Paċifiku, fejn jgħid li n‑nies tal‑post kienu kannibali.

Wara dan żar postijiet oħra, fosthom Taħiti u l‑gżejjer tal‑Ħawaj, u fl‑aħħar spiċċa fil‑port ta’ Boston. F’dan iż‑żmien Melville beda jazzetta u beda jikteb ir‑rumanzi. Ir‑rumanz Typee huwa bbażat fuq l‑avventuri tiegħu fil‑gżejjer tal‑Marquesas, waqt li Omoo huwa bbażat fuq l‑esperjenzi tiegħu f’Taħiti. Permezz ta’ dawn ir‑rumanzi sar magħruf bħala r‑raġel li kien ħarab mill‑kannibali.

Fl‑1847 Melville iżżewweġ u mar jgħix mal‑familja tiegħu f’razzett f’Pittsfield, fil‑Massachusetts.

Moby Dick ġie ppubblikat fl‑1851. Melville ibbażah fuq l‑esperjenzi tiegħu fuq l‑Acushnet, fuq l‑istudji li għamel dwar l‑industrija tal‑kaċċa tal‑balieni, kif ukoll fuq l‑istorja vera ta’ attakk ta’ baliena fuq il‑bastiment Essex fl‑1820.

Il‑popolarità ta’ Melville bħala kittieb bdiet tmajna aktar tard f’ħajtu. Meta miet fl‑1891, ir‑rumanzi tiegħu kienu kważi minsijin għal kollox.

Madankollu reġa’ kiber l‑interess fir‑rumanzi tiegħu mill‑1920 ’il quddiem. Illum il‑ġurnata huwa meqjus bħala wieħed mill‑akbar kittieba Amerikani, u r‑rumanz Moby Dick bħala wieħed mill‑aqwa rumanzi tal‑letteratura Amerikana.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Moby Dick

***** ***** stat_3 ***** *****