Mary Wollstonecraft Shelley
(1797-1851)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Fantaxjenza
Rumanzi Klassiċi

Mary Wollstonecraft Shelley, li twieldet nhar it-30 t’Awwissu, 1797 f’Londra, l-Ingilterra, kienet kittieba li saret ċelebri permezz tar-rumanz tagħha Frankenstein, jew Il-Prometeu Modern. Kienet bint żewġ ġenituri ta’ edukazzjoni għolja: Mary Wollstonecraft, li kienet kittieba, filosfa u pijuniera tad-drittijiet tan-nisa, u William Godwin, politiku ċelebri.

L-ewwel snin ta’ ħajjitha kellhom mumenti pożittivi imma traġiċi wkoll. Ommha mietet ħdax-il jum biss wara twelidha, għalhekk rabbewha missierha u sensiela ta’ ommijiet tar-rispett. Minkejja dan, l-ambjent intellettwali ta’ missierha taha l-opportunità tiltaqa’ ma persuni kolti u ma’ kittieba prominenti ta’ dawk iż-żminijiet.

Ta’ sittax-il sena saret taf lill-poeta Percy Bysshe Shelley, u minnufih saru jinħabbu. Għalkemm Percy kien miżżewweġ, ħarbu flimkien fl-1814. Il-ħajja tagħhom flimkien kienet mimlija sfidi: l-istmerrija tas-soċjetà ta’ madwarhom, problemi finanzjarji u l-imwiet ta’ uliedhom. Madankollu żammithom flimkien l-imħabba komuni li kellhom lejn il-ħsieb u l-kultura, u Percy kien ta’ influwenza kbira fil-kitbiet ta’ Mary.

Fl-1816 qattgħu is-sajf ma’ Lord Byron u xi ħbieb oħra f’Ġinevra, l-Isvizzera. Kien f’dan iż-żmien li Mary nibtet l-idea ta’ Frankenstein. Mary ppubblikat ir-rumanz fl-1818, meta kellha biss għoxrin sena: l-istorja ta’ xjenzat li joħloq bniedem permezz ta’ esperimenti xjentifiċi illegali. Fiha Shelley tesplora l-ambizzjoni u l-arroganza tal-bniedem, kif ukoll l-implikazzjonijiet etiċi li jġib miegħu l-avvanz tax-xjenza.

Għall-ewwel, ir-rumanz ħareġ anonimu (mingħajr isem l-awtur), u ħafna nies assumew li fil-fatt kitbu Percy, billi kien kiteb l-introduzzjoni għalih. Fit-tieni edizzjoni li ħarġet fl-1823 deher isem Mary Shelley bħala l-awtriċi tal-ktieb. Ir-rumanz kiseb popolarità liema bħalha, u ħalla effett kbir fuq il-kultura popolari u l-letteratura. Huwa meqjus bħala wieħed mill-ewwel xogħlijiet ta’ fantaxjenza.

Traġedja oħra waqgħet fuq Mary meta Percy miet mgħarraq fl-1822. Minkejja s-sogħba li ħakmitha, Mary kompliet tikteb ħafna rumanzi, novelli u essejs. Xogħlijiet oħra, bħal L-Aħħar Bniedem, dwar dinja maħkuma minn epidemija, jirriflettu l-interess tagħha f’temi bħat-tbatija u r-reżiljenza tal-bniedem.

Mary Bysshe Shelley mietet fl-1 ta’ Frar, 1851, ta’ tlieta u ħamsin sena.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Frankenstein 

***** ***** stat_3 ***** *****