Avventura | Fantasija | Letteratura għat-tfal

Kitba ta’ Clare Azzopardi
Madwar 2,100 kelma
Merlin Publishers (2009)

Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Każ (kwazi) kollu tal-Aħwa De Molizz miktub minn Clare Azzopardi u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.

Kapitlu 1
Saver u Klawdjo De Molizz

Fis‑sitta u nofs nieqes żewġ sekondi kien idoqq l‑iżveljarin u Saver De Molizz kien jiftaħ għajnejh it‑tnejn bħal dak il‑ġugarell mejjet li hekk kif tagħtih il‑ħabel iqum f’salt. Kien iqum bilqiegħda fuq is‑sodda, b’dahru dritt daqs tulipan u jtajjar il‑barnuża rrigata b’pompom abjad minn quddiem wiċċu. Imbagħad kien ineħħi l‑kutri l‑ħoxnin minn fuq riġlejh, joħroġ saqajh miksija suf iswed innukklat mis‑sodda, jistira subgħajh ta’ saqajh bi dwiefer maħmuġin u mgħawġin ’il ġewwa qishom bebbux rieqed, iġebbed idejh ’il fuq sa ma jmiss is‑saqaf tas‑sodda, jitfewwaq tfewwiqa riħa ta’ ikel tal‑ġurnata ta’ qabel li triegħed dar u jaqbeż ’il barra mis‑sodda. Kull darba li kien jaqbeż mis‑sodda kien jaħbat moħħu mas‑saqaf tas‑sodda għax kull darba, imma kull darba, jinsa li s‑sodda tiegħu kellha erba’ pilastri qishom gwardjani qed iżommu saqaf tal‑injam fuq daharhom – bħas‑sodod tar‑rejiet ngħidilhom jien. Imma Saver De Molizz ma kienx re u allura kien jinsa li għandu sodda bħal ta’ re. Fuq moħħu, maż‑żmien, rabba marka kannella qisha kallu skur u niexef, li tfakkru f’kull filgħodu meta jħabbtu mas‑saqaf tas‑sodda. Saqajh imorru dritt fil‑papoċċ magħmul mill‑istess drapp irrigat tal‑barnuża – papoċċ bil‑ponta u bil‑pompom fit‑tarf. “Eħħ,” jgħid, “x’raqda dik! Ħlomt li kont qed niġri wara tifel żgħir u kont kważi ħtaftu minn idu, meta fil‑pront daqq l‑iżveljarin. Għal żewġ sekondi ma qbadtux! Il‑lejl li jmiss naqbdu żgur u kif naqbdu nsakkru fil‑kantina...” U jinfaqa’ jidħak.

Saver De Molizz lit‑tfal ma kienx iħobbhom! Iktar ma jkunu żgħar u iktar ma jkunu bravi, iktar ma jħobbhomx. Imbagħad jekk ikollhom nuċċali u moħħhom ikun mimli somom maħdumin kollha tajbin, iktar u iktar ma jħobbhomx.

Kien imur quddiem il‑mera, iħares lejn imnieħru qisu qargħa twila mkemmxa u jċarrat ħalqu; Saver kien kuntent bit‑tbissima wiesgħa tiegħu. Imbagħad jaħsel wiċċu bl‑ilma nġazzat, jitfa’ fuqu dressing gown tal‑bellus kollha suf iswed tal‑qattus u jinżel isfel fejn kien ikun hemm Rightangle qed jistennieh ħdejn il‑plattina tal‑ikel taħt is‑sink.

Rightangle kien il‑qattus ta’ Saver. Bħal Saver kien jobgħod it‑tfal kollha u jobgħod is‑somom kollha u malli kien jara somma, sufu jqumlu xewk xewk u jsir qisu rizza sewda. Madankollu l‑kelma rightangle kien jaf sew xi tfisser. Dan għaliex meta Saver kien għadu tifel imqareb ħafna, kien iħobb jaqfel lill‑qattus (li dak iż‑żmien kien jismu Tuta) ġol‑kabord taħt is‑sink li kellu forma ta’ L. Il‑kabord kellu dahar iserraħ ma’ ħajt u dahar iserraħ ma’ ħajt ieħor u allura kien qisu L Kbira. Kien iħallih fil‑kabord għal xi siegħa, sagħtejn, tlieta. Ġieli, miskin, anki nesieh hemm għal ftit sigħat mhux ħażin u darba waħda, nesieh għal ġurnata sħiħa u lejl sħiħ u meta l‑ġurnata ta’ wara ftakar, u mar joħorġu mill‑kabord, il‑qattus ħareġ bil‑forma ta’ L. Tuta kien dam ftit minuti sew b’din il‑forma b’Saver u Klawdjo mifqugħin bid‑daħk kull darba li jħarsu lejh. U kien dakinhar li Saver biddillu ismu u beda jsejjaħlu Rightangle. Għall‑bidu, Tuta ma ħax gost b’dan l‑isem għax skont hu kien isem ikrah u tqil u bl‑Ingliż. Imma maż‑żmien kellu jidra. U meta dera, beda jinduna kemm kien ixxurtjat li kellu ismu daqshekk oriġinali:

Għall‑kolazzjon, Saver kien jiekol lista twila ta’ affarijiet filwaqt li Rightangle kien ilaqqat il‑fdalijiet. L‑ewwel kien jibda b’bajda nejja, imbagħad żewġ ħobżiet mixwijin b’ħafna butir u ġobon, wara erba’ bananiet mgħaffġin u fl‑aħħar jispiċċa b’sitt tazzi mill‑kbar nett ħalib mir‑roża togħma ta’ frawli. Saver kien tant twil, li kulma jiekol kien jifflaxxjah ’l isfel mingħajr ma jeħxien. Fil‑fatt, Saver De Molizz kien twil sitt piedi u nofs, b’wiċċu ovali u twil 30 ċentimetru; geddumu biss kien twil 10 ċentimetri.

Kien waqagħlu xagħru meta kien għadu żgħir. Kull darba li kien jipprova jsolvi xi problema tal‑matematika u ma kienx jirnexxilu, u missieru kien jgħajjat miegħu, kienet taqagħlu xagħra. Imma maż‑żmien, minkejja li fuq rasu ma kienx baqagħlu xagħar, fuq xofftejh ħalla par mustaċċi rqaq u ppuntati qishom il‑mustaċċi twal ta’ Rightangle. Għamel żmien kien jilbes parrokka sewda daqs il‑baħar billejl, b’nokklu nieżel għal fuq moħħu. Imma ma tantx dam jilbisha għax, isma’ din, darba waħda, tajjarhielu r‑riħ u ġiet eżatt mal‑windskrin ta’ raġel li kien qed isuq Volkswagen Polo ħadra. Bil‑qatgħa li kien ħa, tilef il‑kontroll u baqa’ dieħel ġo trakk mill‑kbar u bid‑daqqa miet fuq il‑post. In‑nies li raw l‑inċident, bdew iwaħħlu fil‑parrokka li rawha ttir u taħbat mal‑windskrin. Kulħadd beda jistaqsi ta’ min kienet u Saver, tant beża’ dakinhar, li daħħal geddumu u mnieħru fil‑qmis, u lebbet ’l hemm. Minn dakinhar iddeċieda li parrokka ma jilbisx aktar.

Ħu Saver De Molizz kien ftit iżgħar minnu u ftit iktar iblah minnu wkoll. Kien jismu Klawdjo. Klawdjo De Molizz kien jgħix iktar fis‑sħab milli fuq l‑art. Il‑lejl u n‑nhar għalih kienu xorta waħda. Billejl kien joħlom bis‑sħab, binhar jgħix fis‑sħab. Tgħidx kemm kien jgħajjat miegħu Saver u jtih fuq rasu forsi jinżel imiss saqajh mal‑art, imma mhux li kien jisma’ minnu Klawdjo.

Fis‑sitta u nofs u ħamsa nieqes żewġ sekondi, Klawdjo kien ikun qed jonħor. B’widnejh mimlija tajjar, b’rasu taħt l‑imħadda u saqajh mikxufin għal ftit arja, Klawdjo kien ikun għadu qed joħlom li qed jittajjar qalb is‑sħab abjad tajjar.

Imma miskin, fis‑sitta u nofs u ħamsa u 30 sekonda, kien ikun għoddu waqa’ mis‑sodda bit‑tfewwiqa li jkun tfewwaq ħuh fil‑kamra ta’ fuqu. “Dan it‑tajjar għalxejn nagħmlu jaqaw!” kien igemgem waħdu filwaqt li jmattar saqajh u jdejh u jillima d‑dwiefer kemm ta’ jdejh kif ukoll ta’ saqajh mal‑injam tas‑sodda bħal qattus. Imbagħad kien joħroġ mis‑sodda nofsu stordut, jimxi sal‑kamra tal‑banju u … x’kien jiġri fil‑kamra tal‑banju ma nistax ngħidlek għax Klawdjo dejjem jagħlaq il‑bieb warajh. Li naf fiċ‑ċert hu li mill‑kamra tal‑banju kienet toħroġ riħa tinten daqs dik tal‑miżbla fis‑sajf!

Kif ilesti, jinżel isfel, jgħid bonġu lil Saver u jieħu l‑kolazzjon. Il‑kolazzjon ta’ Klawdjo kien ikun imdaqqas ukoll. Kien jibda billi jieħu platt ċereali, imbagħad żewġ bajdiet moqlijin, erba’ ħbejżiet bil‑butir u l‑perżut tal‑għadma u l‑ġobon tat‑toqba, u jagħlaq ir‑ritwal bi tmien larinġiet magħsura. Id‑differenza bejn Saver u Klawdjo kienet din: Klawdjo ma kienx twil u allura l‑ikel ma kienx jibqa’ nieżel s’isfel imma kien jieqaf kollu fin‑nofs u żaqq Klawdjo kienet tikber dejjem iktar bħal bambalona li kif titfagħha fiż‑żejt jagħli, tintefaħ.

Bħal ħuh il‑kbir, Klawdjo wkoll kien jobgħod l‑iskola meta kien żgħir. Kien jobgħod l‑iktar is‑somom għax ma kien jifhem xejn. Qatt ma seta’ jifhem kif wieħed u wieħed jagħmlu tnejn u mhux ħdax, u qatt ma seta’ jifhem kif tnejn u tnejn jagħmlu erbgħa u mhux tnejn u għoxrin. Missieru kien jgħajjat miegħu bl‑istess mod u manjiera li kien jgħajjat ma’ ħuh. “Fejn ikun moħħok Klawdjo waqt il‑lezzjoni? Fis‑sħab?” U Klawdjo kien iwieġeb, “Ħeqq mhux tort tiegħi. Is‑sħab isejjaħli u jien immur.” Klawdjo ma kienx jaf mod ieħor. U baqa’ hekk, ma jifhimx A minn B minn Ċ minn D.

Imbagħad darba waħda ġrat biċċa tinkiteb. Missier Saver u Klawdjo miet. Tgerbeb it‑taraġ u miet. Ċumm bumm! Klawdjo ddispjaċieh xi ftit u rrabja wkoll għax missieru kien tela’ fis‑sħab qablu. Saver, min‑naħa l‑oħra, ma tantx iddispjaċieh għax sa fl‑aħħar kien ħeles mill‑għajjat u t‑twerżiq u kien se jibda jgħix ħajja iktar trankwilla. Fil‑verità, it‑tnejn li huma bkewh xi ftit. Imma x’tista’ tagħmel jekk tiġik ħażina minn mindu tkun żgħir? Saver kien għad kellu biss ħmistax‑il sena filwaqt li Klawdjo kellu biss tnax. Minħabba li kienu għadhom żgħar, ma setgħux jgħixu weħedhom. Iz‑ziju Marjo offra li jżommhom hu. Imma ġara li ftit xhur wara, iz‑ziju xeraq f’karawetta u miet. Għalhekk marru joqogħdu għand iz‑ziju Toni imma z‑ziju Toni miet ftit wara z‑ziju Marjo bil‑qatgħa kbira li ħa meta ra ġurdien kbir fuq is‑sodda tiegħu. Sa fl‑aħħar, kellhom imorru joqogħdu man‑nannu li kellu iktar minn 90 sena. Biex tgħaxxaqha, in‑nannu miet eżatt ftit wara li miet iz‑ziju Toni meta kien qed jieħu xawer u żelaq fis‑sapuna u ħabat rasu. Għalhekk Saver u Klawdjo spiċċaw weħedhom. Madankollu sa ma mietu z‑zijiet u n‑nannu, Saver laħaq għalaq 16‑il sena u allura reġa’ mar lura d‑dar ta’ missieru li kienet saret tiegħu kollha kemm hi u miegħu ħa lil ħuh iż‑żgħir biex jieħu ħsiebu hu.

Id‑dar ta’ Saver u Klawdjo De Molizz kienet twila u dejqa. Magħmula minn kamra fuq oħra qisha xi torri tal‑blokks li jħobbu jibnu t‑tfal meta jkunu żgħar. Isfel kien hemm il‑kċina. Fuq il‑kċina kien hemm is‑salott. Fuq is‑salott kien hemm il‑kamra tal‑pranzu, fuq il‑kamra tal‑pranzu kien hemm il‑kamra tas‑sodda ta’ Klawdjo u fuq il‑kamra ta’ Klawdjo kien hemm il‑kamra tas‑sodda ta’ Saver. Fuq nett nett kien hemm il‑bejt. Fuq barra kien hemm taraġ tal‑ħadid forma ta’ spirall li jibda mit‑triq u jibqa’ tiela’ sa fuq il‑bejt. Kull darba li Saver u Klawdjo riedu jmorru f’kamra, kellhom bilfors joħorġu barra biex jitilgħu jew jinżlu t‑taraġ. Missier Saver u Klawdjo kien qabbad lil Ġoġò Plott, perit espert li kien ħabib tiegħu biex jiddisinjalu d‑dar, għax ried li jkollu l‑isbaħ dar tad‑dinja. Imma, meta l‑bennejja ġew biex jibnu skont il‑pjanta li kien iddisinja Ġoġò Plott, tant kienet ikkumplikata li ma setgħux jifhmuha u allura bnew kif kienu jafu. Kaxxa fuq kaxxa fuq kaxxa. U minkejja li l‑perit kien kważi waqqagħha bl‑għajjat li għajjat xħin tlestiet, missier Saver u Klawdjo għoġbitu għax qal li kienet oriġinali xorta waħda u allura ma twaqqgħetx. Baqgħet eżatt kif bnewha l‑bennejja b’kamra fuq oħra, fuq oħra. L‑iktar kamra li kienet togħġbu kienet il‑kantina. Din il‑kamra kienet taħt il‑kċina u ftit kienu dawk li kienu jafu biha. Kien hemm bieb żgħir wieħed li kien jagħti għaliha u dan il‑bieb kien moħbi sew. Fil‑fatt biex tinżel fil‑kantina, ridt l‑ewwel tiftaħ waħda mill‑bibien tal‑kabord ta’ taħt is‑sink, tidħol fil‑kabord, tfittex il‑bieb ċkejken fil‑ħajt, tiftħu u tinżel is‑sellum li jagħti għall‑kantina. Meta Klawdjo u Saver kienu jkunu reqdin, missierhom kien jinżel fil‑kantina għall‑kwiet. Hemmhekk kien jieħu gost jaqra l‑gazzetta u jixrob magg ċikkulata sħuna. Id‑dar kien semmieha għalih: Ħ.A.Ninu De Molizz: Ħektor Annetto Toninu De Molizz. Imma lilu kulħadd kien isejjaħlu Ninu.

Missier Ħ.A.Ninu kien waqqaf il‑Fondazzjoni Annetto għat‑Twaqqigħ u r‑Renovar tal‑Ambjent Skolastiku – FATRAS. L‑għan ta’ din il‑fondazzjoni kien li twaqqa’ l‑iskejjel il‑koroh kollha u tibni oħrajn ġodda u sbieħ ħalli t‑tfal ikollhom ambjent sabiħ fejn jitgħallmu. Sa minn mindu kien żgħir Ninu kien iħobb jgħin lil missieru Annetto u jitgħallem mingħandu. Imbagħad meta kiber u sar bravu ħafna ħa kollox f’idejh. Ninu, fil‑fatt, kien irnexxielu jwaqqa’ 20 skola u jibni 20 oħra sbieħ u moderni kif jixtiquhom it‑tfal, u rnexxielu wkoll jirranġa 20 skola oħra u jġibhom sbieħ daqs ħrafa. Għat‑tfal kollha, Ħ.A.Ninu De Molizz kien eroj. Kienu jibagħtulu t‑tgergir tagħhom fuq kemm għandhom skola kerha u kiesħa, jibagħtulu t‑tpinġijiet tagħhom kif iridu l‑iskola, jimlew il‑formola twila tal‑FATRAS u japplikaw għal skola ġdida. Imbagħad iħallu f’idejn Ninu De Molizz li l‑hena tiegħu kienet li jara t‑tfal bravi u kuntenti, imorru l‑iskola għal qalbhom biex jitgħallmu iktar u jsiru iktar bravi u kuntenti.

Sfortunatament, Ninu De Molizz kellu żewġt itfal li ma kinux iħobbu l‑iskola. Minkejja li kienu jmorru fl‑isbaħ skola tad‑dinja, ma ridux jafu bi skola. Wieħed kien moħħu fis‑sħab u l‑ieħor kien moħħu dejjem biex jidħol f’xi gażiba. U din kienet tkiddu wisq lil Ninu! “Imma x’tista’ tagħmel?” kien jistaqsih missieru Annetto. “Tinsiex li dawn it‑tfal tilfu lil ommhom meta wieħed kien għad kellu erba’ snin u l‑ieħor sena. U tinsiex li int qatt ma tkun magħhom, dejjem ix‑xogħol. X’tippretendi eh?!”

Iva vera, Saver u Klawdjo kienu jippreferu joqogħdu d‑dar milli jmorru l‑iskola, kienu jippreferu joqogħdu weħedhom milli ma’ missierhom irrabjat għalihom. Kienu jippreferu jaraw lil missierhom fuq it‑televixin b’ċorma tfal madwaru, milli jaħdmu s‑somom tard billejl meta kulħadd ikun rieqed fil‑fond u missierhom ikun għadu kif daħal id‑dar.

Meta Ħ.A.Ninu De Molizz miet, Saver u Klawdjo wirtu kollox. Wirtu wkoll il‑Fondazzjoni Annetto għat‑Twaqqigħ u r‑Renovar tal‑Ambjent Skolastiku, fil‑qosor il‑FATRAS, u ddeċidew li meta jikbru kienu se jmexxuha u jsiru famużi u sinjuri bħalma kien sar missierhom l‑għażiż. Mhux eżatt eżatt bħalma kien missierhom … Imma insomma, xi ħaġa hekk!

Meta kibru, Saver u Klawdjo bdew imorru kull filgħodu fl‑uffiċini tagħhom li kienu ftit ’l isfel mid‑dar. Ma tantx kien ikollhom x’jagħmlu! Kienu joqogħdu jħarsu lejn xulxin jew inkella jitlewmu jew inkella jgergru fuq kemm għamel ġid missierhom u fuq kemm ma ħallielhom xejn x’jagħmlu wara mewtu. Kienu jistennew il‑pustier kuljum, imma minn mindu l‑kumpanija FATRAS kienet saret tagħhom, ħadd ma kien baqa’ jibgħat applikazzjonijiet. Kienu għaddew ftit snin mhux ħażin u donnha l‑Fondazzjoni kienet intesiet għalkollox. Ħadd ma kien għadu jibgħat ilmenti. Ħadd ma ried iwaqqa’ jew jirranġa l‑iskola tiegħu. Kulħadd kien kuntent. Madankollu Saver u Klawdjo kienu jmorru x‑xogħol xorta waħda.

Kienet dik l‑istess ġurnata li Saver kien ħolom il‑ħolma tat‑tifel jiġri u hu jiġri warajh sa ma kien kważi ħatfu taħt snienu u qaflu fil‑kantina li kieku ma kienx għall‑iżveljarin. Kienet dik l‑istess ġurnata. Klawdjo kien qed jittanta s‑sħab għaddej u Saver kien qed ifittex fl‑internet xi ħaġa li lanqas hu stess ma kien jaf xiex, meta f’daqqa waħda kklikkjat idea brillanti f’moħħu.

***** ***** stat_3 ***** *****