Oscar Wilde
(1854-1900)

Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Letteratura għat-tfal |
Makabru |
Misteru
Rumanzi klassiċi
Oscar Wilde kien kittieb famuż li għex aktar minn mitt sena ilu. Twieled fis‑16 ta’ Ottubru 1854 f’Dublin, l‑Irlanda. L‑isem sħiħ tiegħu kien Oscar Fingal O’Flahertie Wills Wilde. Oscar trabba f’familja li kienet tħobb il‑kotba, it‑tagħlim u l‑istejjer. Ommu kienet tikteb il‑poeżiji, u missieru kien tabib li kien ukoll iħobb jaqra dwar l‑istorja u n‑natura.
Minn tfulitu Oscar kien tifel bravu u kurjuż. Kien iħobb jaqra u jitgħallem kliem ġdid. Kien tajjeb ħafna fil‑lingwi u l‑kitba. Fl‑iskola kien tajjeb ħafna wkoll, u rebaħ ħafna premjijiet. Meta kiber mar jistudja fl‑Università ta’ Oxford. Hemmhekk sar magħruf għall‑imħabba tiegħi lejn l‑arti, kif ukoll għall‑ideat tiegħu.
Kien faċli ħafna għalih li jsir kittieb, għax kien iħobb l‑istejjer. Kiteb poeżiji, stejjer qosra, reċti u rumanzi. Ħafna mill‑istejjer tiegħu kienu umoristiċi, iżda kellhom ukoll xi tagħlima dwar il‑ħajja, il‑qalb tajba u l‑onestà. Wieħed mill‑aktar rumanzi famużi tiegħu huwa Il‑Kwadru ta’ Dorian Gray.
Oscar kiteb ukoll ħafna stejjer għat‑tfal, fosthom Il‑Prinċep il‑Kuntent, Il‑Ġgant l‑Egoist u Ir‑Rużinjol u l‑Warda; stejjer li għandhom maħbubin minn kbar u żgħar sa llum.
Oscar Wilde kien popolari ħafna wkoll għar‑reċti tiegħu, li ġeneralment kienu jkunu umoristiċi u b’ħafna ċajt li jġiegħel lill‑udjenza mhux tidħaq biss, imma taħseb ukoll dwar il‑messaġġi li kienu jagħtu.
Aktar tard f’ħajtu Oscar Wilde kellu ħafna problemi u ma kienx kuntent ħafna. Saħansitra għadda xi żmien fil‑ħabs ukoll. Wara dan mar joqgħod Franza, fejn għex ħajja kwieta. Miet fit‑30 ta’ Novembru 1900, meta kellu biss 46 sena.
Illum, Oscar Wilde huwa meqjus bħala wieħed mill‑aqwa kittieba tal‑lingwa Ingliża, u l‑poeżiji, ir‑reċti u l‑istejjer tiegħu għadhom jixxandru u huma maħbubin madwar id‑dinja kollha. In‑nies għadha tammira l‑immaġinazzjoni tiegħu, kif ukoll l‑umoriżmu u l‑ħila li kellu li jagħti lezzjoni permezz ta’ kliem sabiħ imma sempliċi.
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Poeżija | Rumanzi Klassiċi | Storja