Avventura | Letteratura għat-tfal

Kitba ta’ Michael Cini
Madwar 1,300 kelma
Horizons (2024)

Din hija silta qasira mill-ktieb Is-Sigriet ta’ Għar is‑Sriep miktub minn Michael Cini u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

Kapitlu 1
Xewqa mill‑Kbar

Kemm nieħu gost kull meta mmorru xi passiġġata fl‑inħawi tal‑Park tal‑Majjistral!

Il‑Ħadd filgħodu mhux darba u tnejn li missieri jaqbad lili, ’il ħuti u lil ommi u jeħodna nimxu fuq ix‑Xagħra tal‑Majjiesa, daqqa waħedna u daqqa ma’ xi grupp bil‑gwida, li toqgħod tispjegalna dwar il‑ħlejjaq u l‑pjanti differenti li jikbru u jgħixu hemm. Ġieli pparkjajna ħdejn il‑kumpless tal‑kmamar militari tal‑Ingliżi u drabi oħra mxejnieha mix‑xaqliba tal‑Manikata.

Dik ir‑riħa tfuħ tas‑sagħtar u l‑ħaxix, speċjalment fix‑xitwa meta tkun għadha kif għamlet xi bexxa xita, inħobbha wisq. Anki r‑riħa tal‑ħamrija mħallta ma’ tas‑siġar tal‑ħarrub nibda nxommha tfuħ, minkejja li ommi dejjem tgħid li l‑ħarruba tarmi riħa tinten. Min jaf kemm‑il darba kont nidħol taħt xi siġra tal‑ħarrub biex noqgħod inxomm ir‑riħa partikolari tagħha, jien u niġbor xi basket terriċċju biex nieħdu miegħi d‑dar ħalli niżra’ fih.

Il‑fjuri, il‑pjanti u l‑arbuxxelli ta’ dawk l‑inħawi ma nixba’ nħares lejhom qatt. Barra minn hekk, dejjem niskopri xi insett ġdid li qatt ma nkun għadni rajt bħalu qabel. Minbarra l‑gremxul, il‑wiża’ u x‑xaħmet l‑art li joħorġu għax‑xemx, mhux l‑ewwel darba li nzertajt ukoll xi mazzarell, xi qanfud jew xi fenek salvaġġ żgħir. U xi ngħidu għall‑għana ħelu tal‑għasafar? Imnalla li din hija żona protetta, fejn lanqas karozzi ma jistgħu jidħlu, għaliex b’hekk in‑natura tista’ timraħ kemm trid mingħajr ma jfixkilha ħadd.

Imma x‑xewqa li kelli li xi darba nara x‑xemx nieżla wara x‑xefaq minn fuq dawk l‑irdumijiet donni li ma stajt naqtagħha qatt. Kont dejjem nimmaġinaha qisha larinġa qiegħda tinħeba wara s‑sħab sakemm tgħib għalkollox fil‑baħar. Biss fl‑aħħar, wara kemm kont ili nimmaġina kif ikunu dawk l‑inħawi fi nżul ix‑xemx, ix‑xewqa tiegħi waslet biex isseħħ.

Ħabibti Mandy wara l‑ħin tal‑iskola kienet qiegħda tattendi kors fil‑fotografija. Sinċerament ma nafx kif kien qed jirnexxilha tlaħħaq, għax jien bilkemm ħin biżżejjed biex norqod ma kien qed ikolli, minħabba li kienu waslu l‑eżamijiet tal‑Matrikola tal‑ħames sena. Biss, nissuspetta li ħuha l‑kbir kien qiegħed jgħinha mhux ħażin għax sentejn qabel kien għadda minn kollox u ġab marki tassew tajbin. Dan apparti kemm hu gustuż!

Imma ħallina minn dan … Din Mandy riedet tagħmel proġett li għalih kellha tiġbed bosta ritratti li jesprimu l‑ġmiel tan‑natura. Meta ltqajna l‑privat tal‑Ingliż u bdiet issemmili bosta widien u rdumijiet, riservi naturali u lokalitajiet interessanti oħrajn fil‑kampanja, jiena mill‑ewwel ġietni f’moħħi n‑natura abbundanti li hemm fl‑inħawi tax‑Xagħra l‑Ħamra. Dakinhar wara l‑privat bqajna sejrin għandha u xgħelna l‑laptop. Dħalna fl‑internet u malli bdiet tara l‑ġmiel tal‑Irdumijiet tal‑Majjiesa mir‑ramla tal‑Mixquqa sa taħt ix‑Xagħra ta’ Għajn Żnuber tgħidx kemm berrqet għajnejha! Imbagħad daret fuqi, għannqitni magħha u qaltli, “Grazzi! Grazzi! Hemm immorru, u jkolli proġett ta’ kiesħa!”

“Meta trid immorru nqattgħu ġurnata hemmhekk,” għedtilha. “Anzi jekk tkun trid nistgħu ninżlu wkoll taħt l‑irdumijiet biex tara x’ritratti tista’ tiġbed hemm isfel ukoll. Ma’ xifer ix‑Xagħra ta’ Għajn Żnuber hemm parti jgħidulha ‘l‑Minżel’, li fiha speċi ta’ taraġ bejn mibni u bejn imqatta’ fil‑blat. Dan jibqa’ nieżel sa taħt Irdum id‑Delli, fejn iwassal sal‑għelieqi ta’ qalb l‑irdum u għall‑blat ta’ mal‑baħar. Missieri jgħid li taħt is‑sies ta’ dan l‑irdum hemm mistur għar kbir li tgħidx kemm jibqa’ dieħel iserrep ’il ġewwa fil‑fond ta’ ġol‑blat, tant li ilu ħafna kien daħal fih xi ħadd, intilef hemm ġew u qatt ma reġa’ ħareġ lura. Saħansitra xi snin ilu daħal ukoll bidwi biex jistkenn mill‑maltemp u spiċċa biex lanqas hu qatt ma reġa’ deher. Biss, hux veru dan kollu jew le jiena ma nafx.”

Malli rajt li Mandy kienet baqgħet tħares ċassa u kollha kkonfonduta lejja wara dak li kienet għadha kif semgħet, għedtilha, “Però jekk ma tridx li mmorru …”

Imma hi lanqas ħallietni nispiċċa, għax kienet pronta rrispondietni, “Dażgur li rrid! U kif, ukoll! Anzi nistgħu mmorru minn filgħodu kmieni ħalli naraw ix‑xemx tielgħa, u filgħaxija nibqgħu hemmhekk sakemm tinżel ix‑xemx. X’taħseb?”

Issa kien imiss lili li ngħannaqha miegħi, għax minbarra li kont se nqatta’ jum sħiħ mal‑akbar ħabiba tiegħi, kont se nkun ukoll fl‑aktar post għal qalbi.

U fuq kollox, ix‑xewqa li nara x‑xemx nieżla mit‑trufijiet ta’ dawk l‑irdumijiet tant sbieħ sa fl‑aħħar kont se naqtagħha wkoll!

***** ***** stat_3 ***** *****

Kapitlu 2
Pjanijiet u Preparamenti

Issa kelli seba’ mitt sena sakemm niftiehmu meta konna se mmorru. Imma ma tantx domt fuq ix‑xwiek.

“Min jaf li kieku mmorru s‑Sibt li ġej?” irċevejt messaġġ mingħand Mandy dakinhar filgħaxija stess.

Għal mument bħal tfixkilt, sakemm indunajt li dakinhar kien għadu t‑Tlieta. Għalhekk kien għad fadal żmien biżżejjed biex nara x’kont se nilbes u x’affarijiet kelli nieħu miegħi, u fuq kollox, sakemm nitlob il‑permess tal‑ġenituri tiegħi.

“X’jiġifieri? Se tmorru żewġ tfajliet waħedkom? Daqskemm hu diżabitat u ’l bogħod min‑nies hemm fuq! Issa jekk jiġrilkom xi ħaġa kif se nilħqukom?” Bħas‑soltu dik il‑lejla ommi tgħidx kemm bdiet iġġib id‑dinja fit‑tarf waqt li konna qegħdin nieklu!

“U mhux kemm iċemplulna u mmorru għalihom, Pat?” kien pront irrispondieha minfloki missieri, filwaqt li tani tegħmiża ħelwa huwa u jlaqqat l‑aħħar ftit gravy mill‑platt b’biċċa ħobż tal‑Malti. “Dawn illum kullimkien bil‑mowbajl ikunu, tafx, mhux bħalma konna aħna, ridna noqogħdu nfittxu xi kaxxa tat‑telefown bil‑muniti.”

“Xi tridu jinqalgħalna, ma? Lanqas li ma nafux sew, jien, hemm fuq, daqskemm morna kollha flimkien!” għedtilha biex nipprova nserrħilha ftit rasha.

“U fejn naf jien, daqskemm hemm beraħ u ftuħ! Ara ma tersqux fit‑tarf, li ma tmurx taqa’ xi ġebla bikom u tispiċċaw għal isfel … daqskemm hemm għoli …” baqgħet tgħid u tinkwieta għalina. “Mela dawn ħsibthom xi boloh, jew? Lanqas li mhumiex kbar biżżejjed! Issa għandhom ħmistax‑il sena u m’għadhomx ta’ subagħhom f’ħalqhom,” kompla jgħidilha missieri hu u jħawwad l‑essenza tal‑frawli mal‑ħalib biex itellgħu miegħu għal qabel jorqod.

“Isma’, ma nagħmlux mod li se tkunu ma’ xi ġuvintur, hux? Ara ma nkunx naf li int u Mandy qegħdin tagħmlu l‑ħmerijiet għax jien stess immur nugżaha ’l ommha, u daqshekk inħallik tiltaqa’ magħha! Fhimtni sew, hux?”

Kienet se tibda bil‑kantaliena tas‑soltu!

Jiena ħarist lejn missieri biex nitolbu jaqbeż xi ftit għalija, imma anki hu kellu ħarsa mqita u ta’ suspett. Ommi kien irnexxielha ddaħħallu d‑dubju. Imma meta jien xengiltlu tnejn rasi biex nurih li dan ma kienx minnu, tbissimli u rrispondieha.

“Veru li bintek issa m’għadhiex tifla żgħira, imma li kieku kellha toħroġ ma’ xi ġuvni, dment li jkun bil‑għaqal m’għandhiex għalfejn tiddejjaq tgħidilna. Mhux hekk?” staqsieni filwaqt li kien għadu jħares fiss f’għajnejja. Jien dak il‑ħin tbissimtlu lura, biex nurih li lili seta’ jafdani, u meta ra hekk …

“Mhux aħjar tilħaq taħsbilhom x’ikel se jieħdu magħhom nhar is‑Sibt, Pat? Għax dawn se jmorru minn filgħodu kmieni!”

“Min jaf li kieku nagħmlilkom erba’ bziezen bil‑bajd u l‑bejken għal filgħodu, torta tal‑irkotta bil‑ful għal nofsinhar u ftajjar bit‑tonn taż‑żejt, żebbuġ, kappar u basal tal‑pikles għal filgħaxija? Issa nixtrilkom żewġ boroż qagħaq tal‑ġunġlien u nagħmlilkom termos kafè kull wieħed, ħalli minn ħin għal ħin ikollkom xi tfittu. Lil Mandy għidilha li se naħsbilha għall‑ikel ma’ tiegħek, jien. Se nagħmel kollox doppju …”

U kienet tibqa’ sejra li kieku ma reġax iddeffes missieri.

“Jekk filgħodu se jwassalkom missierha, filgħaxija niġu għalikom aħna. Tajjeb hekk?” staqsieni.

“Iva, pa, tajjeb ħafna. Imma tridu tiġu għalina kemxejn tard, għax Mandy trid tieħu r‑ritratti tax‑xemx nieżla.”

Ommi kienet se terġa’ taqbad tgerger li konna se nkunu żewġ tfajliet waħedna f’dak id‑dlam kollu, u li huma kien se jkollhom idumu wisq barra u se jilħqu jegħjew … Imma missieri fakkarha li l‑għada kien se jkun il‑Ħadd u għalhekk ma kellhomx għaġla biex jorqdu għax ħadd ma kien għall‑iskola jew għax‑xogħol.

Waqt li ommi kienet qiegħda taħsel il‑platti b’ħuti jixxuttawhom warajha, jien intfajt niżbarazza l‑affarijiet li kien għad fadal fuq il‑mejda. Dak il‑ħin missieri ġie bil‑biċċa tal‑platti niedja biex jimsaħ wiċċ il‑mejda, resaq lejja u f’widinti fesfisli, “Morru u ħudu gost, għax iż‑żgħożija m’hawnx isbaħ minnha! Imma qisu li toqogħdu attenti mill‑periklu, għax aħna se nkunu moħħna fikom. Fhimt?”

Missieri veru li kien bniedem kalm u ta’ ftit kliem, imma l‑ftit li kien jgħid dejjem kien ikun għaqli u meqjus, biżżejjed biex iħallini naħseb u tassew noqgħod iżjed attenta ħalli ma nidħol f’ebda inkwiet.

Il‑fatt li kien jafdani għalija kien biżżejjed biex nagħmel ħilti, u b’hekk qatt ma jkollu għalfejn jitlef il‑fiduċja li kellu fija!

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Minżel: Il‑kelma ‘minżel’ ġejja mill‑verb ‘niżel’, u tfisser post minn fejn tinżel, bħal xi taraġ. [Lura]

Mistur: moħbi. [Lura]

Sies: qiegħ l‑irdum; ‘sies’ tfisser ukoll il‑pedament ta’ xi ħajt. [Lura]

Terriċċju: ħamrija u materjal ieħor dekompost tajjeb biex tkabbar il‑pjanti fih. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****