Jonathan Swift
(1667-1745)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Artkli | Essejs | Fantasija | Poeżija | Stejjer

Għalkemm Jonathan Swift huwa l‑aktar magħruf għar‑rumanz popolari tiegħu Il‑Vjaġġi ta’ Gulliver, fil‑fatt kien kittieb prolifiku ħafna, għax kiteb 230 xogħol, bejn stejjer, esejs u artikli, kif ukoll 300 poeżija u mijiet ta’ ittri li kollha saru parti importanti tal‑letteratura Ingliża.

Swift twieled nhar it‑30 ta’ Novembru, 1667, d’Dublin, l‑Irlanda. Il‑ġenituri tiegħu kienu Ingliżi, imma kienu jgħixu l‑Irlanda. Għalhekk Swift tgħallem fi skejjel u kulleġġi Irlandiżi, f’Kilkenny Grammar School u fi Trinity College. Minn dan tal‑aħħar ħareġ bil‑Baċċellerat tal‑Arti.

Beda jikteb fl‑1704, meta ħareġ żewġ kotba ta’ proża. Wara dan tista’ tgħid li ma waqafx jikteb sal‑1736, u kien jikteb kull għamla ta’ kitba. X’aktarx kien l‑awtur li kiteb l‑aktar xogħlijiet fi żmienu.

Ħafna mill‑kitba tiegħu kienet satirika, jiġifieri kienet miktuba bl‑iskop li tikkritika u tniggeż li xi ħaġa jew lil xi ħadd. Kien jara ħafna affarijiet ħżiena fis‑soċjetà ta’ żmienu, għalhekk kien juża l‑kitba biex jattakka dawn l‑affarijiet u biex iħeġġeġ lill‑qarrejja tiegħu jikkritikawhom ukoll.

Il‑Vjaġġi ta’ Gulliver ħareġ fl‑1726, u huwa meqjus bħala wieħed mill‑aktar rumanzi popolari, mhux fl‑Ingilterra biss, imma madwar id‑dinja. It‑titlu proprja tar‑rumanz huwa Il‑Vjaġġi ta’ Lemuel Gulliver f’bosta nħawi madwar id‑dinja.

Anki f’dan ir‑rumanz, Swift għamel kummentarju biex jikkundanna l‑liġijiet u d‑drawwiet tas‑soċjetà Ingliża kif ukoll ta’ ħafna pajjiżi oħra Ewropej. Fil‑fatt wieħed mill‑karattri fl‑istorja jiddeskrivi l‑poplu Ewropew bħala “l‑agħar parassita odjuż u qerriedi fid‑dinja.”

Swift miet nhar id‑19 t’ Ottubru, 1745.

Qari tal‑provi: Priscilla Sammut
© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Il-Vjaġġi ta' Gulliver

***** ***** stat_3 ***** *****