Fantasija | Ħrejjef tradizzjonali

Kitba ta' Victor Fenech
Madwar 1,200 kelma
Horizons (2023)

Din hija silta qasira mill-ktieb Id-Daqqaq ta' Hamelin miktub minn Victor Fenech u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

Il‑belt ta’ Ħamlin

Il‑belt antika ta’ Ħamlin (Hamelin bil‑Ġermaniż) tinsab mibnija biswit ix‑Xmara Weser, fil‑Ġermanja. Bdiet bħala monasteru fis‑sena 851 W.K., kibret f’raħal, u baqgħet dejjem tikber sakemm saret belt lejn tmiem is‑seklu 12.

Imma, nistħajjel qegħdin tgħidu, x’fiha speċjali? Għaliex baqgħet tissemma?

Skont leġġenda Ġermaniża, fl‑1284 f’din il‑belt seħħ inċident li fih kellhom sehem ġrieden, tfal, u ċertu daqqaq tal‑fifra li baqa’ jissemma fl‑istejjer.

Din l‑istorja saret popolari fil‑ħrejjef tal‑aħwa Grimm. Il‑poeta Ingliż, Robert Browning, ukoll kiteb poeżija twila u sabiħa ħafna bl‑isem The Pied Piper of Hamelin. Xi darba forsi taqrawha. Isimgħu x’kien ġara ...

***** ***** ***** ***** *****

1

Fiż‑Żminijiet tan‑Nofs il‑belt ta’ Ħamlin kienet infestata bil‑ġrieden. Ħadd ma sab tarf mnejn kienu ġejjin, jew għaliex kienu nġabru f’Ħamlin.

Imma l‑fatt hu li għal xi raġuni jew oħra din iċ‑ċorma ġrieden fettlilha tieqaf f’Ħamlin. U f’qasir żmien il‑belt kollha kienet infestata bil‑ġrieden.

Ġrieden ta’ kull daqs u kull kulur. Ġrieden xjuħ u ġrieden frieħ. Ġrieden jiġru fit‑toroq, jidħlu fid‑djar, jigdmu lit‑tfal huma u jilagħbu, jidħlu fis‑suq u jieklu l‑prodotti tal‑ikel.

Fi ftit kliem, il‑ġrieden kienu daħlu f’kull qasam tal‑ħajja — u kienu ta’ inkwiet kbir.

Il‑membri tal‑Kunsill ta’ Ħamlin iltaqgħu kemm‑il darba biex jaraw kif se jeħilsu mill‑ġrieden. Is‑Sindku ħassu qed jiġġennen. Kulħadd beda jsus warajh biex jagħmel xi ħaġa. Imma ħadd ma kien jaf jagħti parir siewi – u l‑ġrieden baqgħu jitkattru.

Darba minnhom, f’laqgħa oħra tal‑Kunsill, qam wieħed mill‑kunsillieri u qal, “Jien għandi ħatni f’belt qrib tagħna u qalli li jaf mezz kif neħilsu minnhom...”

“Ehh!” għajjat is‑Sindku, ferħan li tfaċċa xaqq dawl. L‑irjus tal‑kunsillieri bdew iduru minn fuq is‑Sindku għal fuq il‑kunsillier li kien tkellem ... u lura lejn is‑Sindku.

“Kif?” bdew jgħajtu lkoll f’daqqa. “Għidilna, isa, għidilna!”

“Isa, isa, fittex għidilna,” qallu s‑Sindku, li kien qam bilwieqfa minn mal‑mejda.

***** ***** stat_3 ***** *****

2

U dan il‑kunsillier qalilhom, “Dan ħatni qalli li din l‑affari darba kienet ġrat band’oħra, għad li mhux bil‑ġrieden ...” U waqt li l‑oħrajn kollha reġgħu dendlu rashom ’l isfel, il‑kunsillier issokta, “Qalli li kienu ġurati li niżlu f’massa u bdew jieklu l‑prodotti kollha tal‑għelieqi.”

“U allura x’għandhom x’jaqsmu l‑ġrieden mal‑ġurati?” bdew jgħajtu l‑oħrajn. “Qisek m’għidtilna xejn.”

“Intom isimgħuni, ħudu paċenzja, isimgħuni ...”

“Ħudu paċenzja, isimgħuh,” talab is‑Sindku, li daqshom kellu tama f’dan il‑kunsillier.

U dan reġa’ beda: “Ħatni qalli li xi ħadd mill‑belt tagħhom kien jaf b’wieħed daqqaq li kellu fifra maġika, u meta jdoqqha l‑ġurati kienu jibqgħu sejrin warajh, u ħadhom xi mkien qalb il‑muntanji, u qatt ma ġew lura.”

“U ħallina!” bdew jgħajtu l‑oħrajn. “Aktar int ukoll, temmen fil‑fifra maġika!” U fil‑kamra tal‑Kunsill qamet għagħa liema bħalha, u bdew jiddieħku bih.

Is‑Sindku ma qal xejn. Kien kwiet qed jaħseb: ‘Min jaf li kieku ... ħeqq, nippruvaw, m’għandna xejn x’nitilfu. Nippruvaw.’

U reġa’ qam minn mal‑mejda u qalilhom, “Ħbieb, kont qed naħseb. Ippruvajna kollox. Għala ma nippruvawx lil dan id‑daqqaq? Jekk din l‑istorja tassew seħħet, u għandi nifhem li ħaten seħibna ma kienx qed jgħaddih biż‑żmien ...”

“Le, x’jiġifieri?” qam jitmasħan il‑kunsillier. “Ħatni raġel fuq l‑irġiel ...”

“Tajjeb, tajjeb,” interrompieh is‑Sindku. “Mela staqsi lil ħatnek fejn nistgħu nsibu lid‑daqqaq, u nitkellmu miegħu.”

***** ***** stat_3 ***** *****

3

Għadda ftit taż‑żmien u ma seħħ xejn. Imbagħad, ġurnata fost l‑oħrajn, fil‑belt ta’ Ħamlin deher wieħed raġel liebes stramb, qisu xi pulċinell tal‑kummiedja, jew maskarat tal‑karnival. Kellu lbiesu kull kulur u kien liebes barnuż aħdar bi pjuma bil‑ġolġol li kienet tlaħħaq sa nofs dahru. Saħansitra ż‑żraben kienu ta’ kulur aħdar u bi pjuma tobrom ’il fuq.

In‑nies ta’ Ħamlin qatt ma kienu raw wieħed bħalu u waqfu jħarsu lejh. It‑tfal bdew jidħku, u xi wħud anki mxew filliera warajh, jippruvaw iżommu mal‑pass tiegħu, qishom qed jiddieħku bih.

Id‑daqqaq ma qal xejn, ma ħares lejn ebda naħa, u baqa’ miexi dritt dritt bil‑fifra taħt abtu. Meta wasal ħdejn il‑bini tal‑Kunsill waqaf, ħares madwaru, imbagħad baqa’ dieħel fil‑bini qisu kien tiegħu.

Il‑Kunsill kien qiegħed f’seduta dak il‑ħin, imma kif rawh kull kunsillier baqa’ ċass iħares lejh. Is‑Sindku qam minn postu u resaq lejh. “Għaddi, ħabib tagħna,” qallu.

Ftit wara kien bilqiegħda ħdejn is‑Sindku li beda jfiehmu kollox. “Taħseb li taqdina, ħabib?” staqsieh fl‑aħħar waqt li l‑kunsillieri l‑oħra baqgħu kollha ħalqhom miftuħ bla lissnu l‑iċken kelma.

“Naqdikom, imma l‑ewwel irridu niftiehmu l‑prezz,” wieġbu d‑daqqaq bla tlaqliq. Deher kunfidenti fih innifsu. Tal‑Kunsill baqgħu jħarsu lejh. U hu dritt dritt baqa’ jistenna tweġiba.

Fl‑aħħar tkellem is‑Sindku: “Eh, eh, naturalment, naturalment, kull xogħol fih il‑ħlas tiegħu. Għidilna kemm, basta teħlisna mill‑ġrieden kollha darba għal dejjem.”

Fil‑kamra waqa’ skiet taqtgħu b’sikkina. Għaxar pari għajnejn kienu msammrin fuq id‑daqqaq, jistennew tweġiba.

U d‑daqqaq tahom it‑tweġiba: “Elf gilder.”

Kull wiċċ inbidel. Baqgħu jħarsu lejh b’ħalqhom miftuħ, ma jridux jemmnu s‑somma li semmielhom.

“Elf gilder!” għajjat xi ħadd minnhom. “Elf gilder!” bdew jgħajtu kollha, mistagħġbin. Imbagħad fil‑kamra waqa’ skiet perfett.

Id‑daqqaq baqa’ wieqaf dritt u ma qal xejn. Is‑Sindku ħarislu dritt f’għajnejh u b’leħen ċivili qallu, “Elf gilder, ħabib, huma flejjes kbar. U din belt żgħira, ta’ ftit riżorsi. Kieku għidtilna ‘ħames mitt gilder’ konna naraw mnejn se nġibuhom u mmexxu ...”

“Elf gilder,” reġa’ lissen id‑daqqaq, u wera li ma jridx kliem aktar. “B’elf gilder neħliskom mill‑ġrieden kollha darba għal dejjem.”

Fil‑kamra reġa’ waqa’ s‑skiet, kulħadd iħares lejn xulxin, imbagħad ilkoll f’daqqa lejn is‑Sindku, li deher mifxul daqshom. “Ara,” qallu fl‑aħħar, “agħtina ċans nitkellmuha ...”

“Nagħtikom sal‑lejla,” qalilhom. “Inkella għandi biċċa xogħol oħra, f’post ieħor, u ma tarawnix aktar. Jekk taċċettaw, nibda għada filgħodu kmieni. Sa filgħaxija tkunu belt kwieta, u ġrieden ma taraw qatt aktar.”

“Sal‑lejla,” wieġeb b’ton baxx is‑Sindku. “Issa ħallina ftit waħedna ħa nitkellmuha.”

Ma kellhomx għażla. Jew iħallsuh is‑somma li ried, jew jibqgħu bil‑ġrieden għal għomorhom. “Elf gilder!” qal wieħed u beda jrodd is‑slaleb. “Ara b’elf gilder kemm nistgħu noħolqu xogħol f’Ħamlin tagħna!”

Wieġbu sieħbu, “U nibqgħu b’dal‑misħutin ġrieden għal dejjem? Lanqas it‑tfal fi djarna stess ma nistgħu nafdaw, għax il‑ġrieden jidħlu minn kullimkien ...”

U s‑Sindku fl‑aħħar qalilhom, “Intom ħallu f’idi. L‑aqwa li jeħlisna minn dan l‑għawġ.”

L‑għada filgħodu kmieni feġġ id‑daqqaq fil‑pjazza ewlenija tal‑belt. Mid‑djar kollha tal‑madwar it‑twieqi u l‑gallariji kienu imballati bin‑nies jittawlu u jistennew x’se jiġri, għax il‑kelma malajr kienet xterdet li ġie daqqaq irqiq liebes ta’ kummidjant li kien se jeħlishom mill‑ġrieden darba għal dejjem.

Id‑daqqaq kien jaf li kulħadd qed iħares lejh. Imma ma weriex. Qisu hu waħdu kien jeżisti. Dam ftit iteftef fl‑istrument li kellu f’idu. Imbagħad għolla l‑fifra ma’ xufftejh u beda jmexxi subgħajh irqaq matulha. Bdiet ħierġa mużika stramba u ftit wara deher l‑ewwel grupp ta’ ġrieden ħiereġ mill‑moħbiet lejlija tagħhom.

Il‑ġrieden baqgħu ħerġin minn kullimkien, ma jaqtgħu xejn. Imbagħad id‑daqqaq beda miexi bil‑ġrieden mexjin warajh. Dar mal‑pjazza u żdiedu aktar ġrieden. Meta l‑pjazza ma felħithomx aktar, id‑daqqaq beda miexi mit‑triq ewlenija u rħielha lejn tarf il‑belt, bil‑ġrieden dejjem joktru warajh.

Kien hemm xi ħaġa tassew stramba, xi ħaġa maġika, f’dik il‑mużika, għax wara d‑daqqaq bdew jimmarċjaw eluf ta’ ġrieden li bdew joħorġu minn kull fejn jgħaddi.

U d‑daqqaq baqa’ ħiereġ mill‑belt lejn il‑muntanji, bil‑massa ġrieden dejjem warajh.

Il‑mużika ntfiet fil‑bogħod u f’Ħamlin waqa’ kwiet perfett. Meta mbagħad deher li l‑ġrieden kienu tassew għebu għalkollox il‑belt splodiet f’għajjat ta’ ferħ u tgħanniq u ċapċip, u s‑Sindku deher fil‑gallarija jxejjer lill‑folla.

***** ***** stat_3 ***** *****