H. G. Wells
(1866-1946)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura |
Fantasija |
Fantaxjenza
Herbert George Wells twieled fil‑21 ta’ Settembru, 1866, fi Bromley, Kent, l‑Ingilterra.
Il‑ġenituri ta’ Wells kienu foqra u ma setgħux jagħtuh edukazzjoni formali sewwa. Madankollu rnexxielhom idaħħluh fil‑Midhurst Grammar School, u hemm kien student tajjeb ħafna. Aktar tard kiseb scholarship għar‑Royal College of Science. Minn hemm kompla għall‑Università ta’ Londra, minn fejn kiseb il‑Baċellerat tax‑Xjenza bl‑unuri.
Is‑suġġett ewlieni tiegħu kien il‑bijoloġija, u kien qed jippjana li jsir għalliem tas‑suġġett. Madankollu kellu attakk ta’ tuberkulosi, u minflok, beda jikteb. Dak li tgħallem fl‑università xorta waħda għamel użu minnu, għax għenu ħafna fil‑kitba tiegħu. Permezz tal‑għerf xjentifiku li kellu ta lill‑istejjer tal‑fantaxjenza tiegħu xejra ta’ realtà.
Wells kiteb aktar minn mitt ktieb, li huma fi tliet kategoriji: fantasija, kotba bbażati fuq fatti reali u kotba għat‑tagħlim fl‑iskejjel. Fost il‑kotba fantastiċi tiegħu hemm: Il‑Magna taż‑Żmien, Il‑Gwerra tad‑Dinjiet, Ir‑Raġel l‑Inviżibbli, L‑Ewwel Nies fuq il‑Qamar u Xejret il‑Ġejjieni.
Wells kien jikkunsidrah insult meta kien ikun hemm min iqis l‑istejjer tiegħu tal‑fantaxjenza bħala sempliċi fantasija u xejn aktar. Hu kien jinsisti li kien jikteb dawk l‑istejjer biex jispjega l‑ideat u t‑twemmin tiegħu, u qatt ma kellhom jitqiesu bħala realtà, imma qari għall‑gost.
Wells kellu ideat politiċi varji, imma bażikament, għalkemm xi kultant kienu jiġuh dubji, kien jemmen fil‑potenzjal tal‑bniedem. Kien jemmen ukoll – b’mod qawwi – fid‑drittijiet għal ħsieb liberu personali, id‑dritt li jikkritika, jiddiskuti u jissuġġerixxi kif il‑bniedem jista’ jtejjeb il‑qagħda tiegħu.
Wells miet nhar it‑13 ta’ Awwissu tal‑1946, ta’ tmenin sena.
© Norman C. Borg
Qari tal‑provi: Therese Vella
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja