Ħrafa tradizzjonali
Madwar 1,050 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Fil‑Ġermanja hemm il‑belt kbira ta’ Bremen. Mhux ħafna bogħod minnha hemm raħal żgħir. Ħafna żmien ilu, f’dan ir‑raħal kien jgħix raġel li kellu ħmar.
Dan il‑ħmar kien ħadem qatigħ ħajtu kollha għal sidu. Kuljum, minbarra l‑Ħdud, kien ikollu jġorr fuq dahru xkejjer tqal ta’ qamħ għall‑mitħna, biex jintaħan fi dqiq. Imma l‑ħmar issa xjaħ, u l‑ixkejjer beda jħosshom ħafna aktar tqal minn qabel.
Ir‑raġel għalhekk beda jaħseb kienx jaqbillu jibqa’ jitma ħmar li ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jagħmel xogħlu.
Il‑ħmar, li fix‑xjuħija tiegħu kien rabba ħafna esperjenza, basar x’kien il‑ħsieb tar‑raġel, għalhekk qatagħha li jaħrab.
Kien iħobb il‑mużika u minn dejjem xtaq li jsir daqqaq. Seta’ jobsor li f’belt kbira bħal Bremen żgur li kien hemm xi banda, u forsi hu seta’ jsib xogħol idoqq fiha. Għaldaqstant irħielha lejn Bremen.
Fi triqtu ltaqa’ ma’ kelb mimdud fuq il‑ġenb tat‑triq. Il‑kelb kien jidher għajjien. Kien qiegħed jonfoħ bil‑qawwi daqslikieku kien għadu kemm jispiċċa tellieqa.
“Saħħa, sieħbi l‑kelb. X’minnek?” staqsieh il‑ħmar.
“Ah!” wieġeb il‑kelb. “Xjaħt wisq biex nibqa’ nikkaċċja għal sidi, u qiegħed jippjana biex joqtolni. Għalhekk ħrabtlu. Imm’issa ma nafx fejn nista’ mmur u kif inqatta’ l‑bqija ta’ ħajti.”
“Għax ma tiġix miegħi?” qal il‑ħmar. “Jien ukoll kelli naħrab minn sidi. Dalwaqt se nkun xjaħt wisq biex inkun nista’ nġorr it‑tagħbija tiegħu u jispiċċa biex ma jibqax jitmgħani iktar. Biħsiebni mmur Bremen biex insir daqqaq. Għax ma tiġix miegħi? Jiena nista’ ndoqq il‑flawt u inti t‑tnabar.”
Il‑kelb għoġbitu l‑idea, u t‑tnejn li kienu komplew it‑triq lejn Bremen.
Fi treqithom ma damux ma raw qattusa. Kienet bilqiegħda fuq ġenb it‑triq, u kellha geddum twil.
“Saħħa, seħibti l‑qattusa. X’minnek?” staqsieha l‑ħmar.
“Ah!” wieġbet il‑qattusa. “Issa li qed nixjieħ in‑nejbiet tiegħu m’għadhomx daqshekk ippuntati u ma nistax naqbad il‑ġrieden malajr kif kont nagħmel qabel. Aktar nippreferi nimtedd quddiem fuklar milli niġri wara l‑ġrieden. Minħabba f’hekk sidti biħsiebha tgħarraqni fix‑xmara. Għalhekk iddeċidejt li naħrab. Imm’issa ma nafx fejn nista’ mmur u kif inqatta’ l‑bqija ta’ ħajti.”
“Mela għax ma tiġix magħna?” staqsieha l‑ħmar. “Aħna wkoll ħrabna mis‑sidien tagħna. Biħsiebna mmorru Bremen biex insiru daqqaqa. Naħseb li inti mdorrija tkanta billejl. Għax ma tiġix magħna?”
Il‑qattusa għoġbitha l‑idea, u t‑tlieta li kienu komplew it‑triq lejn Bremen.
Ftit żmien wara t‑tliet vjaġġaturi waslu f’razzett. Kien hemm serduq qed jixxabbat fuq ir‑rixtellu, jidden b’ħanxra daqsiex.
“Saħħa, sieħbi s‑serduq. X’minnek?” staqsieh il‑ħmar.
“Ah!” wieġeb is‑serduq. “Il‑Ħadd li ġej sidi se jġib xi mistednin. Sidti qed tippjana li tagħmel soppa tat‑tiġieġ, u għada biħsiebhom joqtluni biex isajruni. Allura issa qed nidden kemm niflaħ sakemm għadni ħaj.”
“Tinkwetax, sieħbi serduq,” kompla l‑ħmar. “Għadu mhux iż‑żmien li tmut. Għaliex ma tiġix magħna? Biħsiebna mmorru Bremen biex insiru daqqaqa. Inti għandek vuċi sabiħa, u jiena żgur li tkun tista’ tgħinna. Għax ma tiġix magħna?”
Is‑serduq għoġbitu l‑idea, u l‑erbgħa li kienu komplew it‑triq lejn Bremen.
Billi Bremen kienet għadha ’l bogħod, ma setgħux jaslu f’dik l‑istess ġurnata, għalhekk ftiehmu biex jieqfu u jqattgħu il‑lejl fil‑foresta.
Il‑ħmar u l‑kelb imteddew taħt siġra. Il‑qattusa sabet post kenni bejn il‑friegħi baxxi tas‑siġra. Is‑serduq tar sal‑quċċata tas‑siġra, għax ħaseb li hemm kien ikun iktar sigur.
Qabel ma għajnu marret bih, is‑serduq ħares madwaru. Fil‑bogħod lemaħ dawl dgħajjef.
“Naħseb li hemm dawl ftit ’il bogħod,” qal lil sħabu. “Naħseb li hija xi dar fil‑qrib.”
“Jekk tassew hija dar,” wieġeb il‑ħmar, “aħjar immorru nsibuha, għax hawnhekk ma nħossnix komdu ħafna.”
“U forsi nsib xi għadma bi ftit laħam magħha,” kompla l‑kelb.
L‑erbat iħbieb bdew mexjin lejn id‑dawl dgħajjef. Aktar ma bdew joqorbu, aktar id‑dawl beda jikber.
Fl‑aħħar waslu ħdejn dar. Id‑dawl kien ħiereġ minn tieqa. Billi l‑ħmar kien l‑itwal fosthom, seta’ jittawwal ġewwa.
“X’qed tara, sieħbi l‑ħmar?” staqsa s‑serduq.
“X’qed nara?” tenna l‑ħmar. “Qed nara mejda, kollha miksija b’ikel u xorb, u xi ħallelin bilqiegħda madwarha jiċċaċċraw u jidħqu.”
“Dik hija ħaġa tajba għalina,” qal is‑serduq.
“Ah! Kieku nistgħu nieħdu xi ftit minn dak l‑ikel!” qal il‑ħmar kollu mxennaq.
Għalhekk l‑erbat iħbieb bdew jiddiskutu kif setgħu jagħmlu biex igerrxu lill‑ħallelin. Fl‑aħħar qablu fuq pjan.
Il‑ħmar tella’ saqajh ta’ quddiem fuq ħoġor it‑tieqa. Il‑kelb tela’ fuq dahru. Il‑qattusa telgħet fuq dahar il‑kelb. Is‑serduq ixxabbat fuq dahar il‑qattus.
Dan kollu għamluh fi skiet perfett.
Malli kienu lesti, il‑ħmar għamel sinjal, u għalenija bdew jagħmlu l‑mużika b’kull saħħa li kellhom.
Il‑ħmar beda jinħaq, il‑kelb beda jinbaħ, il‑qattusa bdiet tnewwaħ u s‑serduq beda jidden. Żgur li qatt ma smajt storbju terribbli daqshekk!
Fl‑istess waqt, l‑erbat iħbieb sfrundaw it‑tieqa u kissru l‑ħġieġ kollu. Aktar storbju!
Il‑ħallelin qomsu minn posthom maħsudin, u lebbtu mid‑dar u dritt fil‑foresta daqslikieku xi xifajk kien qed jiġri warajhom.
Wara dan, il‑ħmar, il‑kelb, il‑qattusa u s‑serduq qagħdu bilqiegħda madwar il‑mejda u bdew jieklu sakemm infaqgħu.
Wara din l‑ikla liema bħalha, tfew id‑dwal u marru jorqdu.
Il‑ħmar mar jimtedd fuq ftit tiben fil‑bitħa. Il‑kelb mar inxteħet wara l‑bieb. Il‑qattusa marret inxteħtet fejn il‑fuklar, u s‑serduq tela’ jistrieħ fuq wieħed mix‑xorok taħt is‑saqaf.
Tant kienu għajjenin wara l‑mixja twila u l‑ikla bnina li għajnhom fis marret bihom.
Sadanittant, il‑ħallelin kienu qed jittawlu minn qalb il‑ħaxix. Raw id‑dwal jintfew fid‑dar. Sa nofsillejl, kollox kien skiet perfett. U mbagħad bdew jaħsbu għalfejn kienu nħasdu daqshekk.
“Ma mmissniex bżajna u ħrabna malajr daqshekk,” qal il‑kap tagħhom. Ordna lil wieħed mill‑oħrajn biex joqrob lejn id‑dar u jittawwal.
Bil‑qajla, il‑ħalliel resaq lejn id‑dar. Ma kienx jinstema’ ħoss wieħed. Għalhekk, bil‑mod il‑mod, daħal fil‑kċina biex jipprova jixgħel xemgħa.
Imma f’dak id‑dlam, lemaħ għajnejn il‑qattusa jleqqu. Ħaseb li kienu rmied tan‑nar, għalhekk ressaq ix‑xemgħa lejhom bix jixgħelha.
Il‑qattusa m’għoġbithiex li jkollha xi ħaġa mtamma’ ma’ ħalqha. Qomsot f’daqqa, twerżaq u tobżoq, u girfet wiċċ il‑ħalliel.
Il‑ħalliel, bi msarnu f’saqajh, lebbet lejn il‑bieb. Imma hemm tħabbel fil‑kelb, li qam u gidmu f’siequ. Hekk kif il‑ħalliel ipprova jaqsam il‑bitħa, il‑ħmar xejjirlu daqqa ta’ żewġ. Sadanittant, dan l‑istorbju kollu gerrex lis‑serduq. Niżel itir mis‑saqaf, iwerżaq bħal miġnun.
Il‑ħalliel kien imwerwer. Beda jzappap lura lejn sħabu malajr kemm jiflaħ.
“Xi ġralek?” staqsieh il‑kap tal‑ħallelin.
“Ommi ma!” beda jingħi il‑ħalliel. “Hemm saħħara fid‑dar. Beżqet fuqi u girfitli wiċċi b’dawk id‑dwiefer twal tagħha! Wara l‑bieb hemm raġel għassa b’sikkina. Tani daqqa f’sieqi. Fil‑bitħa hemm mostru daqsiex iswed. Beda jfajjarli b’bastun tal‑injam. U mas‑saqaf hemm xi mħallef li beda jgħajjat, ‘Ġibu lill‑ħalliel quddiemi!’. Għalhekk tlaqt niġri minn hemm kemm niflaħ.”
Wara din l‑avventura terribbli, il‑ħallelin qatgħuha li ma jersqux iktar lejn dik id‑dar.
Dan kien perfett għall‑erba’ ħbieb tagħna. Iddeċidew li jibqgħu joqogħdu hemm.
U qatt ma marru Bremen biex isiru daqqaqa!
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja