Avventura | Fantasija

Kitba ta' David Aloisio
Madwar 2,400 kelma
Horizons (2022)

Din hija silta qasira mill-ktieb Ġganti miktub minn David Aloisio u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

Il‑Gżira

L‑ulied kienu jinġabru fl‑isbaħ wied tal‑gżira; xi wħud kienu jinxteħtu b’ruħhom u b’ġisimhom fuq il‑ħaxix ifewwaħ bin‑nida għodwija, oħrajn kienu jerħulha jħufu qalb il‑qasab iqarmeċ. Imbagħad, fil‑qiegħa umduża tal‑wied, kienu jilagħbu bil‑ħaġar – dak il‑ħaġar kbir li kien jitrembel mill‑ġnub għoljin waqt xi lejl ta’ xita qliel.

Bil‑ħaġar kien jirnexxilhom joħolqu kull sura ta’ logħba. L‑għors tagħhom kien meta jpoġġu l‑ħaġriet fuq xulxin, waħda fuq l‑oħra, biex jaraw min minnhom kellu l‑ħila jtella’ l‑itwal torri. U meta l‑qamar kien ikun sħiħ, il‑logħba kienet tiħrax aktar mis‑soltu. F’dak il‑jum biss, il‑Kbir tal‑Ġemgħa kien jiġi, jara u jkejjel ... biex imbagħad idewwaq biċċa xehda tqattar l‑għasel lill‑bennej tal‑itwal torri.

It‑torrijiet tal‑ħaġar, imferrxin matul il‑wied kollu, kienu joffru spettaklu mill‑isbaħ. Kull torri kien ipaxxi l‑għajn – aktar ma jkun twil, aktar kien fih x’tammira. Ħaġra fuq ħaġra fuq ħaġra, bl‑aktar waħda mdaqqsa fil‑qiegħ sabiex it‑torri jitla’ sod u kemm jista’ jkun dritt, u bl‑iżgħar u l‑eħfef waħda mpoġġija fuq nett bit‑tama li ma titlifx il‑bilanċ ta’ sħabha taħtha.

Iżda l‑ispettaklu mhux dejjem kien jitgawda fit‑tul; ma kinitx tkun l‑ewwel darba li meta wieħed mill‑ulied kien ikun qed jiġġebbed fuq ponot subgħajh biex iżid saff ġdid fit‑torri tiegħu, il‑ħaġar kollu kien jibda jiġġenneb u jitmejjel bil‑mod il‑mod sakemm, fost il‑ħafna għajjat u storbju tal‑ulied, kien jinżel b’tisbita qalila u jinxtered ma’ kullimkien ... U mhux l‑ewwel darba li ħaġra minnhom laqtet xi skantat li fettillu ntasab fil‑qrib!

Tanu kien isibha diffiċli ferm biex jibni torri twil – hu kien l‑iqsar minn sħabu li dejjem kienu jilħqu jirbħu qablu. U biex tgħaxxaqha, siequ x‑xellugija, ftit iqsar mil‑leminija, kienet dejjem ittelliflu l‑bilanċ – l‑aktar meta kien jiġi biex ipoġġi l‑ħaġar fl‑għoli. Minkejja dan, Tanu kien baqa’ jinżel il‑wied jittanta xortih. Ried li xi darba – imqar darba – ikun imiss lilu li jgħaddas snienu fix‑xema’ għasli tax‑xehda u jħoss dak il‑likwidu dehbi nieżel idellek ma’ geddumu.

Iżda jipprova kemm jipprova, Tanu qatt ma kien jirnexxilu. Spiss, kien imur jibki għand ommu li kienet tfarrġu b’ħafna tmellis tal‑qoffa nokkli ħomor li kellu fuq rasu. Suna kienet tħobbu daqs dawl għajnejha u ma riditu jsewwed qalbu għal ebda raġuni.

Darba waħda, wara li bil‑ħlewwa ressqitlu b’idha n‑nokklu mqareb li kien iħobb jiddendel quddiem għajnejh, qamet bilwieqfa u ħeġġitu biex jimxi warajha.

“Ħa mmorru nfittxu xehd’ għasel, ma?”

“Taf daqsi li dik ma nistgħux …”

“Naf, naf.”

“L‑għasel qiegħed kollu fl‑Għar il‑Kbir u hemm ħadd ma jista’ jidħol ħlief …”

“U iwa naf ma, mela fej’ sejrin?”

Suna kienet tħobb itterraq waħedha madwar il‑gżira, l‑aktar f’dawk il‑meded ma jispiċċaw qatt ta’ matul il‑kosta. Mhux soltu li kien ikollha lil binha f’dawn il‑mixjiet twal; beżgħet li se jegħja imma Tanu, minkejja li kellu jħaffef biex ilaħħaq mal‑passi kbar tagħha, ma gergirx – għalkemm izappap, Tanu kien daħħalha f’rasu li ma jaqa’ lura f’xejn.

“Ħa nieħdok f’post ġdid fej’ se nagħmlu xi ħaġa mhux tas‑soltu,” qaltlu ommu meta ratu miexi b’tant ħerqa imma fis‑skiet.

Fil‑ħemda tal‑bajja, li kienet tinkiser biss miċ‑ċafċifa kajmana, Tanu ħassu fis‑seba’ sema. U meta mbagħad rifes għall‑ewwel darba fuq ir‑ramel, Tanu ħassu bħal f’ħolma – qatt qabel ma mess dik l‑irtuba kollha bil‑paliet ta’ saqajh; għall‑ewwel ħaseb li kien se jibqa’ nieżel bit‑toqol tiegħu stess; imbagħad midd pass ieħor, imbagħad ieħor, sakemm telaq jiġri, ifaqqa’ d‑daħk u jħares lura lejn ommu filwaqt li bil‑paliet wiesgħa ta’ saqajh kien qed itajjar ir‑ramel f’kull direzzjoni.

“U issa? X’se nagħmlu?” saqsa lil ommu meta reġa’ ntasab maġenbha.

Suna, b’fommha mitbuq, kompliet miexja bil‑passi tqal tagħha. Iżda Tanu dlonk intebaħ li ommu bidlet id‑direzzjoni: kienet miexja dritt lejn il‑baħar. Huwa ddeċieda li ma jsegwihiex; jekk fir‑ramel ma kienx imdorri jimxi, wisq inqas kien komdu jimxi fil‑baħar fejn ma kellux idea jekk kienx se jlaħħaqlu jew le.

Tanu triegħex meta ra lil ommu tkompli titbiegħed minnu. Tbikkem u ma felaħx isaqsiha aktar fejn sejra. Il‑baħar kien rah qabel, imma rah dejjem mill‑bogħod. Mill‑bogħod kien jidher sabiħ – medda kaħla li ma kienet toffri ebda theddida. Iżda mill‑viċin ma baqax ikħal u innoċenti. Minkejja li ma kienx riħ qawwi, iċ‑ċafċifa tiegħu kienet għaġġelija, donnha mbuttata minn forza moħbija fil‑qiegħ. Għal ħin qasir Tanu nesa ’l ommu u għajnejh iċċassaw fuq l‑ilma mċaqlaq. Midd l‑ewwel pass, it‑tieni ... imbagħad, mal‑paliet ta’ saqajh ħass il‑kurrenti friski, ħass li dak l‑ilma fil‑baxx kien l‑istess ilma li kien hemm ’il bogħod, fil‑fond, hemm f’dak il‑fond inġazzat u mudlam ... minkejja l‑biża’ li ħakmu, Tanu ħass ix‑xewqa stramba li jibqa’ miexi dritt għal ġo fih, jinżel u jħalli lilu nnifsu jinġibed ’l isfel ...

Meta l‑kesħa tal‑baħar telgħet tiġri mas‑sinsla ta’ dahru, il‑ġgant iż‑żgħir ġie f’sensih. Maħsud, donnu mbeżża’ li tilef lil ommu, dar dawramejt biex jara jilmaħhiex. Dlonk intebaħ li Suna ma kinitx ’il bogħod minnu u serraħ rasu.

U dak il‑ħin, intebaħ ukoll li sakemm kien fl‑ilma, Suna kienet qed tkanta minn taħt l‑ilsien. Għarafha – dik kienet it‑taħnina li fi ċkunitu kienet tgħannilu kull filgħaxija, fil‑ħin qsajjar qabel kien jintilef fil‑lejl ħalliemi.

Sakemm binha kien qed jitpaxxa b’dik il‑melodija antika, Suna baxxiet driegħha taħt wiċċ l‑ilma u b’ħeffa mbuttat mewġa ilma fid‑direzzjoni ta’ binha.

Tanu ħass bħal żrar jaħbat ma’ wiċċu u ma’ ġismu kollu. Imbagħad ħares lura lejn ir‑ramel u rah miksi ħlejjaq ħomor joqomsu. Ma riedx jemmen lil għajnejh ... imbagħad, meta għaddiet minn fuqu l‑ħasda u ntebaħ x’kienet għamlet ommu, ħares lejha b’għajnejh imberrqin. “Daw’ x’inhuma, ma?!”

“Gambli, Tanu! Gambli kemm trid! Isa, kul!”

“X’nagħmel?”

“Hekk, ara,” qaltlu ommu waqt li bdiet riesqa lejn ix‑xatt. Suna tbaxxiet, fetħet il‑paliet ta’ jdejha qishom paliet enormi tal‑bajtar u kaxkret kemm felħet gambli; għaqqdet idejha flimkien, ressqithom lejn ħalqha u qabdet tmeċlaq waħda f’waħda. Tanu, li żaqqu kienet ilha tgerger żmien, dlonk fetaħ l‑aptit meta ra ’l ommu tmaxtar b’tant gost u ma ħasibhiex darbtejn – ġera lura lejn ix‑xatt, tbaxxa, ġabar ponn ġeneruż ta’ gambli jimmullaw, u tefgħu f’ħalqu, mingħajr ma ta kas li mal‑gambli kien tella’ wkoll ħafna ramel. “Daw’ tajbin aktar mill‑għasel, ma!” għajjat wara ftit, fost ħafna tmeċliq u tqarmiċ.

Dakinhar, l‑omm u binha kielu sakemm imlew sew il‑ħawsla. Imbagħad, Suna ħeġġet lil Tanu biex jibdew jaħsbu għall‑mixja lura d‑dar. Iżda Tanu ma tax kasha u bil‑mod niżżel idejh mimlija qxur u ramel minn ma’ ħalqu – għajnejh kienu msammrin fuq ix‑xefaq.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Ħbieb

Meta tistenbaħ, Żita tħobb ittella’ l‑liżar fuq rasha u titgħatta bih minn fuq s’isfel, qisha xi mummja Eġizzjana. Tibqa’ hekk – stenduta f’sodditha – għal xi kwarta, tissemma’ xi jkun qed jiġri madwarha. U meta s‑skiet jiġi jiġri ħerqan mill‑kmamar kollha tad‑dar, Żita sserraħ rasha li l‑oħrajn telqu kollha.

F’dan il‑ħin, meta donnu kollox ikun wieqaf u kollox ikun sieket ħlief għat‑tpespis tal‑għasafar fuq barra, Żita tedha tiġbed minn imneħirha l‑arja bejn il‑pori rqaq tal‑liżar. Meta tiġi biex tarmi l‑arja minn ħalqha, din ma jirnexxilhiex toħroġ kollha lura mill‑pori – minflok, l‑arja sħuna taħbat mal‑liżar u terġa’ lura għal wiċċha.

Meta tkun battala, din id‑dar qadima xxidd seħer isbaħ mis‑soltu. Malli l‑ġenituri jlebbtu lejn ix‑xogħol, mal‑erbat irjieħ tad‑dar tibda tinxtamm arja aktar safja – donnha l‑fwieħa tas‑siġar taċ‑ċitru li jdawruha tinfilsa ruħha minn bejn ix‑xquq dojoq tal‑aperturi kollha. Kull filgħodu, Żita ssegwi l‑istess ritwal: qabel tinżel titrejjaq, it‑tfajla taħfen il‑flixkun minn fuq il‑komodina, tbexxaq il‑bieb tal‑gallerija u żżid l‑ilma fil‑bieqja fl‑art. Mhux l‑ewwel darba li waqt li tkun qed tferra’ l‑ilma, jiġu xi żewġ għasafar tal‑bejt fuq iċ‑ċinta, jimmullaw bla paċenzja sakemm seħbithom tinġibed ’il ġewwa u toqgħod tnemmsilhom minn wara l‑ħġieġ. Imma Żita titgħaxxaq l‑aktar meta l‑għasafar jintefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom fil‑bieqja, jintefħu f’ballun rix u jinħaslu b’ħafna tferfir ferħan ta’ rjus, ġwienaħ u dnieb – għal dawn il‑ħlejqiet ċkejkna, l‑ilma ta’ dit‑tfajla b’qalb taz‑zokkor kien l‑aqwa antidotu kontra l‑qilla xemxija tas‑sajf Mediterranju.

Isfel, Żita drat issib it‑traċċi tal‑eżodu mgħaġġel tal‑oħrajn: żewġ maggijiet b’suba’ kafè kiesaħ li jkun beda jeħel mal‑qiegħ, żewġ platti mdellkin u miksijin frak; ma’ dawn spiss issib ukoll ħafna rċevuti mgħaffġin u kull xorta ta’ imbarazz ieħor li jitbattal mill‑bagalja u mill‑handbag fil‑bidu tal‑ġurnata, ħalli jagħmel wisa’ għal imbarazz ieħor li jakkumula matulha.

Kemm ommha kif ukoll missierha huma bgħula għax‑xogħol. Lil ommha, Żita ma tiftakarhiex dejjem hekk, imma f’dawn l‑aħħar snin saret bħal żewġha – jekk mhux agħar minnu. Anke xħin tasal lura, ommha tibqa’ titkellem fuq il‑kollegi, fuq l‑inġustizzji, fuq it‑tradimenti u ħafna paroli ieħor li għal Żita jsir qisu id kbira trasparenti li timbuttaha malajr lejn kamritha. Hemm fuq, Żita tedha tisma’ l‑għasafar tal‑bejt jinġabru għar‑raqda fis‑siġar taċ‑ċitru u malajr tinsa t‑treddin t’isfel.

Missierha, minn daqshekk, huwa raġel konsistenti. In‑namra tiegħu għall‑flus hija fissa daqs iż‑żonqor ingastat f’qiegħ l‑irdum ftit kilometri ’l bogħod mid‑dar. Dan l‑aħħar kien qabad jittanta lil Żita biex malli ttemm is‑sixth form, jintroduċiha għad‑“dinja tax‑xogħol” – jew aħjar, “dinjitu.” Issa li beda s‑sajf u l‑eżamijiet għaddew kollha, Żita xorta tippreferi tibqa’ hawn – f’dinjitha. Namra għall‑flus qatt ma kellha u minn mindu missierha kkonvinċa lil ommha biex imorru fi flett arjuż f’wieħed mill‑aktar torrijiet lussużi tal‑pajjiż, aktar umbratu – fil‑preżenza ta’ missierha, ma saritx tiflaħ toqgħod aktar minn minuta.

Mill‑bidu tal‑jum, meta tinżel għall‑kolazzjon solitarju, Żita qatt ma tpoġġi mal‑mejda inkallata – tkun trid tinsa, imqar għal ftit, dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑ġenituri tagħha. Għaldaqstant, is‑sufan jibqa’ dejjem il‑post ideali biex f’ħobbha tibbilanċja b’attenzjoni l‑iskutella taċ‑ċereali u l‑mobile, bit‑tama li ma jrabbux kunfidenza ma’ xulxin u jsiru tgħassida waħda.

Għodwa minnhom, waqt li b’sebagħha ż‑żgħir kienet qed ittella’ l‑biżibilju ta’ stampi u kliem li ħafna nies bakkarija kienu diġà ferrgħu f’kull rokna tal‑internet, għajnejha waqgħu waħedhom fuq ritratt sfukat, b’titlu stramb fuqu: TINTLEMAĦ BALENA. Għalkemm pajjiżha hu mdawwar b’baħar ifannad, Żita qatt ma basret li balena tista’ tgħaddi daqshekk viċin. Dejjem assumiet li l‑baleni tista’ tarahom biss fuq id‑dokumentarji jew f’xi ġita apposta. Meta qrat l‑ewwel ftit linji tal‑artiklu, għajnejha nfetħu ħafna aktar kmieni mis‑soltu. Il‑balena ntlemħet minn fuq l‑art, proprju minn fuq l‑irdum f’tarf ir‑raħal!

“Hello?!”

“Haw’ Żi, għala qed iċċempel, xi dwejjaq?”

“Ibgħatha bil‑posta! Bonġu!”

“U ajma, is‑soltu tiktibli litanija messaġġi – mhux iċċempel. Ħsadtni hux, dalgħodu!”

“Rajt x’raw?”

“X’int tgħid?”

Nada kienet taf bl‑ossessjoni ta’ Żita bl‑annimali kbar. U kienet taf bil‑frustrazzjoni ta’ seħbitha għax f’dal‑pajjiż bilkemm kien hawn annimali żgħar, aħseb u ara kbar. Għaldaqstant, meta għarrfitha bl‑aħbar tal‑balena, Nada ġibdet nifs silenzjuż ’il ġewwa u kompliet magħha.

Dakinhar, Nada nzertat xogħol filgħaxija u ma ħasbithiex darbtejn biex timxiha s’għand Żita – aktar biex taraha milli biex toqgħod tisma’ dwar il‑baleni. Iżda malli rifset l‑għatba, Nada ntebħet li dik l‑għodwa kienet se tkun iddedikata għall‑imbierka balena li xi ħadd għoġbu jilmaħ minn fuq l‑irdum.

Żita laqgħetha bil‑laptop f’idha.

“Ara se jaqagħlek!” għajtet Nada b’wiċċ pallidu aktar mis‑soltu.

“Ġibt dan għax fuqu l‑video jidher aħjar!”

“Mela anke video ħadulha?”

Ma kienx filmat ċar imma ma kienx hemm dubju li dik kienet tassew balena kbira, tielgħa u nieżla bil‑lajma, u kull darba li tfeġġ, tarmi sħaba ilma minn fuq rasha. Il‑video mċaqlaq kien akkumpanjat minn tfaqqigħ ta’ riħ qawwi u minn ħafna stagħġib ta’ min kien wara l‑mobile. Nada, biex turi interess fis‑suġġett, ressqet wiċċha lejn l‑iskrin u kemmxet għajnejha. “Isma’, naħseb hemm tnejn ta ... għaliex qed jgħidu li raw waħda?”

“Istra, taf li għaddieli l‑istess ħsieb! Is‑soltu dawk ikunu grupp.”

“Ma nafx ta, għax mhu ċar xej’ da’ ... mela kellu r‑rogħda min ħadu?”

Żita kienet ilha ftit li daħħlet ħsieb f’rasha. U fi kliem Nada sabet ix‑xoqqa f’moxtha. Żita ma tilfitx ħin u bdiet tħajjar lil seħbitha biex imorru jittawlu minn fuq l‑irdum, forsi jaraw il‑balena, forsi jiġbdu video aħjar minn dak li raw, forsi jikkonfermaw it‑teorija li hemm aktar minn balena waħda. Għall‑ewwel Nada ma riedet tniżżilha b’xejn li se jkollha terġa’ toħroġ timxi – ix‑xemx kienet laħqet ikkargat u saqajha ħassithom tqal, qishom kolonni tal‑irħam. Iżda wara tazza ilma friska u ħafna qrid ta’ seħbitha, Nada aċċettat – basta jmorru bir‑roti ġodda li kienet ilha għomor tinnota mgħottijin bil‑plastik fil‑garaxx. Żita ma ħabblitx rasha

u aċċettat il‑kundizzjoni – sa filgħaxija kienu jilħqu jpoġġu r‑roti lura taħt il‑plastik u l‑ġenituri tagħha lanqas b’nemes ma kienu se jindunaw li missewhomlhom.

B’ħarsa ħafifa lejn xulxin, qablu li l‑għażla li jirkbu r‑roti kienet idea brillanti. Żita tpaxxiet bir‑riħ iħabbat ma’ wiċċha u jgħaddi b’saħħa minn ġo xagħarha. Nada, li kellha xagħarha qasir, kienet qed titpaxxa mod ieħor: il‑qdif bir‑rota kien qed iħollilha l‑ansjetà ta’ darha; fiha ma kienx hemm ħafna nies: ommha kienet telqet m’ieħor sentejn qabel u missierha, għalkemm jgħidilha li jħobbha, kien ikun aktar fis‑sakra milli f’sensih. Dak il‑ħin, ir‑rabja, l‑uġigħ fl‑istonku u l‑ħsibijiet imdaħħna bdew itiru u jintilfu b’ħeffa mar‑riħ Majjistru.

Wara ftit iż‑żewġt iħbieb ma kellhomx għal xiex jaqdfu ħafna aktar – it‑triq bdiet taqleb ’l isfel u r‑roti donnhom bdew iserrpu waħedhom qalb il‑ħafna blat għoli u siġar dellija.

Meta waslu f’wesgħa kbira, li fil‑Ħdud tkun miżgħuda bil‑familji jgawdu l‑veduta u l‑arja friska, Żita għamlet sinjal b’sebagħha l‑werrej. “Minn hemm irridu ninżlu.”

“Mela mhux minn haw’ fuq se nittawlu?”

“Jiġi tajjeb il‑video kieku!”

“Imma hemm kif se ninżlu bir‑roti?” saqsiet Nada rassenjata li lil seħbitha xejn ma kien se jgerrxilha l‑fellus li daħħlet f’rasha.

Żita serrħitilha rasha li r‑roti jistgħu jħalluhom fuq. Setgħu jaqfluhom bil‑katina u l‑lukkett – wara kollox ma kinux se jdumu ħafna.

Il‑passaġġ li niżlu minnu kien jgħaddi minn qalb il‑blat ġgantesk tal‑qawwi. Huma u neżlin, ħafna drabi b’idejhom it‑tnejn iserrħu mal‑ħitan umdużi fuq kull naħa, iż‑żewġ tfajliet bdew joħorġu l‑mobile biex jieħdu r‑ritratti – darba ta’ xi fjura, darba ta’ gremxula u darba ta’ qoxra ta’ serp stirata fuq roqgħa sagħtar. Iżda Nada, aktar milli bil‑qoxra niexfa, kienet qed taffaxxina ruħha bl‑ammont ta’ għeruq ħoxnin imperrċa minn ġol‑blat li kienu qed jiddendlu għal fuqhom qishom sriep ħoxnin ibbalzmati; għajnejha kienu wkoll qed jiġru ’l fuq biex tipprova tagħraf ta’ liema siġra jew arbuxxell kienu l‑għeruq li kellha jitbandlu quddiemha.

Żita kellha seba’ mitt sena biex jinżlu s’isfel nett ħdejn il‑baħar imma seħbitha kienet beħsiebha ttawwal l‑istennija; hekk kif rat li Nada niżlet għarkupptejha tħaffer b’idejha taħt arbuxxell, Żita qabdet zokk matnazz u bdiet tħaffer hi wkoll. Wara li Nada kkuntentat ruħha li rat b’għajnejha u misset b’idejha l‑għeruq bojod u mimlijin ilma tal‑arbuxxell, iż‑żewġt iħbieb setgħu jkomplu l‑aħħar parti tal‑vjaġġ ’l isfel fejn il‑ħamrija u l‑veġitazzjoni saru aktar skarsi u l‑blat delli sar aktar skur u kiesaħ.

F’daqqa waħda, iż‑żewġ tfajliet inqatgħu minn saqajhom – għajta qawwija dwiet mal‑wied u għal ftit baqgħet tirbombja mal‑ħitan għoljin tiegħu. It‑tfajliet ma kellhomx għażla fejn iħarsu, ħlief’il fuq. Fix‑xaqq sema li kien baqa’ jidher fil‑għoli, Nada ħalfet li kienet rat xi ħaġa għaddejja b’ħeffa ta’ vleġġa. Imma kif għajta li kienet ġejja mis‑smewwiet setgħet qatt tinstema’ daqshekk ċara u tonda fil‑qiegħ nett ta’ dak il‑ħondoq? Minkejja d‑dubji, u minkejja li seħbitha ħeġġitha biex ikomplu mexjin, Nada baqgħet tgħarrex għal ftit b’dawk l‑għajnejn kbar u suwed tagħha biex forsi tagħraf x’kien għadda minn fuqhom, sakemm imbagħad qatgħet qalbha u segwiet lil Żita.

***** ***** stat_3 ***** *****