Johanna Spyri
(1827–1901)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura | Letteratura għat-tfal

Johanna Spyri, kittieba magħrufa ħafna għal‑letteratura tat‑tfal, twieldet fit‑12 ta’ Jannar, 1827, f’Hirzel, l‑Isvizzera. Fi tfulitha kellha rabta kbira mal‑ħajja fil‑kampanja u kienet tħobb ukoll tisma’ l‑istejjer. Iżżewġet lil Dr. Bernhard Spyri u marret toqgħod Zurich. Hemmhekk bdiet il‑karriera tagħha ta’ kittieba.

Għall‑bidu bdiet tikteb poeżiji u stejjer qosra, madankollu kisbet popolarità internazzjonali bir‑rumanz tagħha Heidi (1880). L‑istorja ħelwa ta’ tifla żgħira li marret tgħix ma’ nannuha qalb il‑muntanji tal‑Isvizzera ħakmet il‑qalb ta’ bosta qarrejja madwar id‑dinja, għaliex it‑temi tal‑istorja – it‑tfulija, in‑natura u l‑importanza tal‑familja – kienu jolqtu lil nies ta’ kull età. Ir‑rumanz jiddeskrivi b’mod qawwi l‑kampanja Svizzera, ir‑reżiljenza u l‑fejqan fin‑natura.

Fl‑1881 ħareġ ir‑rumanz Il‑Vjaġġ ta’ Heidi, li kompla jirrakkonta l‑istorja tal‑karattru popolari. Spyri kitbet rumanzi oħra għat‑tfal, fosthom Il‑Pupa Moni (1869) u Ix‑Xwejjaħ iż‑żgħir fil‑foresta (1891).

L‑istil letterarju ta’ Spyri huwa sempliċi u dirett, għaldaqstant huwa ħafif biżżejjed biex jinqara minn tfal żgħar. Spyri ħadet l‑ispirazzjoni għall‑kitba tagħha mill‑esperjenzi personali u minn dak li kienet tosserva qalb l‑għelieqi tal‑Isvizzera. Ix‑xogħlijiet tagħha nqalbu f’ħafna lingwi u films u sensiliet għat‑televiżjoni kif ukoll għall‑palk.

L‑1884 kienet sena traġika għal Spyri, għaliex mietu kemm żewġha kif ukoll l‑uniku tifel tagħha, Bernhard. Minkejja n‑niket tagħha baqgħet tikteb xorta waħda, u tul ħajjitha kitbet ’il fuq minn ħamsin storja. Ħafna minn dawn ix‑xogħlijiet, bħal Heidi, huma bbażati fuq it‑tfulija u s‑sbuħija tal‑kampanja tal‑Isvizzera.

Xogħol Spyri ma kienx jinvolvi biss il‑kitba ta’ stejjer. Kienet tagħmel ukoll xogħol ta’ karità, u kienet attiva f’ħafna kawżi soċjali.

Minkejja s‑suċċess li gawdiet f’ħajjitha, Spyri dejjem baqgħet persuna umli. Spyri mietet nhar is‑7 ta’ Lulju, 1901.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Heidi 

***** ***** stat_3 ***** *****