Bram (Abraham) Stoker
(1847–1912)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura |
Fantasija |
Makabru |
Misteru
Abraham (Bram) Stoker kien kittieb Irlandiż magħruf ħafna għall‑istejjer Gotiċi (tal‑waħx) tiegħu, speċjalment Dracula, ippubblikat fl‑1897. Matul ħajtu kien aktar magħruf bħala l‑assistent personali tal‑attur Sir Henry Irving u maniġer tal‑Lyceum Theatre, li kien proprjetà ta’ Irving. F’żgħożitu Stoker kien ukoll ġurnalista kritiku għal gazzetta Irlandiża, fejn kien jikteb kummenti dwar reċti kif ukoll stejjer qosra. Wara mewtu, ir‑rumanz tiegħu Dracula sar wieħed mill‑aktar rumanzi Ingliżi magħrufin madwar id‑dinja, u ħafna films, stejjer qosra u reċti ġew ibbażati fuqu.
Fl‑1972 il‑kittieba Radu Florescu u Raymond McNally, fil‑ktieb tagħhom In Search of Dracula, sostnew li Stoker kien ibbaża l‑karattru tal‑Konti Dracula fir‑rumanz tiegħu fuq Vlad III (Vlad Dracul), re kiefer li kien jgħix ir‑Rumanija fis‑seklu 15. Madankollu, skont il‑kittieba Elizabeth Miller, Stoker kien uża biss l‑isem tar‑re, u xi tentufiet ta’ informazzjoni mill‑istorja tar‑Rumanija. Barra minn hekk, fin‑noti tiegħu dwar ir‑rumanz, Stoker qatt ma semma lir‑Re Vlad III.
Fl‑adattament tar‑rumanz, li jinsab f’dan is‑sit, l‑istorja hija ppreżentata bħala ġrajja waħda mill‑bidu sal‑aħħar, iżda x‑xogħol oriġinali Stoker kitbu bħala rumanz epistolari, jiġifieri huwa ġabra ta’ ittri, siltiet minn gazzetti, telegrammi u siltiet minn djarji miktubin minn diversi karattri fl‑istorja. Dan għamlu biex jagħti lir‑rumanz xejra aktar realistika: għandek bosta xhieda ta’ dak li jiġri fir‑rumanz u għaldaqstant il‑qarrej jemmen aktar dak li jkun qed jaqra, għax ma jistax ikun li l‑karattri kollha jkunu qegħdin jigdbu. Mary Shelley użat l‑istess stil ta’ kitba għar‑rumanz tagħha Frankenstein.
Fiż‑żmien meta r‑rumanz ġie ppubblikat ġie meqjus bħala ġrajja tal‑waħx ibbażata fuq karattri sopranaturali, li biż‑żmien saru parti mill‑kultura popolari.
Il‑manuskritt oriġinali, twil 541 paġna, kien mitluf, iżda nstab fit‑tmeninijiet f’Pennsylvania, fl‑Istati Uniti. Il‑paġni kienu ttajpjati, imma kellhom ħafna korrezzjonijiet u annotazzjonijiet bl‑idejn. Fl‑ewwel paġna t‑titlu kien Il‑Mhux Mejjet, b’isem l‑awtur taħtu. Jidher li fl‑aħħar ftit Stoker iddeċieda li jbiddillu t‑titlu!
Wara li sofra numru ta’ attakki ta’ puplesija, Stoker miet fl‑20 t’ April 1912. Ġismu ġie kkremat (ġismu nħaraq minflok indifen) u l‑irmied tiegħu llum jinsabu fi krematorju f’Londra.
Qari tal‑provi: Anabel Micallef u t‑tim
tal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja