Robert Louis Stevenson
(Skoċċiż, 1850-1894)
Madwar 9,900 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Kapitli
I – Il-Pirata x-Xiħ fl-Admiral Benbow
II – Is-Senduq
III – Long John Silver
IV – Il-Gżira
V – It-Tabib Ikompli l-Istorja
VI – Jim Hawkins Ikompli l-Istorja
VII – L-Avventura Tiegħi fuq il-Baħar
VIII – Fil-Kamp ta’ Silver
IX – Il-Kaċċa għat-Teżor
Noti
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Ħarġa numru 381 (Diċembru 2023)
Jisimni Jim Hawkins, u se ngħidilkom l‑istorja tal‑Gżira tat‑Teżor. Kollox beda meta kont għadni tifel. Missieri kien sid lukanda maġenb il‑baħar li kien jisimha Admiral Benbow. Darba minnhom tfaċċa baħri xwejjaħ b’senduq kbir. Kien raġel twil u b’saħħtu.
“Agħtini tazza rum!” qal lil missieri. “Hawn xejn nies f’dawn l‑inħawi?”
Missieri qallu le.
“Mela noqgħod hawn. Tista’ ssejjaħli Kaptan. Tella’ s‑senduq f’kamarti.”
Kuljum kien imur sal‑irdum viċin, u kien iħares lejn il‑baħar b’teleskopju. U kuljum kien jistaqsini, “Rajtu xi baħri f’dawn l‑inħawi?” Fl‑aħħar bdejna nifhmu li ma ried jiltaqa’ mal‑ebda baħri. Darba minnhom qalli, “Għidli jekk tara baħri b’sieq waħda, u nħallsek.”
Xi kultant il‑Kaptan kien jixrob iżżejjed. Meta kien jagħmel hekk kien jispiċċa jkanta jgħajjat u jirrakkonta stejjer koroh. Ma kienx iħallasna, u missieri marad bl‑inkwiet. Darba waħda Dr Livesey ġie jara lil missieri. Filgħaxija t‑tabib qagħad ipejjep il‑pipa ma’ xi ħbieb. Il‑Kaptan kien hemm.
“Isktu!” qalilhom. “Se nirrakkuntalkom storja.”
“Inti lili qed tkellem, Sinjur?” staqsa Dr Livesey.
“Iva!”
“Inti tixrob wisq rum, Sinjur,” kompla t‑tabib. “Xi darba għad joqtlok.”
Il‑Kaptan, irrabjat, ħareġ mus mill‑but.
It‑tabib baqa’ kalm. “Daħħal dak il‑mus lura fil‑but,” qal, “inkella narrestak. Jiena maġistrat ukoll.”
Il‑Kaptan ġie f’tiegħu. Deffes il‑mus fil‑but u mar lura bilqiegħda. Minn dak il‑ħin ’l hinn baqa’ sieket.
Dik ix‑xitwa kienet kiesħa ħafna aktar mis‑soltu, u missieri qaleb għall‑agħar. Għodwa waħda f’Jannar wasal baħri ieħor.
“Hawn xi ħadd jismu Bill, hawn?” staqsieni.
Għidtlu li l‑uniku baħri li kien fil‑lukanda kien il‑Kaptan, u li f’dak il‑waqt kien fil‑bajja. Il‑baħri baqa’ jistenna wara l‑bieb, għalhekk meta l‑Kaptan wasal lura, ma rahx.
“Bill!” Il‑Kaptan dar b’ħasda, u wiċċu bjad. “Tafni, Bill,” qal il‑baħri. “Aħna ħbieb antiki.”
“Kelb l‑Iswed!”
“Iva! Ġejt narak.”
“Xi trid?”
Qagħdu fuq mejda bi flixkun rum. Il‑bieb kien miftuħ, u Kelb l‑Iswed qagħad maġenbu. Ma stajtx nisma’ x’kienu qed jgħidu. F’daqqa waħda qam ħafna storbju u l‑mejda u s‑siġġu nqalbu. Ilmaħt lil Kelb l‑Iswed bid‑demm fuq spalltu, qabel ma ħareġ jiġri ’l barra. Il‑Kaptan kellu xabla f’idu, u kienet imċappsa bid‑demm.
“Ġibli ftit rum, Jim!” qalli.
Mort inġib flixkun rum, u meta ġejt lura, sibt lill‑Kaptan stendut mal‑art. Għajnejh kienu magħluqin u wiċċu kien abjad karti.
Kumbinazzjoni Dr Livesey wasal dak il‑mument biex jara lil missieri. Ta daqqa t’għajn lill‑Kaptan. “Qed jixrob wisq, u issa qed jimrad,” lissen. Ħares lejn tatù li l‑Kaptan kellu fi driegħu.
“Ara, għandu ismu miktub hawn,” qal. “Billy Bones.”
Ftit wara l‑Kaptan fetaħ għajnejh.
“Issa, Sur Bones,” qallu t‑tabib. “Tixrobx aktar rum għax se joqtlok.”
Tellajnieh fuq, f’kamartu, u poġġejnieh fis‑sodda. Lejn nofsinhar erġajt tlajt f’kamartu bi ftit mediċina. Ma ridhiex. Ried tazza rum minflok.
“Imma t‑tabib – ” bdejt ngħid.
“Uuu, it‑tabib!” qatagħli kliemi. “X’jaf fuqi, it‑tabib! Ġibli tazza rum, Jim, u nħallsek.”
“Flusek ma rridhomx,” għidtlu, imma xorta waħda ħadtlu r‑rum.
“Kemm irrid nibqa’ fis‑sodda, Jim?”
“It‑tabib qallek tibqa’ għal ġimgħa.”
“Imm’issa jafu fejn jien u ġejjin għalija, ġejjin għalija! Iridu joqtluni u jieħdu senduqi. Jim, illum rajtu lil Kelb l‑Iswed? Dak raġel ħażin, dak! Imma l‑oħrajn huma eħżen minnu! U jridu jeħduli s‑senduq. Għax dawk in‑nies tal‑Kaptan Flint, u jridu jkunu jafu fejn huwa t‑teżor tiegħu. Biħsiebhom jagħtuni d‑dabra s‑sewda!”
“X’inhi d‑dabra s‑sewda?” staqsejtu.
“Dejjem jagħtuk id‑dabra s‑sewda qabel ma joqtluk!”
Missieri miet dak il‑lejl. Fil‑jiem ta’ wara jien u ommi kellna ħafna xogħol x’nagħmlu, għalhekk il‑biċċa tal‑Kaptan ħarġet minn rasna. L‑għada tal‑funeral ta’ missieri, tfaċċa agħmi bil‑bastun. Waqaf quddiem bieb il‑lukanda, u staqsieni l‑lukanda kienx jisimha Admiral Benbow.
Jien għidtlu li kienet.
“Tista’ tagħtini idek, ġuvnott, biex nidħol?”
Malli tajtu idi, ħatafha u ġibidni lejh bil‑goff.
“Issa, ġuvnott, ħudni għand il‑Kaptan!”
“Ma nistax, Sinjur,” għidtlu jien, imwerwer.
“Tassew? Ħudni jew niksirlek idek!”
Leħnu kien biered u kattiv, u lili werwirni, għalhekk ħadtu fil‑kamra tal‑Kaptan. Il‑Kaptan ukoll twerwer malli rah.
“Bill,” lissen l‑agħmi, “Oħroġ idek ix‑xellugija.”
L‑agħmi poġġa xi ħaġa f’id il‑Kaptan, u lebbet ’il barra mil‑lukanda. Il‑Kaptan ħares lejn idu. Fiha kellu biċċa karta b’dabra sewda fuqha.
“L‑għaxra! Ġejjin fl‑għaxra u se joqtluni! Għandna sitt sigħat, Jim! Għad hemm ħin!”
Il‑Kaptan ittanta jqum, imma ħesrem poġġa idu fuq qalbu, u waqa’ tulu fl‑art. Inżilt biex ngħinu, imma sibt li kien miet.
Jien u ommi ddeċidejna li mmorru sar‑raħal biex nitolbu xi għajnuna, imma r‑raħħala beżgħu jiġu magħna fil‑lukanda. Ommi rrabjat.
“Jim, immorru lura u niftħu s‑senduq tal‑Kaptan. Nieħdu l‑flus li jistħoqqilna.”
Sakemm tifel mir‑raħal mar ifittex lil Dr Livesey, jien u ommi morna lura l‑lukanda, u sakkarna l‑bieb. Il‑ġisem il‑mejjet tal‑Kaptan kien għadu mal‑art.
“Hemm bżonn insibu ċ‑ċavetta biex niftħu s‑senduq,” qalet ommi.
Ħarist lejn il‑biċċa karta li l‑Kaptan kien għadu qed iżomm f’idu. Kien hemm messaġġ fuqha: “Ġejjin fl‑għaxra ta’ filgħaxija.” Ħarist lejn l‑arloġġ. Kienu s‑sitta.
“Għandna erba’ sigħat, ma,” lissint.
Iċ‑ċavetta sibtha fil‑but tal‑Kaptan. Tlajna fuq f’kamartu u ommi fetħet is‑senduq. Fih sibna mazz karti u borża. Fil‑borża kien hemm ħafna flus, u ommi bdiet tgħoddhom.
F’daqqa waħda bdejt nisma’ t‑tektik tal‑bastun tal‑agħmi ġej mit‑triq. Smajnieh jipprova jiftaħ il‑bieb ta’ barra, imma kien imsakkar. Smajna t‑tektik jitbiegħed.
“Hemm bżonn nitilqu, ma,” għidt jien. “Dak se jgħid lil sħabu u se jiġu kollha hawn.”
“Le,” weġbitni. “Għadhom is‑sebgħa. Hemm bżonn li l‑Kaptan iħallasna eżatt ta’ kemm dam hawn.” U kompliet tgħodd.
Imma ma domniex ma bdejna nisimgħu ħafna nies jitkellmu jgħajtu resqin lejn il‑lukanda. Ħadna xi flus u l‑mazz karti, u ħriġna mill‑bieb ta’ wara tal‑lukanda. Imma ommi waqfet ħesrem.
“Sabiħ, ma nistax niġri.”
“Ma!” għidtilha bir‑rabja. “Għalfejn qgħadt tgħodd dawk il‑flus kollha! Issa se joqtluna!”
Straħet fuq spallti mingħajr ma tniffset. B’xorti tajba konna viċin ta’ pont.
“Ejja, ma,” lissint. “Haw’ il‑pont. Nistaħbew taħtu u l‑pirati ma jarawniex.”
Madankollu, wara li aċċertajt li kienet mistrieħa u moħbija sew taħt il‑pont, mort lura lejn il‑lukanda u staħbejt wara siġra.
Stajt nara t‑triq quddiem il‑lukanda. Kienu ġejjin xi rġiel. Wieħed minnhom kien l‑agħmi.
“Idħlu!” beda jgħajjat lill‑oħrajn.
Irnexxielhom jisfrundaw il‑bieb u daħlu. Sabu lill‑Kaptan mejjet isfel, u telgħu fuq. Sabu s‑senduq.
“Pew!” wieħed minnhom għajjat lill‑agħmi mit‑tieqa tal‑kamra. “Is‑senduq miftuħ!”
“Il‑mazz karti hemm qiegħed?” staqsa Pew.
“Mhux hawn.”
“Mela t‑tifel ħadhom!” qal Pew. “Fittxuhom, ja klieb! Sibuhom u nsiru kollha sinjuri!”
“Għax ma neħdux il‑flus u nitilqu, Pew?” staqsa wieħed minnhom.
Pew beda jirrabja, u pprova jfajjar il‑bastun fuq xi wieħed minnhom. F’daqqa waħda bdejt nisma’ l‑galopp ta’ xi żwiemel qed joqorbu. Il‑pirati kollha lebbtu, imgerrxin, imma Pew kien baqa’ waħdu.
“Titilqunix, ħbieb!” beda jgħajjat.
In‑nies fuq iż‑żwiemel waslu ħdejn il‑lukanda. Pew ipprova jaħrab, imma naturalment kien agħmi, u ma marx ħafna bogħod. Waqa’, qam, u reġa’ beda jiġri. Imma mar eżatt quddiem żiemel li kien qed jiġri lejh. Iż‑żiemel ma laħaqx waqaf, u Pew spiċċa taħtu u miet.
L‑irġiel fuq iż‑żwiemel kienu pulizija li kienu ġew mat‑tifel tar‑raħal. Jiena ħriġt minn wara s‑siġra.
“X’riedu dawn il‑pirati?” staqsieni wieħed mill‑pulizija.
“Naħseb li kienu qed ifittxu dawn,” weġibt, u wrejtu l‑mazz karti. “Nixtieq neħodhom lil Dr Livesey.”
“Iva, dak raġel tajjeb. Irkeb miegħi ħalli nieħdok għandu.”
Dak il‑ħin Dr Livesey kien fil‑librerija tad‑dar tas‑Sur Trelawney.
“Ara Jim! X’ġabek hawn?” staqsieni Livesey.
Għidtilhom b’dak li kien ġara. Għaddejt il‑karti lil Dr Livesey u poġġiehom fil‑but. Malli l‑uffiċjal tal‑pulizija telaq, dar lejn Trelawney. “Qatt smajt bil‑kaptan pirata Flint?”
“Iva. Bniedem terribbli, dak! L‑Ispanjoli kienu jibżgħu minnu.”
“Kellu xejn flus?”
“Ma tafhiex l‑istorja tat‑teżor ta’ Flint? Ħadd ma jaf fejn hu moħbi.”
“Tajjeb wisq,” lissen it‑tabib, u ħareġ il‑mazz mill‑but.
Kien hemm żewġ affarijiet fih: ktieb u biċċa karta mitwija. Fl‑ewwel paġna tal‑ktieb kien hemm imħażżeż, ‘Billy Bones, baħri’. Fil‑paġni l‑oħra kien hemm lista twila ta’ dati u somom ta’ flus.
“Dan ktieb tal‑kontijiet,” qal it‑tabib. “Jgħid kemm għandu flus il‑pirata Billy Bones.”
Wara dan, fetaħ il‑karta. Kienet mappa ta’ gżira, madwar disa’ mili twila u ħamsa wiesgħa. Kellha żewġ portijiet kbar u għolja mmarkata, ‘It‑Teleskopju’. Kien hemm tliet marki forma ta’ salib: tnejn fuq il‑parti tat‑Tramuntana tal‑gżira, u wieħed fuq in‑naħa tal‑Lbiċ. Ħdejn din l‑aħħar marka kien hemm miktub, ‘Il‑parti l‑kbira tat‑teżor hawn’.
“Livesey!” għajjat Trelawney, kollu eċċitat. “Għada naqbeż qabża sa Bristol biex nixtri xini u nsib xi baħrin. Hawkins, inti tista’ tiġi magħna. Inti, Livesey, tkun it‑tabib taċ‑ċorma. Insibu t‑teżor u kollha nkunu sinjuri!”
It‑tabib wieġeb, “Iva, jien u Jim nistgħu niġu miegħek, imma l‑pirati wkoll jafu b’din il‑mappa, u jkunu jridu t‑teżor għalihom. Għalhekk, ma ngħidu xejn lil ħadd dwar din il‑mappa.”
“Għandek raġun, Livesey,” lissen Trelawney. “Ma ngħidu lil ħadd dwarha.”
Sakemm Trelawney mar Bristol, jien bqajt ngħix f’daru mas‑seftur tiegħu Redruth. Għaddew il‑ġimgħat sakemm fl‑aħħar irċevejna ittra mingħand Trelawney, fejn qalilna li kien xtara xini jismu l‑Hispaniola, li kien tajjeb ħafna għall‑bżonnijiet tagħna. Madankollu kellu problemi biċ‑ċorma, għax sa dakinhar kien għadu sab erba’ baħrin biss. Qabbad lil raġel ieħor bħala kok. Kien jismu Long John Silver. Fl‑ittra kompla hekk:
“... Dan għandu sieq waħda biss, imma jidher minn tagħna. Fil‑fatt irnexxielu jsib ftit aktar baħrin għalina. Kollha huma rġiel b’saħħithom u ta’ esperjenza fuq il‑baħar. Issa fl‑aħħar għandna ċorma sħiħa, u nistgħu nibdew il‑vjaġġ minnufih. Għalhekk, Jim, nitolbok tiġi hawn mill‑aktar fis ma’ Redruth.”
L‑għada jien u Redruth tlaqna għal Bristol. Għalija, li qatt ma kont rajt belt qabel, kienet meraviljuża: port kbir u miżgħud b’ħafna xwieni. U kont tassew eċċitat għax kont se nżur gżira u nfittex teżor moħbi!
Meta wasalna u sibna lil Trelawney, qalilna li t‑tabib Livesey kien wasal ukoll u kellna nsalpaw l‑għada.
Wara dan bagħatni sal‑lukanda Spy‑glass biex insib lil Long John Silver. Meta mort hemm lil Long John għaraftu mill‑ewwel għax kellu sieq waħda u kien qed jimxi bi krozza. Kellu madwar ħamsin sena, imma kien twil u b’saħħtu. Malli rajtu ftakart fil‑kliem li kien qalli l‑Kaptan fil‑lukanda Admiral Benbow: “Għidli jekk tara baħri b’sieq waħda.” Tgħid kien qed jirreferi għal Long John Silver?
“Is‑Sur Silver?”
“Għidli, ġuvnott. Inti min int?” U mbagħad qara n‑nota li tajtu. “Sewwa, mela inti parti miċ‑ċorma tagħna. Merħba!”
F’dak il‑waqt ilmaħt raġel ħiereġ mil‑lukanda, u għaraftu mill‑ewwel.
“Kelb l‑Iswed! Waqqfuh! Dak pirata!”
“X’inhu?” lissen Silver, mistagħġeb. “Kif, pirata fil‑lukanda tiegħi! Ma kontx naf x’jismu, imma mingħalija rajtu drabi oħra ma’ raġel agħmi.”
“Iva,” komplejt jien. “Naf lil dak il‑agħmi wkoll. Jismu Pew.”
Ħarist lejn Silver. Kelb l‑Iswed kien hawn, fil‑lukanda tiegħu. Tgħid kien ħabib ta’ Silver? Pew kien ħabib tiegħu wkoll? L‑oħrajn kollha kienu ħbieb tiegħu?
Imma Silver kien raġel għaqli. Tbissimli, u qalli, “Ara, Sur Hawkins. Se nidher ikrah mas‑Sur Trelawney għax Kelb l‑Iswed ġie fil‑lukanda tiegħi. Jista’ jaħseb ħażin fuqi. Aħjar niġi miegħek u nkellmu jien.”
Meta Silver kellem lil Trelawney u lil Livesey, avżahom dwar Kelb l‑Iswed, u qatgħuha li Silver kien bniedem onest.
“Se nsalpaw illum fl‑erbgħa ta’ waranofsinhar, Silver,” qallu Trelawney.
“Kollox sew, Sinjur,” lissen Silver qabel ma telaq.
Malli tlajna abbord l‑Hispaniola, il‑kaptan, Smollett, deher ftit irrabjat, u xtaq ikellem lil Trelawney u lil Livesey.
“Għidli, Kaptan. Xi nqala’?”
“Dan il‑vjaġġ mhu qed jogħġobni xejn,” lissen Smollett. “Ma togħġobnix iċ‑ċorma, u ma jogħġobnix l‑ewwel uffiċjal.”
Trelawney irrabja malli sema’ dan. Imma Livesey ried jaf aktar. “Għaliex ma jogħġbokx, Kaptan?”
“Is‑Sur Trelawney, hawn, ma qallix li biħsiebkom tmorru tfittxu teżor. Sirt naf dan mingħand il‑baħrin. Ma jogħġbunix vjaġġi għat‑teżori. Jistgħu jkunu perikolużi.”
“Dak nista’ nifhmu,” kompla t‑tabib. “Imma għaliex ma togħġbokx iċ‑ċorma? Jidhirlek li mhumiex baħrin tajbin?”
“Forsi,” wieġeb Smollett, “imma lili ma jogħġbunix.”
“F’dak il‑każ, x’għandna nagħmlu, fl‑opinjoni tiegħek, Kaptan?”
“L‑ewwel nett poġġu l‑armi, il‑porvli u l‑munizzjon viċin il‑kabina tiegħi. It‑tieni, l‑erba’ baħrin li għażilt int, Sur Trelawney, jidhru ta’ min jafdahom. Nagħtihom post fejn jorqdu viċin il‑kabini tagħkom.”
Meta Smollett ħareġ, it‑tabib dar fuq Trelawney. “Trelawney, naħseb li għandek żewġ persuni abbord li tista’ tafda: il‑Kaptan u John Silver.”
“John Silver iva,” lissen Trelawney. “Imma mhux il‑Kaptan!”
Meta Long John Silver tela’ abbord, osserva liċ‑ċorma jagħmlu x‑xogħol li kien ordnalhom il‑Kaptan. “X’qed tagħmlu?” staqsiehom.
“Qed inpoġġu l‑armi u l‑munizzjon ħdejn il‑kabina tas‑Sur Trelawney,” wieġeb wieħed minnhom.
“U għaliex?”
“Għax hekk ordnajt,” qabeż Smollett bil‑ħatfa hekk kif tfaċċa wara Silver. “Issa, mur isfel u ibda sajjar il‑kolazzjon.”
“Kollox sew, Sinjur,” wieġeb Silver, u dlonk niżel fil‑kċina.
“Dak raġel sew,” qal it‑tabib lill‑Kaptan.
Il‑Kaptan dar fuqi. “Inti, mur fil‑kċina u għinu,” qalli.
Il‑Kaptan Smollett m’għoġobnix.
Hekk bdejna l‑vjaġġ tagħna lejn il‑Gżira tat‑Teżor.
Meta tqis li John Silver kellu sieq waħda, kien jgħaġġel sew madwar il‑gverta tax‑xini. Wieħed minn ħbiebu, Israel Hands, darba qalli li Silver kien kuraġġuż ħafna, “Daqs iljun!” Kien jogħġob lill‑baħrin kollha. Kien jagħmel xogħlu sew. Minn dejjem kien ħanin miegħi, u dejjem kien jieħu pjaċir meta kont ninżel fil‑kċina biex ngħinu. Kellu wkoll pappagall li kien iżomm f’gaġġa f’rokna tal‑kċina.
“Merħba, Jim!” qalli darba waħda. “Il‑pappagall tiegħi, il‑Kaptan Flint, jgħid li se jkollna vjaġġ sabiħ.”
“Biċċiet tat‑tmienja! Biċċiet tat‑tmienja!” werżaq il‑pappagall.
“Naħseb li dak il‑pappagall għandu xi mitejn sena,” kompla Silver, waqt li tah ftit zokkor. “Żar ħafna pajjiżi – il‑Madagascar, Malabar ...”
U kompla jgħidli ħafna stejjer straordinarji dwar il‑Kaptan Flint. John Silver kien jogħġobni tassew, u kont nagħmlu raġel tajjeb ħafna.
Il‑Kaptan Smollett kien kuntent bl‑Hispaniola. U issa beda jgħid ukoll li l‑baħrin kienu tajbin. Biss, xorta ma kienx qed jogħġbu l‑vjaġġ għat‑tiftixa tat‑teżor: u ma kienx jogħġbu Trelawney; għall‑istess raġuni lil Trelawney ma kienx jogħġbu l‑Kaptan Smollett!
Darba filgħaxija, meta kien jonqosna madwar ġurnata biex naslu fil‑Gżira tat‑Teżor, kelli aptit niekol tuffieħa qabel ma mmur norqod. It‑tuffieħ kienu f’bettija fuq il‑gverta, u mort inġib waħda. Kien għad baqa’ ftit tuffieħ, kollha fil‑qiegħ, u ma stajtx nilħaqhom b’idi. Għalhekk dħalt ġol‑bettija biex nieħu waħda. Bqajt fil‑bettija sakemm kilt it‑tuffieħa, imma mbagħad għajni marret bija u rqadt hemm ġew. Ma nafx kemm domt hemm, imma stenbaħt meta smajt leħen Silver. Smajt l‑ewwel ftit kliem u bdejt nirtogħod.
“Flint kien il‑Kaptan tiegħi,” kien qiegħed jgħid lil Dick, wieħed miċ‑ċorma. “Aħna kollha konna pirati – jien, Pew u l‑oħrajn. Jien tlift sieqi, u Pew tilef għajnu. Imma jien tfajt ħafna flus il‑bank. Ara Pew – dak kien sinjur imma mbagħad ftaqar. U fejn hu issa? Mejjet. Fejn huma n‑nies l‑oħra ta’ Flint? Ħafna minnhom qegħdin hawn, abbord dan ix‑xini.”
Tkexkixt meta smajt dan.
“Għandi ħamsin sena,” kompla Silver. “Wara dan il‑vjaġġ biħsiebni ngħix bħal sinjur. Inti tista’ tkun sinjur ukoll, Dick, jekk tgħinni. Xi tgħid, ħabib? Tini jdejk.”
Fl‑aħħar bdejt nifhem xi ħaġa. Dick kien baħri onest, imma Silver kien qed jipprova jdawru miegħu. Ftit wara smajt il‑leħen ta’ Israel Hands, il‑ħabib ta’ Silver.
“Isma’, aqtagħli l‑kurżità. Kemm irridu nistennew aktar? Jiena fuq ix‑xwiek biex noqtol lill‑Kaptan Smollett! Imma meta, Silver? Meta?”
“Israel, inti m’intix stuż ħafna,” wieġeb Silver. “Trid tistenna. Ngħidlek jien meta. Trelawney u t‑tabib għandhom il‑mappa. Ħallihom isibu t‑teżor u jtellgħuh fuq ix‑xini – għalina! Mela nistennew.”
“Imma,” qabeż Dick, “x’nagħmlu bil‑Kaptan, it‑tabib u Trelawney?”
“Mistoqsija f’waqtha!” lissen Silver. “Mela, x’taħsbu? Nistgħu nitilquhom fuq il‑gżira, jew nistgħu noqtluhom. Flint u Billy Bones minn dejjem kienu joqtlu lin‑nies. Mela, jien ngħidilkom hekk, ħbieb. Nistennew ... u meta jkun il‑waqt, noqtluhom! Dick, mur ġibli tuffieħa mill‑bettija.”
Malli smajt dawk l‑aħħar kliem ksaħt u bbist, u ma stajtx niċċaqlaq, hekk kif smajt lil Dick jersaq lejn il‑bettija. Imma f’daqqa waħda tkellem Israel Hands.
“U ħallik mit‑tuffieħ! Ejja nixorbu ftit rum!”
Dick waqaf il‑mixja tiegħu, dar, u smajt il‑passi tiegħu jitbiegħdu. Ftit wara reġa’ ġie, u l‑pirati bdew jixorbu.
Ftit minuti wara nstemgħet l‑għajta, “Tidher l‑art! Tidher l‑art!”
Il‑pirati minnufih marru biex iħarsu lejn l‑art, u jien sibt ix‑xoqqa f’moxtha biex noħroġ minn ġol‑bettija mingħajr ma jarawni. Mort warajhom biex nara fejn kienu qed iħarsu. Taħt id‑dawl tal‑qamar stajna naraw żewġ għoljiet.
“Min jaf b’din il‑gżira?” staqsa Smollett.
“Jien, Sinjur,” qabeż Silver.
Il‑Kaptan urieh mappa tal‑gżira. “Din hi?” staqsa.
Silver ħares lejn il‑mappa, kollu ħerqan. Iżda ma kenitx il‑mappa ta’ Billy Bones. Kienet biss kopja, u ma kienx hemm marki ta’ slaleb fuqha. Dan irrabja lil Silver, imma żamm kalm, u tbissem.
“Iva, Sinjur, dak huwa l‑post.”
Kont fuq ix‑xwiek biex ngħid lill‑Kaptan, lil Trelawney u lit‑tabib x’kont smajt minn ġol‑bettija. Meta Livesey talabni mmur inġiblu l‑pipa u t‑tabakk, għidtlu:
“Tabib, hemm bżonn inkellmek. Għandi aħbar ħażina ħafna.”
Wiċċ Livesey tbiddel, u qalli bil‑mod, “Grazzi, Jim. Mur fil‑kabina issa.” Wara dan resaq lejn il‑Kaptan u Trelawney, u kellimhom minn taħt l‑ilsien.
Il‑Kaptan dar fuq iċ‑ċorma. “Jien u t‑tabib sejrin fil‑kabina biex nixorbu ftit inbid.”
Meta niżlu isfel, għidtilhom b’kull ħaġa li smajt dwar it‑taħdita bejn Silver u l‑oħrajn. Malli spiċċajt, Trelawney dar fuq il‑Kaptan. “Niskuża ruħi, Kaptan. Inti kellek raġun u jien kelli tort. Issa x’nagħmlu?”
“Għandna ftit ħin favurna, għax Silver huwa makakk u biħsiebu jistenna,” wieġeb il‑Kaptan. “Jaqblilna nattakkaw lill‑pirati qabel. Kemm għandna nies magħna?”
“Sebgħa b’Jim,” wieġeb Livesey. “Kemm hemm nies onesti fiċ‑ċorma?”
“Hemm l‑erbgħa li s‑Sur Trelawney sab qabel ma ltaqa’ ma’ Silver,” kompla l‑Kaptan.
“Imma,” qabeż Trelawney, “Israel Hands kien wieħed minnhom.”
“Mela ma nafux bl‑eżatt kemm hemm li nistgħu nafdaw.”
“Jim jista’ jgħinna,” qal Livesey. “Huwa jogħġob lill‑baħrin u jitkellmu miegħu. Hu jkun jista’ jeħdilhom minn rashom min hu magħna u min hu kontrina.”
Mela b’kollox konna sebgħa minn sitta u għoxrin, u jien kont biss tifel. Għalhekk kien hemm sitt adulti kontra dsatax‑il pirata.
L‑għada filgħodu stajt nara l‑gżira aħjar. Rajt siġar twal u ramel isfar. L‑għoljiet kollha kienu għoljin, imma t‑Teleskopju kienet l‑ogħla waħda. Ix‑xini tagħna lewa lejn gżira żgħira maġenb il‑kbira, u li kienet tissejjaħ il‑Gżira tal‑Iskeletru. Sadattant, il‑baħrin bdew jippreparaw id‑dgħajjes. Bdew igergru għax kienet ħafna sħana. Kienu jidhru f’burdata ħażina, u konna nafu li, li kieku kien għalihom, diġà qatluna. Imma Silver baqa’ jitbissem u jgħanni. Għenna mmexxu x‑xini bejn il‑Gżira tal‑Iskeletru u l‑Gżira tat‑Teżor.
Jien u l‑Kaptan, Trelawney u Livesey morna fil‑kabina. Ħadna pistola kull wieħed u tajna waħda lit‑tliet nies onesti li stajna nafdaw: Hunter, Joyce u Redruth. Wara dan, il‑Kaptan tela’ fuq il‑gverta u qal liċ‑ċorma li setgħu jinżlu fuq il‑gżira għal waranofsinhar.
Il‑baħrin bdew jgħajtu bil‑ferħ. Issa ma baqgħux igergru. Kien mingħalihom li t‑teżor kien diġà tagħhom.
Sitt baħrin baqgħu abbord. Tlettax, inkluż Silver, rikbu d‑dgħajjes. F’dak il‑ħin ġietni idea ta’ miġnun. Qtajtha li nitla’ fuq waħda mid‑dgħajjes u mmur fuq il‑gżira. M’għidt xejn lil Trelawney u lit‑tabib, u ma rani ħadd malli tlajt fuq id‑dgħajsa, li kienet il‑waħda fejn kien hemm Silver.
Malli messet l‑art, inżilt minnha u ġrejt minnufih lejn is‑siġar.
“Jim! Jim!” Silver għajjat warajja. Imma jien ma tajtx kasu, u bqajt niġri.
Malli dħalt ġewwa sew qalb is‑siġar tal‑gżira, waqaft u ħarist madwari. Kien mimli siġar, ħaxix u għasafar. Ix‑xemx kienet tisreġ. Quddiemi stajt nara l‑għolja tat‑Teleskopju.
Bdejt nisma’ l‑ilħna, u staħbejt wara siġra. Wieħed mill‑ilħna kien ta’ Silver. U issa bdejt nibża’, u għidt bejni u bejn ruħi li kont għamilt ħmerija ġejt fuq il‑gżira ma’ dawn il‑pirati. Imma mill‑banda l‑oħra ridt nara kif nagħmel biex ngħin lit‑tabib u lil sħabu. Għalhekk ersaqt bil‑moħbi lejn il‑pirati, fuq idejja u rkopptejja.
“Tom,” Silver kien qed jgħid. “Inti togħġobni, ħabib, u nixtieq ngħinek!”
“Silver,” wieġeb l‑ieħor. “Inti persuna onesta. Jiena ċert li ma tridx tagħmilha ma’ dawn il‑pirati – mhux int!”
Mela dan Tom kien wieħed mill‑onesti, ħsibt jien minn wara l‑ħaxix.
F’daqqa waħda smajna twerżiqa li twaħħax, ġejja mill‑bogħod.
“Dak x’kien, John?” lissen Tom.
Silver tbissem. “Dak? Dak kien Alan. Issa mejjet.”
“Kif, qatlu lil Alan?!” tenna Tom, mistagħġeb. “John Silver, darba kont ħabib tiegħi, imma mhux issa. Oqtol lili wkoll – jekk inti kapaċi.”
B’dan il‑kliem, Tom ta dahru lil Silver u beda miexi. Imma ma marx wisq ’il bogħod. Silver qabad ma’ siġra biex jibqa’ wieqaf, u b’saħħa liema bħalha waddab il‑krozza f’nofs dahar Tom. Dan waqa’ tulu fl‑art. B’ħeffa liema bħalha, Silver mar fuqu u sakemm Tom kien għadu mal‑art, nifdu f’dahru bil‑mus li kellu.
Ma stajtx nemmen dak li kont qed nara! Issa tnejn min‑nies onesti kienu mejta! Silver sejjaħ lill‑pirati l‑oħrajn. Jien warrabt minn hemm bil‑mod u malli rajt li ma setgħux jarawni tlaqt niġri ’l bogħod minn hemm b’kemm kelli saħħa. Kont żgur li kieku rawni kienu joqtlu lili wkoll!
Kont qrobt ħafna lejn l‑għolja tat‑Teleskopju, u kont imdawwar b’ħafna siġar; kont prattikament f’foresta. Ħesrem smajt ħoss qalb dawk is‑siġar. X’kien? Kont naf li ma kinux il‑pirati, u ffriżajt fuq il‑post.
Warajja kien hemm il‑pirati, u quddiemi kien hemm – xi ħaġa! Dak il‑ħin ippreferejt il‑pirati. Dort u rħejtilha niġri lejn il‑pirati. Imma dik il‑ħaġa issa bdiet tiġri wkoll, warajja. Kienet qed tiġri minn siġra għal oħra – fuq żewġ saqajn! Intbaħt li kien raġel. Kien xi kannibalu?
Waqaft mill‑ġirja, u dort, bil‑pistola f’idi. Ir‑raġel ħareġ minn wara siġra, u mexa bil‑qajla lejja. F’daqqa waħda niżel għarkopptejh, b’idu maħruġin lejja. Staqsejtu min kien.
“Ben Gunn,” qalli, b’leħen stramb.
Kien raġel abjad, b’għajnejn kaħlanin, imma b’ġilda skura, maħruqa bix‑xemx. Ħwejġu kienu qodma, imqattgħin u maħmuġin.
“Inti l‑ewwel Nisrani li qed nara fi tliet snin!” qal.
“X’ġara?” staqsejtu.
“Telquni hawn.”
Kont naf li kienet ħaġa terribbli. Il‑pirati kienu jħobbu jitilqu lil xi ħadd fuq gżira waħdu bħala kastig.
“X’jismek, sieħeb?” staqsieni.
Għidtlu ismi.
“Mela ħalli ngħidlek, Jim. Ħafna snin ilu kont ġuvnott twajjeb, bħalek. Imma biż‑żmien sirt ħażin u kont nixrob ħafna rum. Issa spiċċajt hawn f’din il‑gżira mwarrba.” Waqaf u ħares madwaru, u lissen minn taħt l‑ilsien, “Jim! Jiena sinjurun!”
Jien ħsibt li l‑povru proxxmu kien iġġennen wara dak iż‑żmien kollu waħdu.
“Sinjur! Qed ngħidlek, sinjurun! Imma stenna ftit. Dak ix‑xini ta’ Flint, li hemm fil‑bajja?”
“Le. Flint mejjet. Imma xi ftit miċ‑ċorma darba kienu ma’ Flint.”
Għajnejn Ben tberrqu, imwerwrin. “Raġel b’sieq waħda?” lissen b’vuċi titriegħed.
“Iva. Long John Silver. Huwa l‑kok u l‑kap tal‑pirati.” Komplejt billi għidtlu l‑istorja kollha u s‑sitwazzjoni diffiċli li issa konna fiha.
“Tajjeb, mela Ben Gunn jista’ jgħinkom. U mbagħad, taħseb li s‑Sur Trelawney ikun jista’ jgħin lili?”
“Iva. Dak bniedem onest.”
“U jkun jista’ jeħodni lura l‑Ingilterra fuq ix‑xini?”
“Iva, dażgur!”
“Tajjeb!” lissen Ben Gunn, jitbissem. “Mela ħalli ngħidlek xi ħaġa. Jiena kont fuq ix‑xini ta’ Flint meta ħeba t‑teżor – flimkien ma’ sitta mill‑aħjar baħrin li kellu. Malli difnu t‑teżor, qatilhom. Wara, kemm Billy Bones kif ukoll Long John staqsewh fejn kien ħeba t‑teżor, imma ma qalilhomx. Tliet snin ilu, kont fuq xini ieħor qrib din il‑gżira. Għidt liċ‑ċorma biex ninżlu u nfittxu t‑teżor ta’ Flint, imma ma sibniehx. Għalhekk dik iċ‑ċorma rrabjaw u ħallewni waħdi hawn. Għidlu dan kollu, lis‑Sur Trelawney. Għidlu li jien m’iniex pirata, Jim! Għidlu li jiena raġel tajjeb!”
“Kif nista’?” qbiżt jien. “Issa ma nistax immur lura abbord.”
“Tassew, tassew. Imma jien għandi dgħajsa, Jim. Bnejtha jien stess. Qiegħda moħbija wara l‑blata l‑bajda.”
F’dak il‑waqt instema’ l‑istorbju ta’ kanuni qed jisparaw.
“Bdiet il‑battalja!” għidt jien. “Isa, ejja warajja!”
U bdejt niġri lejn il‑port fejn l‑Hispaniola kien ankrat. Ben Gunn ġera warajja. Il‑ħsejjes tal‑battalja kienu qed joqorbu. F’ħin minnhom ilmaħt il‑bandiera Ingliża qalb is‑siġar.
Wara li ż‑żewġ dgħajjes telqu l‑Hispaniola, jien, il‑Kaptan u s‑Sur Trelawney bdejna niddiskutu fil‑kabina. Mument minnhom daħal Hunter u qalilna li Jim Hawkins kien fuq il‑gżira mal‑pirati.
“Povru Jim,” lissen Trelawney, “dawk żgur li joqtluh malli jsibuh.”
Tlajna fuq il‑gverta u rajna ż‑żewġ dgħajjes fil‑bajja, fuq ir‑ramel, b’żewġ għassiesa magħhom. Qtajnieha li mmorru fuq il‑gżira aħna wkoll. Ħarisna lejn il‑mappa, u rajna li kien hemm fortina fuq il‑gżira.
Għamilt pjan ta’ malajr. “Hunter, jien u int immorru nfittxu din il‑fortina.”
Inżilna b’dgħajsa oħra. Għalkemm l‑għassiesa li kienu maż‑żewġ dgħajjes l‑oħra rawna, m’għamlu xejn.
Dorna madwar il‑bajja lejn il‑parti fejn kien hemm il‑fortina. Meta wasalna, inżilt malajr mid‑dgħajsa u ġrejt lejn is‑siġar. Il‑fortina sibnieha fuq il‑quċċata ta’ għolja żgħira. Kienet sempliċement gabbana żgħira, mibnija bi zkuk tas‑siġar. Madwarha kien hemm ukoll palizzata ta’ zkuk ippuntati bħala difiża. Il‑gabbana kellha toqob minn fejn setgħu jintużaw kanuni. Kienet tajba biżżejjed biex inkunu nistgħu nibqgħu fiha u nżommu xi attakki mill‑pirati, sakemm kellna ikel u ilma.
F’daqqa waħda smajt fil‑bogħod il‑karba ta’ raġel qed imut.
“Jim Hawkins, jaħasra! Qatluh, miskin!” ħsibt jien. U tassew iddispjaċieni.
Morna lura fuq ix‑xini u spjegajna lill‑oħrajn dak li sibna. Huma wkoll ħasbu li Jim Hawkins kien mejjet. Poġġejna ħafna affarijiet fid‑dgħajsa tagħna: xkubetti, porvli, munizzjon, laħam, biskuttini u cognac. Abbord magħna fuq ix‑xini kien għad hemm sitt pirati, fosthom Israel Hands. Il‑Kaptan ħataf żewġ pistoli f’idejh, u sejjaħlu.
“Tagħmlux xi ħmerija, Hands – jew noqtlukom!”
Il‑pirati ħallewna nkomplu b’xogħolna, u marru fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xini.
F’qasir żmien tlaqna lejn il‑gżira. L‑għassiesa li kien hemm mad‑dgħajjes fil‑bajja rawna, u daħlu ’l ġewwa fil‑gżira, x’aktarx biex iwissu lil Silver. Sadattant, aħna lħaqna l‑fortina, u stivajna l‑affarijiet hemm. Jien, il‑Kaptan, Trelawney u Redruth erġajna morna fuq l‑Hispaniola għal aktar provvisti. Bdejna naħdmu bil‑għaġla. Il‑Kaptan sejjaħ lil wieħed mill‑pirati li kienu abbord.
“Gray, jiena naf li inti raġel sew. Ejja magħna – għandek tletin sekonda!”
Kien hemm ftit sekondi ta’ silenzju, u mbagħad qam ħafna storbju u l‑ħsejjes ta’ ħafna sarar. F’daqqa waħda rajna lil Abraham Gray jiġri lejna.
“Jien magħkom, Sinjur!” għajjat.
Imma issa konna ħamsa min‑nies fuq id‑dgħajsa, flimkien mal‑provvisti li konna ġbarna. Aħna u sejrin lura lejn l‑art, il‑kurrent dar, u beda jmexxina aktar ’il bogħod mill‑bajja fejn konna nżilna l‑ewwel darba.
“Jekk nibqgħu sejrin hekk mhux se naslu fejn il‑fortina,” għidt jien.
“Warajna – ix‑xini!” għajjat il‑Kaptan.
Meta ħarisna lejn ix‑xini lmaħna lill‑ħames pirati jdawru wieħed mill‑kanuni fuqna. Kienu se jisparaw fuqna.
“Sur Trelawney,” lissen il‑Kaptan. “Spara lil Israel Hands.”
Trelawney spara, imma ma laqatx lil Hands. Minflok, waqa' wieħed mill‑pirati l‑oħrajn. Sadattant rajna wkoll ħafna pirati qed jinġabru madwar waħda mid‑dgħajjes fuq il‑bajja.
“Ġejjin lejna!” għajjat il‑Kaptan.
“Dgħajsa waħda biss,” qbiżt jien. “Forsi l‑oħrajn sejrin lejn il‑fortina.”
“Jien aktar qed nibża’ minn dak il‑kanun fuq ix‑xini,” wieġeb Smollett.
Konna wasalna qrib ħafna tal‑bajja meta l‑pirati fuq ix‑xini sparaw il‑kanun. Il‑balla ħassejnieha għaddejja minn fuq rasna, u f’daqqa waħda d‑dgħajsa spiċċat taħt l‑ilma. F’dak il‑waqt smajna wkoll xi storbju qalb is‑siġar. Xi pirati kienu sejrin lejn il‑fortina, u hemmhekk kien hemm biss Hunter u Joyce.
“Għaġġlu! Għaġġlu!” beda jħambaq il‑Kaptan.
Tlaqna bil‑ġirja lejn l‑għolja, bil‑pirati ma’ saqajna. Jien u Trelawney sparajna l‑pistoli tagħna u lqatna wieħed minnhom. Imma lil Redruth laqtuh. Kaxkarnieh magħna għall‑kenn tal‑fortizza, u poġġejnieh mimdud mal‑art, imma sibna li kien laħaq miet.
F’daqqa waħda balla ta’ kanun sfrundat il‑palizzata. Tul dik l‑għaxija kollha baqgħu ġejjin kannunati waħda wara l‑oħra. B’xorti tajba l‑ebda waħda ma laqtet lill‑gabbana. Minn fuq ix‑xini, Israel Hands ma setax jara sew il‑fortina qalb is‑siġar, madankollu kien qed jara l‑bandiera Ingliża, u dak kien il‑periklu.
“Qed ngħidulu eżatt fejn għandu jispara,” lissen Trelawney. “Hemm bżonn inniżżluha minn hemm, Kaptan.”
Imma l‑Kaptan ma riedx.
Fid‑dalma tal‑lejl, Hunter u Joyce niżlu lura fil‑bajja biex jiġbru l‑affarijiet li konna tlaqna fid‑dgħajsa, imma meta ġew lura qalulna li l‑pirati kienu diġà ħadu kollox.
Fid‑djarju tiegħu, il‑Kaptan Smollett kiteb:
“Issa qegħdin sitta: il‑Kaptan Smollett, Dr Livesey, Abraham Gray, Is‑Sur Trelawney, John Hunter u Richard Joyce. Ġejna f’din il‑fortina fuq il‑Gżira tat‑Teżor, u għandna rifornimenti għal għaxart ijiem. Thomas Redruth, l‑assistent tas‑Sur Trelawney, inqatel mill‑pirati. Jim Hawkins – ”
Jiena wkoll bdejt naħseb dwar il‑povru Jim Hawkins. Fejn kien qiegħed?
Xi siegħa wara, xi ħadd sejħilna minn qalb is‑siġar quddiem il‑fortina.
“Dr Livesey, Sur Trelawney! Kaptan! Hunter, dak int?!”
Ġrejt lejn il‑bieb tal‑gabbana. Kien Jim Hawkins! Kien għadu ħaj!
Meta Ben Gunn lemaħ il‑bandiera Ingliża, waqaf.
“Dik hija l‑fortina l‑antika ta’ Flint,” qal. “Sħabek qegħdin hemm?”
“Ma nafx,” weġibt. “Forsi hemm il‑pirati?”
“Le. Il‑bandiera tagħhom hija l‑Jolly Roger. Dawk sħabek li hemm fil‑fortina.”
“Tajjeb, mela nista’ mmur magħhom,” komplejt jien. “Inti ġej?”
“Le, sieħeb. Ben Gunn mhuwiex stupidu! L‑ewwel għid lis‑Sur Trelawney dwari, u jrid iwegħedni li jgħinni. Għidlu jiġi u jsibni.”
“Tajjeb wisq. Mela issa sejjer.”
Imma f’dak il‑waqt balla ta’ kanun splodiet fil‑qrib, u tlaqna niġru f’direzzjonijiet differenti.
Għaddiet xi siegħa b’ħafna splużjonijiet madwar il‑fortina, għalhekk bqajt moħbi qalb is‑siġar. Filgħaxija nżilt il‑bajja u rajt li fuq l‑Hispaniola kienet qed tittajjar il‑Jolly Roger. Mela x‑xini kien taħt idejn il‑pirati!
Fl‑aħħar waqfu l‑bumbardamenti. Bqajt moħbi għal xi ftit żmien ieħor, u malli rajt li ma kienx hemm aktar sparar, żammejt rasi baxxuta u rsaqt lejn il‑fortina. Malli qomt dritt ilmaħt blata bajda, għolja, qalb ftit siġar maġenb il‑bajja. “Dik il‑blata ta’ Ben Gunn,” għidt bejni u bejn ruħi. “Mela issa naf ukoll fejn qiegħda d‑dgħajsa ta’ Ben.” B’dan il‑ħsieb f’moħħi ġrejt lejn il‑fortina.
Hemmhekk kollha laqgħuni bi ħġarhom, u rrakkuntajt l‑istorja tiegħi. Sakemm spiċċajt nirrakkonta, kien dalam, u beda jonfoħ riħ kiesaħ. Għalkemm kont għajjien mejjet, il‑Kaptan ta lil kull wieħed minna xi ħaġa x’jagħmel. Tnejn minna ħarġu mill‑fortina biex ifittxu xi zkuk għan‑nar waqt li Livesey sajjar ftit ikel. Jien kelli noqgħod għassa mal‑bieb. Ftit wara t‑tabib staqsieni xi mistoqsijiet dwar Ben Gunn. Ried ikun jaf fejn kien.
“Għandi biċċa ġobna ta’ Parmiġġjan Taljan, tajba ħafna. Nixtieq nagħtihielu.”
Wara l‑ikel qgħadna nitkellmu. Ikel ma kienx baqgħalna ħafna, għalhekk kellna bżonn neħilsu mill‑pirati malajr. Minn fejn konna, stajna nisimgħuhom; kienu ħdejn ix‑xmara daqs nofs mil ’il bogħod. Kienu qed jgħannu madwar ħuġġieġa nar. Bl‑għajja li kelli, għajni marret bija.
Malli stenbaħt, smajt xi ħadd jitkellem fil‑qrib.
“Araw! Hemm Long John Silver! Ġej hawn b’bandiera bajda. Irid jitkellem.”
“Ibqgħu hawn, kollha,” lissen il‑Kaptan. “Lestu l‑armi tagħkom.” U mbagħad għajjat lil Silver. “Xi trid?”
“Il‑Kaptan Silver jixtieq ikellmek.”
“Il‑Kaptan Silver? Ma nafux. Min hu?”
“Il‑baħrin ħatruni l‑kaptan tagħhom, issa – wara li inti tlaqt ix‑xini, Sinjur. Nistgħu nitkellmu?”
“M’iniex interessat li nitkellem miegħek. Tista’ tidħol jekk trid, imma ara li ma tagħmilx xi ħmerija.”
“Nagħtik kelmti, Sinjur.”
Silver tefa’ l‑krozza minn fuq il‑palizzata, u wara xxabbat magħha u qabeż għan‑naħa ta’ ġewwa. Kellu biss sieq waħda, imma rnexxielu xorta waħda. Wara beda jaqsam il‑fetħa ż‑żgħira li kien hemm quddiem il‑fortina. Il‑Kaptan qallu biex jinżel bilqiegħda.
“Fuq ir‑ramel?” qal Silver.
“Iva, fuq ir‑ramel, Silver. Ma tistax tidħol hawn. Issa, xi trid tgħid?”
Silver niżel bilqiegħda. “Għamilt sew, dal‑lejl, Kaptan. Jien u niesi bqajna impressjonati. Ġejtu u qtiltu wieħed minna. Kien mifqugħ bix‑xorb u kien rieqed. Imma mhux se jkollok ċans terġa’ tagħmilha, Kaptan!”
Il‑Kaptan ma fehemx x’kien qed jgħid Silver. Imma jien ftakart x’kien qalli Ben Gunn. Tgħid kien qatel xi wieħed mill‑pirati? Mela issa kien hemm tlettax b’kollox.
Silver kompla, “Għandkom il‑mappa, Kaptan. Irriduha.”
“Iva, għandna l‑mappa,” wieġeb il‑Kaptan, “imma m’intomx se teħduha.”
Silver kien irrabjat, imma baqa’ jpejjep il‑pipa li kellu bil‑kalma.
“Mela, ħalli ngħidlek x’inhi l‑idea tiegħi, Kaptan,” kompla. “Intom tagħtuna l‑mappa. Meta nsibu t‑teżor u ngħabbuh fuq ix‑xini, intom titilgħu abbord magħna. Nagħtikom kelmti li ma jiġrilkom xejn. Jekk ma togħġobkomx l‑idea tistgħu jekk tridu tibqgħu hawn u nħallulkom xi ikel. Malli niltaqa’ ma' xini ieħor, ngħid lill‑kaptan biex jiġi jiġborkom. Xi tgħid, Kaptan?”
“Dak kollox?” wieġeb il‑Kaptan. “Mela issa isma’ lili, Silver. Ejja hawn bil‑pirati kollha tiegħek – u mingħajr armi. Inwiegħed li neħodkom l‑Ingilterra biex ikollkom proċess ġust. Jekk ma tagħmlux hekk, noqtlu lil kull wieħed minnkom. Issa itlaq, iġri!”
Silver issa kien irrabjat sew. Qam bilwieqfa fuq il‑krozza.
“Intom qatta klieb! Qed tidħqu, issa. Imma jien se nerġa’ niġi b’niesi u se noqtlukom kollha!”
Malli ħareġ mill‑palizzata, il‑Kaptan dar lejna.
“Silver dalwaqt ġej b’niesu,” lissen. “Huma qegħdin tlettax, u aħna sitta – u Jim. Imma nistgħu nġibuha żewġ! Hawkins, inti ħu l‑kolazzjon. Hunter, ġib ftit brandy għal kulħadd. Trelawney, itfi n‑nar. Livesey, inti oqgħod mal‑bieb. Hunter, inti oqgħod fuq in‑naħa tal‑Lvant tal‑fortina. Joyce, fuq il‑Punent. Trelawney, inti u Gray morru fuq in‑naħa tat‑Tramuntana. Hawkins, jien u int nikkargaw l‑ixkubetti.”
Għamilna siegħa nistennew fuq ix‑xwiek. F’daqqa waħda Joyce ra lill‑pirati resqin, u spara. Il‑pirati sparaw lura. U wara waqa’ skiet perfett.
“Kemm‑il daħna rajt, Livesey?” staqsa l‑Kaptan.
“Tlieta.”
“Trelawney?”
“Xi sebgħa.”
“Mela se jattakkaw mit‑Tramuntana.”
Il‑Kaptan ma marx żball. Xi mumenti wara, ħafna mill‑pirati tfaċċaw ġejjin min‑naħa tat‑Tramuntana. Ġrew lejn il‑palizzata u bdew jixxabbtu magħha. Trelawney u Gray bdew jisparaw fuqhom, u qatlu tnejn minnhom. Imma erbgħa oħra ġrew lejna, u wieħed minnhom attakka lit‑tabib.
“Oħorġu barra u żommuhom bix‑xwabel!” ordna l‑Kaptan.
Għamilt bħal sħabi, ħtaft xabla u ħriġt barra mill‑fortina. Gray kien warajja. Livesey qatel lill‑pirata li attakkah. Ġrejt lejn ix‑xellug u lmaħt pirata. F’daqqa waħda, waqajt mal‑art, u l‑pirata għolla x‑xabla tiegħu fuqi. Imma Gray ġie minn warajja u qatlu. Issa erba’ pirati kienu mejtin. Il‑wieħed li kien baqa’ dar lura u lebbet minn fejn ġie. Jien, Gray u t‑tabib ġrejna lura lejn il‑fortina.
Hunter kien mejjet, u Joyce miet ftit minuti wara. Il‑Kaptan kien ferut.
“Kemm qtilna minnhom?” staqsa lit‑tabib.
“Ħamsa b’kollox,” wieġeb Livesey.
“Tajjeb,” lissen il‑Kaptan. “Issa aħna qegħdin erbgħa, u huma tmienja.”
Il‑pirati ma reġgħux attakkaw. Sakemm jien u Trelawney sajjarna xi ikel, it‑tabib dar bil‑Kaptan.
“Il‑ferita mhix gravi,” qallu. “Imma għandek bżonn tistrieħ.”
Wara li kilna, Livesey libes il‑kappell, u qabad żewġ pistoli. Ħa wkoll xabla u l‑mappa. Ħareġ mill‑palizzata u rħielha lejn is‑siġar.
“Fejn sejjer?” staqsa Gray.
“Naħseb li se jmur isib lil Ben Gunn.”
“Qed jiġġennen,” lissen Gray bi tbissima.
U mbagħad għamilt ġennata jien ukoll! Kien hemm ħafna sħana fil‑fortina. Kien hemm ħafna demm, minħabba n‑nies mejtin, u beda jħossni ħażin. Ħakmitni kilba biex immur fil‑beraħ qalb is‑siġar, u hekk għamilt. Ħadd minn sħabi ma rani.
Tassew kont qed nagħmel ġennata – imma kont għadni tifel – u dalwaqt se tara kif fil‑fatt għint biex insalvaw kollha! Qtajtha li mmur infittex id‑dgħajsa ta’ Ben Gunn, għalhekk irħejtilha lejn il‑blata l‑bajda. Fuq ix‑xellug stajt nara lill‑Hispaniola ankrata fil‑bajja. Wasalt fejn il‑blata l‑bajda u fittixt id‑dgħajsa. Malajr sibtha – kienet żgħira u ħafifa, u kellha moqdief ukoll.
U issa ġietni f’rasi ġennata oħra! Ħsibt li mmur abbord ix‑xini, biex naqta’ l‑ħabel tal‑ankra. B’hekk il‑kurrent jimbuttah fuq ir‑ramel u l‑pirati ma jkunux jistgħu jaħarbu. Issa kien dalam sew, imma stajt nara l‑ħuġġieġa tal‑pirati fuq l‑art, u d‑dwal ta’ fuq l‑Hispaniola. Niżżilt id‑dgħajsa fl‑ilma.
Il‑kurrent kien kemxejn qawwi, u malajr mexxieni lejn ix‑xini. Meta wasalt, qbadt il‑ħabel tal‑ankra f’idi. Imma ntbaħt li kien stirat u perikoluż. Stirat kif kien, seta’ jolqotni bil‑qawwa jekk naqtgħu.
Imma b’xorti tajba r‑riħ f’dak il‑waqt dar, u ressaq ix‑xini ftit lejja. Il‑ħabel ma baqax daqshekk stirat, u stajt naqtgħu bil‑mod. Minn fejn kont, stajt nisma’ xi ilħna ġejjin mill‑kabina tal‑Kaptan.
Kienu Israel Hands u pirata ieħor, u milli jidher kienu fis‑sakra. Kienu t‑tnejn irrabjati u qed jargumentaw bejniethom.
Irnexxieli naqta’ l‑ħabel, u minnufih ix‑xini beda jdur mal‑kurrent. Mexxejt id‑dgħajsa lejn il‑kabina tal‑Kaptan biex nara liż‑żewġ pirati. Ixxabbatt ma’ ħabel u bdejt tiela’ bil‑mod. Malli ħarist mit‑tieqa tal‑kabina, rajt liż‑żewġ pirati jissaraw bejniethom. Kienet taqbida ħarxa hekk kif it‑tnejn ippruvaw joqtlu lil xulxin.
Erġajt inżilt mal‑ħabel għal fuq id‑dgħajsa, u l‑kurrent reġa’ dar. Issa kemm ix‑xini kif ukoll id‑dgħajsa bdew resqin lejn il‑bajja. Il‑ħuġġieġa tal‑pirati fil‑bajja kienet qed toqrob sew! Ix‑xini reġa’ dar, u beda jitbiegħed minni. F’qasir żmien kont waħdi fuq id‑dgħajsa, bogħod mill‑bajja u mix‑xini, u l‑mewġ kien qed jogħla u jiħrax. Kont għasra u kiesaħ silġ. Qgħadt bilqiegħda, imwerwer, u bdejt naħseb li kont se mmut hemm. Għajni marret bija u bdejt noħlom b’dari.
Meta stenbaħt, kien sebaħ. Il‑kurrent kien kaxkar id‑dgħajsa lejn il‑Lbiċ tal‑gżira. L‑art ma kenitx ’il bogħod, imma din in‑naħa tal‑gżira kienet kollha blat u rdumijiet. Ippruvajt inġib il‑mappa quddiem għajnejja. Stajt niftakar li fil‑qrib kien hemm parti tal‑gżira msejħa Lsien il‑Bosk. Ftakart ukoll li skont il‑mappa hemmhekk kien hemm kurrent qawwi li jieħu għat‑Tramuntana. Għalhekk qtajtha li nieqaf fi Llsien il‑Bosk.
Bdejt nibża’ hekk kif id‑dgħajsa bdiet titbandal mal‑mewġ qawwi. Bdejt naqdef bil‑mod, kont għajjien u bil‑għatx. F’daqqa waħda lmaħt is‑siġar ta’ Lsien il‑Bosk. Imma l‑kurrent kien qawwi wisq, u qbiżt l‑Ilsien. F’daqqa waħda lmaħt l‑Hispaniola quddiemi, daqs nofs mil ’il bogħod.
“Issa l‑pirati se joqtluni,” għidt bejni u bejn ruħi.
Imma ftit wara osservajt li x‑xini kien qiegħed miexi b’mod stramb: jimxi ftit u jieqaf, jerġa’ jimxi ftit u jerġa’ jieqaf, u mbagħad dar lejn il‑Punent, lejn Nofsinhar, lejn il‑Lvant, lejn it‑Tramuntana. Bqajt inħares mistagħġeb sakemm ma fhimtx x’kien qed jiġri. Ix‑xini kien bla kontroll. Il‑pirati fuqu kienu jew fis‑sakra jew reqdin.
Għalhekk issa ħakmitni idea oħra: forsi jkolli ċans nitla’ abbord u nikkontrollah, u nżommu għall‑Kaptan. Bdejt naqdef lejh. Mexxejt id‑dgħajsa quddiem nett tax‑xini, qbiżt u ggranfajt mal‑pupress. Id‑dgħajsa tfarrket mal‑poppa tax‑xini, imma jien issa kont fuq ix‑xini!
Tlajt fuq il‑gverta. Ma kien hemm ħadd abbord? Smajt iż‑żaqżiq tal‑injam tax‑xini hekk kif beda jdur mal‑kurrent. F’ħin minnhom ilmaħt liż‑żewġ pirati, mixħutin fuq il‑gverta, lejn in‑nofs tax‑xini. Għall‑ewwel ħsibt li kienu reqdin, imma mbagħad rajt ukoll li kien hemm ħafna demm fuq il‑gverta, u qtajtha li kienu mejtin. Hekk kif bdejt nersaq lejhom, rajt lil Israel Hands jiċċaqlaq.
“Brandy,” smajtu jgħid b’leħen dgħajjef.
Inżilt fil‑kabina tal‑Kaptan. Mal‑art kien hemm ħafna fliexken vojta. Wieħed minnhom kien għad kellu xi ftit brandy. Ħtaftu, u ħadt ukoll xi ġobon u galletti. Xrobt belgħa ilma minn ġol‑bettija tal‑ilma, u mbagħad għaddejt il‑brandy lil Hands. Niżżlu fi ftit belgħat.
“Hawn x’ġara?” staqsejtu.
Hands ħares lejn il‑pirata l‑ieħor. “Issa dak il‑kelb mejjet,” wieġeb. “Int x’inti tagħmel hawn?”
“Ix‑xini huwa tiegħi, issa, Sur Hands,” għidtlu. “Mela jekk jogħġbok sejjaħli Kaptan.”
Ħares ħarsa twila lejja, imma ma tniffisx. Mort inniżżel il‑Jolly Roger.
“Nistgħu nitkellmu ftit, Kaptan Hawkins?” lissen Israel. “Jien u dak is‑sieħeb – O’Brien – konna biħsiebna mmexxu x‑xini lura fil‑port fejn kien qabel. Imma issa – issa mejjet, hu. Min se jmexxi x‑xini? Int? Le, inti m’għandekx il‑ħila. Agħtini x’niekol u x’nixrob, u xi ħaġa għall‑ferita. U mbagħad ngħidlek kif għandek tagħmel.”
“M’aħniex sejrin lura l‑port,” weġibtu jien. “Se nieħdu lejn id‑daħla tat‑Tramuntana, u ntellgħu fuq ix‑xatt hemmhekk.”
“Id‑daħla tat‑Tramuntana? Kollox sew, ngħinek tieħdu hemm.”
“Tajjeb. Għidli x’għandi nagħmel.”
F’qasir żmien, l‑Hispaniola beda jbaħħar lejn it‑Tramuntana. Irbatt maktur madwar il‑ferita f’sieq Hands. Kiel xi ftit u xorob aktar brandy, u malajr beda jistejqer. Ix‑xini kien maħmuġ, u biex ikolli xi ħaġa x'nagħmel, bdejt innaddfu. Sadattant il‑pirata qagħad josservani, b’ħarsa li ma kenitx qed togħġobni.
Malajr baħħarna tul in‑naħa tat‑Tramuntana tal‑gżira, imma ma stajniex intellgħu x‑xini fuq ir‑ramel mill‑ewwel. Kellna nistennew sakemm il‑kurrent idaħħal il‑mewġ. Hands beda jitkellem.
“Kaptan,” qalli b’dik it‑tbissima suspettuża tiegħu. “Tista’ tmur fil‑kabina u ġġibli flixkun inbid? Dan il‑brandy huwa qawwi wisq.”
Din il‑biċċa m’emminthiex, u kont ċert li kien qed jippjana xi ħaġa. Mill‑banda l‑oħra kont naf li ma kienx wieħed li kien jilħaqlu ħafna. Allura nżilt isfel, imma ma mortx fil‑kabina. Mort f’parti oħra tax‑xini minn fejn stajt nosservah. U kelli raġun!
Rajtu jitkaxkar lejn in‑naħa l‑oħra tal‑gverta, fejn kien hemm ħabel mibrum. Minn ġol‑ħabel rajtu joħroġ sikkina. Kienet miksija kollha demm. Daħħalha fil‑but. Mela kien biħsiebu joqtolni!
Madankollu stajt nobsor li ma kontx f’periklu immedjat. “Mhux se jipprova joqtolni issa,” bdejt naħseb. “Għandu bżonni biex intellgħu x‑xini fuq ir‑ramel flimkien.”
Tlajt lura bl‑inbid. Tajtulu u xorob ftit minnu.
“Jim, aqtagħli ftit tabakk,” qalli. “M’għandix sikkina. Qed immut, aqtagħli biċċa tabakk tal‑aħħar.”
Qtajtlu biċċa. “Inti raġel ħażin, Sur Hands,” lissint.
“Tassew? U għaliex, Jim?”
“Għaliex? Qtilt lil dan ir‑raġel, O’Brien!”
Weġibni, “Dak għax naf li nies mejta mhumiex perikolużi. Issa, Kaptan Hawkins, segwi l‑ordnijiet tiegħi u nkunu nistgħu ntellgħu x‑xini fuq ir‑ramel.”
Kienet biċċa xogħol diffiċli, imma Hands kien baħħar tajjeb. Dħalna fid‑Daħla tat‑Tramuntana, fejn il‑baħar kien aktar kalm.
“Hemm!” lissen Hands hekk kif ipponta lejn parti mill‑bajja. “Hemmhekk tajjeb. Intellgħu x‑xini hemm.”
Malli l‑mument kien f’waqtu, qalli, “Issa, Jim. Tellgħu issa!”
Intlift bl‑eċċitament malli ħassejt ix‑xini jgħaġġel ’il quddiem, u għal mument aljenajt rasi! Kien qiegħed warajja. Naħseb li smajt xi ħaġa, għaliex f’daqqa waħda dawwart rasi, u sibtu bis‑sikkina mgħollija fuqi. Jien għajjatt bil‑biża’ u ġrejt lejn l‑arblu ewlieni. Ħriġt waħda mill‑pistoli u ppruvajt nispara, imma kienet imxarrba, u ma ħadmitx. Hands baqa’ ġej lejja, b’wiċċ irrabjat.
Kien f’dak il‑mument li l‑Hispaniola laqat ir‑ramel. Kien hemm skoss qawwi hekk ix‑xini miel xi ħamsa u erbgħin grad. Jien u Hands iżżerżaqna miegħu fuq il‑gverta. Qomt bilwieqfa malajr, imma issa ma stajtx niġri sew għax kollox kien immejjel ħamsa u erbgħin grad. Ersaqt kif stajt lejn l‑arblu, u bdejt tiela’ miegħu. Bqajt tiela’ sa fuq nett. Ilħaqt il‑pennun tal‑arblu, u waqaft hemm. Ħriġt iż‑żewġ pistoli u kkargajthom bil‑porvli xott.
Ilmaħt lil Hands iħares lejja minn isfel, jipprova jħabbel rasu kif jilħaqni. Poġġa s‑sikkina bejn snienu u beda tiela’ mal‑ħbula.
“Tkomplix tiela’, Sur Hands, inkella nispara!” avżajtu.
Waqaf, u deher li kien qiegħed jaħsibha. Ħataf is‑sikkina minn ħalqu. “Jim,” qalli, “ikolli noqtlok, imma diffiċli toqtol ġuvnott bħalek.”
F’daqqa waħda idu ċċaqalqet bħal leħħa, u ħassejt is‑sikkina tinfidli spallti. Bix‑xokk, sparajt iż‑żewġ pistoli u tlaqthom minn idejja. Smajt għajta u ħarist ’l isfel. Rajt lil Hands jaqa’ fl‑ilma. Baqa’ f’wiċċ l‑ilma, ma jiċċaqlaqx, wiċċu ’l isfel. Kien mejjet.
Issa bdejt inħoss l‑uġigħ fi spallti ħafna iktar. Bdejt inħoss id‑demm iċarċar mal‑qmis u nieżel ma’ idi. Ippruvajt niġbed is‑sikkina ’l barra, imma bdejt nirtogħod, sakemm fl‑aħħar ħarġet.
Bil‑mod, bdejt nieżel mal‑arblu. Mort fil‑kabina. Hemmhekk ġejt f’sikkti u rajt li għalkemm kien hemm ħafna demm, il‑ferita ma kenitx daqshekk fonda daqskemm kont immaġinajt.
Ħsiltha u kebbibt maktur madwarha. Erġajt tlajt fuq il‑gverta. Issa kien qed jidlam, u ddeċidejt li ninżel fuq l‑art. Kont fuq ix‑xwiek biex infittex ngħid lil sħabi li issa x‑xini kien tagħna. Inżilt mix‑xini u bdejt nimxi lejn il‑fortina.
Billi kien imsaħħab u l‑qamar kien moħbi, kien diffiċli għalija li nara fejn kont miexi. Fl‑aħħar it‑temp fetaħ u bid‑dawl tal‑qamar stajt nara aħjar. Wasalt ħdejn il‑fortina, u lmaħt ħuġġieġa nar barra l‑gabbana. Rajtha ftit stramba, għax is‑soltu konna qed nixegħlu l‑ħuġġieġa ġewwa l‑gabbana.
Ersaqt lejn il‑palizzata baxx baxx. Dħalt u mort lejn il‑bieb tal‑gabbana. Il‑qamar kien reġa’ nħeba wara s‑sħab. Ġewwa ma kienx hemm dwal, u ma stajt nara xejn.
Malli dħalt, dwiet twerżiqa. “Biċċiet tat‑tmienja! Biċċiet tat‑tmienja!”
Il‑Kaptan Flint! Il‑pappagall ta’ Long John Silver! Dort biex niġri ’l barra minn hemm, imma sibt ruħi f’idejn wieħed mill‑pirati.
“Ġib torċa, Dick,” qal Silver.
Dick ħareġ, u ġab biċċa għuda mill‑ħuġġieġa. Bid‑dawl fil‑gabbana, issa stajt nara eżatt il‑qagħda mwiegħra li kont fiha. Silver u sħabu kienu ħadu l‑fortina. Sħabi ma kinux hemm, u jien kont priġunier.
“Tajjeb!” kompla Silver. “Jim Hawkins ġie jżurna. Din sorpriża sabiħa għax‑xwejjaħ John.” Beda jpejjep il‑pipa. “Għandek kuraġġ,” lissen. “Imm’issa se tmut. Sħabek mhumiex se jgħinuk. Ħrabtilhom, u issa ma tistax terġa’ tmur lura magħhom. Ma jridukx.”
Mela sħabi kienu għadhom ħajjin! Kont kuntent b’dik l‑aħbar.
“Għalhekk issa tista’ tiddeċiedi, Jim,” kompla Silver. “Xi trid? Li tkun magħna – jew li tmut?”
F’dak il‑mument rajt il‑mewt tassew qrib, u kont imbeżża’. “Qabel ma niddeċiedi, tistgħu tgħiduli x’ġara hawn, u fejn qegħdin il‑ħbieb tiegħi?” staqsejt.
Silver weġibni. “Ilbieraħ filgħodu Dr Livesey ġie jarana b’bandiera bajda. Qalilna li x‑xini kien għeb u ma kellhom l‑ebda ċans. Morna naraw b’għajnejna, u fil‑fatt ix‑xini tassew kien għeb! Allura bdejna niddiskutu. U issa, hawn aħna, b’ħafna ikel u xorb u nar biex iżommna sħan. Sħabek telqu. Ma nafux fejn marru. Staqsejt lil Dr Livesey dwarek, u kemm kellu nies. Qalli li b’kollox kienu erbgħa, wieħed minnhom ferut. Ma kinux jafu x’sar minnek għax kont għosfort mingħajr kliem, u issa ma jridux jarawk aktar. Dawk kienu kliemu, Jim.”
“Naf li se toqtluni,” għidt jien. “Imma l‑ewwel irrid ngħidilkom l‑istorja tiegħi. Hawn intom: mingħajr xini, mingħajr teżor, u ħafna minnkom mejtin. Trid tkun taf min hu l‑kaġuni ta’ dan? Jien! Jien kont fil‑bettija tat‑tuffieħ meta smajtek titkellem ma’ Hands, Dick u l‑oħrajn. U jien kont li qtajt il‑ħabel tal‑ankra tal‑Hispaniola. Jien qtilt lil Israel Hands. Jien ħbejt l‑Hispaniola fejn qatt m’intom se ssibuh. M’iniex qed nibża’ minnek, John Silver. Oqtolni jekk trid. Imma jekk toqtolni, ma jkollokx xhud li jaqbeż għalik meta jaqbduk u jkollok proċess. Jekk nibqa’ ħaj, nista’ ngħinkom u nsalvalkom ħajjitkom.”
F’dak il‑waqt, wieħed mill‑pirati, Morgan, ħareġ sikkina. “Issa se tmut,” lissen.
“Stenna ftit!” qabeż Silver. “Min taħseb li int, Tom Morgan? Inti l‑kaptan, hawn? Le! Jien il‑kaptan, u tinsiehx, dan!”
“Tom qed jgħid sewwa,” qabeż pirata ieħor. “Inti tista’ tmur l‑infern, Silver!”
“Kif, tridu tisfidawni?” għajjat Silver. “Ejja, aqbdu xabla – kollha kemm intom – jekk tridu tmutu. Allura? Qed nistenna. Min irid imut l‑ewwel?”
L‑ebda pirata ma ċċaqlaq. L‑ebda pirata ma tniffes.
“Sewwa. Jien il‑kaptan hawn għax nista’ niġġieled aħjar minn kull wieħed minnkom,” kompla Silver. “Jogħġobni, dan il‑ġuvnott. Għandu l‑kuraġġ – ħafna aktar minnkom kollha f’salt. Ħa nara, min irid jiġi joqtlu?”
Kien hemm ħin twil ta’ skiet perfett. Silver baqa’ wieqaf ħdejja. Kien għadu qed ipejjep il‑pipa waqt li ħares lejn l‑oħrajn.
Fl‑aħħar, wieħed mill‑pirati lissen, “Ħalli noħorġu barra u niddiskutu l‑biċċa.”
Wieħed wara l‑ieħor, il‑pirati ħarġu mill‑gabbana.
“Isma’ Jim,” lissen Silver minn taħt l‑ilsien. “Dawk biħsiebhom joqtluni, u wara joqtlu lilek. Imma rrid ngħinek. Mument ilu, meta inti tkellimt b’dak il‑kuraġġ kollu, iddeċidejt li ngħinek. Ħsibt li jekk ngħinek, tkun tista’ tgħin lili int. Jien insalvak, u inti ssalva lili.”
“Nagħmel milli nista’,” lissint jien.
“Tajjeb, Jim! Isma’. Jien m’iniex ċuċ. Jien issa miftiehem ma’ Trelawney. Inti għandek ix‑xini. Ma nafx kif irnexxielek, imma jiena naf naċċetta telfa, u issa qiegħed miegħek.” Silver ħa ftit cognac minn bettija. “Ixrob miegħi, Jim! Dalwaqt jiġu lura, u mbagħad ...” Osservajt li kien nervuż hekk kif beda jħares lejn il‑bieb. “Għalfejn tani l‑mappa, Dr Livesey, Jim?”
Ma fhimtx x’kien qiegħed jgħid, u ħarist lejh mistagħġeb.
“Iva, tani l‑mappa,” kompla Long John. “Għaliex?”
F’dak il‑mument infetaħ il‑bieb u l‑pirati bdew deħlin. Wieħed minnhom, George, resaq lejna. Kellu xi ħaġa f’idu x‑xellugija.
“Ejja, mhux se nieklok,” lissen Silver.
Il‑pirata tah biċċa karta. Silver ħares lejha. “Id‑dabra s‑sewda!” qal.
“Iva, John Silver!” qabeż George. “Għandek id‑dabra s‑sewda. Issa spiċċajt, int. M’intix kaptan tajjeb. Mexxejt l‑affarijiet ħażin. Tkellimt mat‑tabib, u issa huma ħielsa. U xi ngħidu dwar dan it‑tifel? Se jarrestawna u nispiċċaw fuq il‑forka. U għaliex, dan? Għax int mexxejt l‑affarijiet ħażin!”
“Jien?” wieġeb Silver. “Ħeqq! Intom għamiltu ta’ raskom. Ma smajtux minni, u issa araw fejn qegħdin! Kollha se mmutu fuq il‑forka, Londra. Tort ta’ min, dan? Tort tagħkom! U issa tridu toqtlu lili?!”
Silver kien tassew irrabjat, u kien qed jitkellem b’leħen għoli u sod. Il‑pirati baqgħu jisimgħu.
“Kollha se mmutu, u se nispiċċaw ikel għaċ‑ċawl,” kompla. “Grazzi għalikom! U t‑tifel? Dak huwa l‑priġunier tagħna, l‑ostaġġ tagħna! Se noqtlu lill‑ostaġġ? Jista’ jitkellem għalina meta nkunu priġunieri Londra. Dak l‑aħħar tama, għalina! Noqtluh? Mhux jien, żgur mhux forsi! Ħarsu lejkom infuskom! Intom kollha feruti. U inti, George, għadek marid bid‑deni. Allura x’għamilt, jien? Ma qtiltx lit‑tabib. Le, tkellimt miegħu. U issa qed jiġi kuljum biex idur bikom. Mexxejt ħażin? Mela ħarsu ’l hawn!”
Long John tefa' biċċa karta mal‑art. Kienet il‑mappa ta’ Billy Bones, bit‑tlitt islaleb fuqha. Mela kien tassew dak li qalli Silver, qabel – Livesey kien tah il‑mappa! Imma allura, għaliex għamel hekk?
Malli rawha, il‑pirati ġrew lejha u ħatfuha. Bdew jgħajtu bil‑ferħ.
Imma George baqa’ lura. “Issa kif nistgħu neħduh, it‑teżor, la m’għandniex ix‑xini?” staqsa.
“U min tilfu x‑xini?” wieġeb Silver, bil‑ħatfa. “Jien irnexxieli nieħu l‑mappa u intom tliftu x‑xini. Imma jien mexxejt ħażin, hux hekk? Kellimni bir‑rispett, lili, George Merry, jew noqtlok!”
“Għandu raġun,” lissen Morgan.
“Dażgur li għandi raġun!” qabeż Silver fil‑pront. “Imm’issa ma rridx inkun aktar il‑kaptan tagħkom! Sibu kaptan ieħor!”
“Le,” għajtu l‑pirati għalenija. “Irridu lilek, Long John!”
“Mela x’se nagħmel b’din id‑dabra s‑sewda, ħbieb? Jien ma rridhiex. Ħudha inti, Jim. Rigal mingħand ix‑xwejjaħ John.”
U dak kien it‑tmiem tad‑dibattitu. Wara, ħadna ftit brandy, u morna norqdu. Imma jien ma rqadtx mill‑ewwel. Bdejt nhewden dwar Silver u l‑logħba perikoluża li kien qed jilgħab. Ma riedx jispiċċa fuq il‑forka, u kien qed jagħmel minn kollox biex isalva ħajtu. Kien raġel ħażin, imma fl‑istess ħin kont qed nitħassru. Il‑qagħda tiegħu kienet tassew perikoluża.
Stenbaħt l‑għada filgħodu meta smajt xi vuċijiet. Dr Livesey kien ġej. Minn banda kont kuntent li narah, imma stħajt inħares f’għajnejh – issa li sħabi ma ridux ikellmuni aktar.
“Bonġu, Dr Livesey,” lissen Long John. “Hawn Jim Hawkins.”
“Mhux Jim!” wieġeb it‑tabib, mistagħġeb. Daħal fil‑gabbana. Tani ħarsa mgħaġġla, imma ma tbissimlix, u beda jgħin lill‑ferut.
“Ħadt il‑mediċina li tajtek?” staqsieh it‑tabib.
“Iva, Sinjur,” wieġeb George Merry.
“Issa jien tabib tal‑pirati, u ma rrid nitlef lill‑ebda wieħed minnkom għall‑proċess f’Londra.” Livesey eżamina lil George ftit aktar. Wara li lesta, dar fuq Silver. “Jiena lest hawn. Qabel ma nitlaq, nixtieq nitkellem mal‑ġuvnott, jekk jogħġobkom.”
“Le!” għajjat George, kollu rabja.
“Iskot!” qabeż Silver. “Dr Livesey, grazzi għas‑servizz tiegħek. Hawkins, tagħtini kelmtek li ma taħrabx?”
“Iva,” weġibtu jien.
“Dr Livesey, oħroġ barra l‑palizzata. Jim jibqa’ fuq il‑parti ta’ ġewwa. Kellmu minn hemm.”
Meta t‑tabib ħareġ mill‑gabbana, il‑pirati wrew lil Silver li ma kinux kuntenti. Qalulu li kienu qegħdin jifhmu l‑logħba tiegħu sew.
“Għamilna paċi mat‑tabib u sħabu,” qalilhom. “Imma dik il‑paċi nistgħu niksruha meta rridu. U mbagħad lit‑tabib noqtlu jien stess – oqogħdu fuq kliemi!”
Silver ġie miegħi u ma’ Livesey ħdejn il‑palizzata. Livesey ħareġ fuq barra waqt li jien bqajt ġewwa kif konna ftehimna. “Qed tara, Dott?” lissen Silver. “Qiegħed ngħin lil Jim. Jista’ jgħidlek hu li salvajtlu ħajtu. Din il‑logħba hija perikoluża ħafna għalija. Ftakar f’dan, u għinni meta tkun tista’.”
Osservajt li wiċċ Silver kien abjad karti, u leħnu kien qed jitriegħed.
“Jaqaw qed tibża’ John?” staqsieh it‑tabib.
“Dott, jien ma nibża’ minn xejn, imma ma rridx immut fuq il‑forka, f’Londra. Inti bniedem onest. M’intix se tinsa li Long John għenek.”
B’dan il‑kliem tbiegħed minna, u poġġa fuq ir‑ramel.
It‑tabib dar lejja b’ħarsa mdejqa. “Issa qiegħed mal‑pirati, Jim. Qed tara x’jiġri meta tagħmel affarijiet stupidi. Ħrabt meta l‑Kaptan kien marid u ferut. Għamilt ħażin!”
F’dak il‑waqt bdejt nolfoq. “Tassew jiddispjaċini! Naf li għamilt ħmerija, u minħabba f’hekk issa priġunier. Dr Livesey, issa qed nibża’!”
Issa t‑tabib ma deherx aktar irrabjat. “Jim, aqbeż il‑palizzata u aħrab miegħi!”
“Imma lil Silver tajtu kelmti.”
“Ma jgħoddx! Ma tistax tibqa’ hawn. Isa, aqbeż!”
“Le, taf li ma nistax, Dr Livesey. Imma isma’. Ix‑xini waqqaftu fid‑Daħla tat‑Tramuntana. Qiegħed fuq il‑Bajja ta’ Nofsinhar.”
Lit‑tabib irrakkuntajtlu bil‑ħeffa l‑avventura tiegħi. Malli spiċċajt, qalli:
“Jim, inti l‑ħin kollu ssib mezz biex issalvana! Imma issa xieraq insalvaw lilek. Isma’ sew, Ben Gunn qalli xi ħaġa ...” Qata’ kliemu, u sejjaħ lil Silver. “Tawlu l‑ħin sakemm tfittxu t‑teżor. U oqogħdu attenti ħafna meta ssibuh. Se jkun hemm il‑problemi.”
“Sinjur, ma nistax nifhmek,” lissen Silver. “Għalfejn tlaqtu l‑fortina? Għalfejn tajtni l‑mappa? U issa qed tgħidli biex inġebbdu sakemm insibu t‑teżor? Għaliex? X’inhuma l‑problemi li qed issemmi?”
“Ma nistax nispjegalek issa, Silver. Imma nista’ ngħidlek li se nagħmel minn kollox biex ngħinek meta nkunu Londra. Nagħmel minn kollox biex insalvalek ħajtek.”
Wiċċ Silver issa xegħel. “Grazzi tassew, Sinjur!”
“Imm’issa trid tgħin lil Jim. Inti responsabbli għalih, Silver. Qed tifhimni? Issa se jkolli nitlaq. Saħħa, Jim.”
B’dan il‑kliem, Livesey ħalliena u għeb qalb is‑siġar.
“Jim,” qalli Silver. “Smajtu lit‑tabib meta qallek biex taqbeż il‑palizzata u taħrab miegħu. Ma mortx miegħu u salvajtli ħajti. Ta’ dan nibqa’ nafulek. Imm’issa rridu nfittxu t‑teżor. Tiftix tat‑teżori ma jogħġbunix, għax jistgħu jkunu perikolużi u dejjem jispiċċaw ħażin. Ibqa’ maġenbi l‑ħin kollu.”
Waqt li ħadna kolazzjon ta’ bejken u biskuttini mal‑oħrajn, Silver qalilhom:
“Sħabi, intom ixxurtjati għax għandkom lix‑xwejjaħ John, u John jaħseb ħafna. L‑oħrajn għandhom ix‑xini u aħna ma nafux fejn qiegħed. Dak nistgħu nsibuh wara. Issa għandna d‑dgħajjes u għandna lil dan l‑ostaġġ, hawn. Imma meta nsibu x‑xini, noqtluh mal‑oħrajn.”
Kont imwerwer, u ma kellix aptit il‑kolazzjon. Bdejt nhewden dwar ir‑raġuni għalfejn sħabi kienu telqu l‑fortina. U għalfejn kienu taw il‑mappa lil Silver? X’ried jgħid it‑tabib meta semma li se jkun hemm problemi meta nsibu t‑teżor? Ma stajt insib l‑ebda tweġiba għal dawk il‑mistoqsijiet.
U hekk bdiet it‑tiftixa għat‑teżor. Silver kien armat b’żewġ xkubetti, xabla u żewġ pistoli fi bwietu. Il‑pappagall kien imxabbat fuq spalltu u jitkellem il‑ħin kollu. Jien imxejt warajh, b’ħabel madwar għonqi.
L‑ewwel inżilna l‑bajja u qbadna ż‑żewġ dgħajjes. Silver ħares lejn il‑mappa. Fuq wara kien hemm miktub:
Is‑siġra t‑twila, l‑għolja tat‑Teleskopju.
Tagħti lejn il‑Grigal.
Il‑Gżira tal‑Iskeletru, Lbiċ.
“Mela l‑ewwel irridu nsibu s‑siġra t‑twila,” qal Silver.
Bdejna naqdfu matul il‑kosta sakemm rajna biċċa art għolja u ċatta viċin l‑Għolja tat‑Teleskopju, kollha miksija bis‑siġar. Ftit mis‑siġar kienu itwal mill‑oħrajn. Għalhekk waqafna hemm, inżilna fuq l‑art, u bdejna telgħin bil‑mod lejn l‑għolja ċ‑ċatta. F’daqqa waħda smajna ’l wieħed mill‑pirati quddiemna jgħajjat. Ġrejna biex naraw x’kien ġara.
“Sab it‑teżor?” staqsa Morgan.
“Le,” wieġeb ieħor. “Xi ħaġa beżżgħetu ...”
Mument wara lmaħna skeletru mal‑art taħt siġra, u demmna kesaħ.
“Kien baħri,” lissen George Merry.
“Ara saqajh u jdejh,” qal Silver. “Mhumiex f’pożizzjoni naturali.”
Tassew, l‑għadam ta’ saqajh kienu qed jippuntaw lejn direzzjoni. L‑għadam ta’ jdejh kienu qed jippuntaw lejn direzzjoni oħra.
“Naħseb naf għalfejn,” qal Silver. “Araw, qed jipponta lejn id‑direzzjoni tal‑Gżira tal‑Iskeletru. Flint qatlu u poġġieh hawn biex juri d‑direzzjoni.”
“Dak Allardyce,” lissen Morgan, imħasseb. “Niftakru. Kont tajtu s‑sikkina tiegħi.”
“Sewwa, imma s‑sikkina mhix hawn, issa. Fejn qiegħda?” staqsa George.
“Forsi ħadha Flint,” wieġeb Morgan. “Forsi Flint għadu ħaj!”
“Le, Flint mejjet,” qabeż George.
“Mela forsi l‑fantażma tiegħu!” kompla Morgan.
“Aqtgħuhom dal‑ħmerijiet!” għajjat Silver. “Flint mejjet u m’hawnx fantażmi. Ejja, ħa nimxu.”
Komplejna mixjin. Fuq il‑quċċata tal‑għolja, waqafna nistrieħu. Stajna naraw Ilsien il‑Bosk quddiemna. Fuq in‑naħa l‑oħra kellna l‑Għolja tat‑Teleskopju.
“Hemm tliet siġriet biss li huma twal lejn id‑direzzjoni tal‑Gżira tal‑Iskeletru,” qal Silver. “M’għandhiex tkun diffiċli, issa. Ejjew, nies, tlaqna!”
F’daqqa waħda nstema’ leħen minn qalb is‑siġar.
“Ħmistax‑il raġel fuq Senduq ir‑Raġel il‑Mejjet – Jo ħo ħo, u flixkun rum!”
Kien leħen stramb, għoli ħafna. Uċuħ il‑pirati saru bojod karti. Issammru fejn kienu.
“Alla magħna! Flint!” lissen George.
Il‑leħen ma baqax jgħanni, imma osservajt li anki wiċċ Silver kien bjad. Madankollu dar fuq l‑oħrajn. “Ejjew, ħbiebi, tibżgħux! Xi ħadd qed jilgħab bina.”
Imma ħesrem il‑leħen reġa’ nstema’ jidwi fl‑arja. Din id‑darba ma kienx qiegħed jgħanni.
“Darby McGraw!” għajjat. “Darby McGraw! Ġib ir‑rum, Darby!”
Il‑pirati ma ċċaqalqux u ma tniffsux.
“Dak il‑kliem niftakru!” lissen Morgan. “Dawk kienu l‑aħħar kliem ta’ Flint!”
Silver kien jidher beżgħan ukoll. “Min jaf l‑isem ta’ Darby McGraw fuq din il‑gżira? Aħna biss, in‑nies ta’ Flint.” Dar fuq sħabu, “Jien irrid dak it‑teżor u ħadd mhu se jwaqqafni! Jekk qiegħed viċin jien se nsibu!”
“John, dak huwa l‑fantażma ta’ Flint!” lissen Morgan.
“Fantażma?” tenna Silver. “Smajtu l‑eku ta’ dak il‑leħen. Fantażmi ma jagħmlux eku – mhux hekk, ħbieb?”
“Tassew,” wieġeb George Merry. “Inti bniedem intelliġenti, John! Kuraġġ, ħbieb! M’iniex ċert huwiex leħen Flint. Kien ... kien qisu ...”
“Ben Gunn, f’ġieħ ix‑xjafek!” għajjat Silver.
“Min jibża’ minn Ben Gunn? Jien żgur li le!” għajjat George.
Kollha nfaqgħu jidħqu, u wiċċhom beda jerġa’ jieħu l‑kulur. Issa komplejna mixjin sakemm wasalna ħdejn l‑ewwel siġra twila. Imma sibna li ma kenitx it‑tajba. Komplejna sakemm sibna t‑tieni waħda. L‑istess, ma kenitx ta’ Flint. It‑tielet siġra li sibna kienet tassew twila, u issa konna ċerti li t‑teżor ta’ Flint kien midfun taħtha.
Mad‑dehra tas‑siġra, il‑pirati kollha marru jiġru lejha. Silver mexa warajhom bil‑mod bil‑krozza. Lili beda jiġbidni bil‑ħabel, u minn daqqiet kien iħares lejja b’ħarsa li kont qed nistħajjilha tgħidli, “Issa se npoġġi t‑teżor kollu fuq l‑Hispaniola u noqtol lilek u lil sħabek kollha!”
Imma f’daqqa waħda rajna lill‑pirati quddiemna kollha weqfin skantati jħarsu lejn l‑art. Malli jien u Silver ilħaqniehom rajna li taħt is‑siġra kien hemm ħofra kbira mal‑art. Kien jidher li kienet imħaffra reċenti għax il‑ħamrija mqallba kienet għadha friska. Fil‑ħofra kien hemm biss ftit pjanċi tal‑injam. Fuqhom kien hemm miktub Walrus – isem il‑bastiment ta’ Flint. Barra minn dawn, ma kien hemm xejn aktar fil‑ħofra. Ma kienx hemm teżor.
Il‑pirati ma setgħux jemmnu dak li kienu qed jaraw. Baqgħu jħarsu skantati lejn il‑ħofra. Imma Silver kien l‑ewwel wieħed li ġie f’tiegħu. Dar fuqi u qalli minn taħt l‑ilsien, “Lesti ruħek, Jim,” u tani pistola.
Bil‑qajla, beda miexi fuq naħa waħda tal‑ħofra. Issa kienet ġejja bejnna t‑tnejn u bejn il‑pirati. Ħares lejja u tbissem. L‑oħrajn qabżu ġol‑ħofra u b’ferħ ta’ ġenn bdew iħaffru b’idejhom. George Merry sab munita, u għaddieha lil sħabu.
“Biċċa tat‑tmienja!” qal lil Silver. “Inti kont taf li l‑ħofra vojta!”
“Trid tkun il‑kaptan int, Merry?” staqsa Silver bil‑kalma kollha.
Imma din id‑darba l‑pirati l‑oħra kienu qed iżommu ma’ Merry, u kienu kollha rrabjati. Bdew ħerġin minn ġol‑ħofra u waqafna hekk, faċċata ta’ xulxin – tnejn fuq naħa, u ħamsa fuq in‑naħa l‑oħra. Silver baqa’ jħares lejhom bil‑kalma tiegħu. Ħadd ma tniffes.
Fl‑aħħar tkellem Merry. “Ħbieb, huma qegħdin tnejn biss. Silver b’sieq waħda, u Hawkins għadu tifel. Issa, ħbieb – ”
Imma ma laħaqx spiċċa s‑sentenza. Dwew tliet sparaturi minn qalb is‑siġar, u Merry waqa’ mejjet ġol‑ħofra. Pirata ieħor waqa’ mejjet ukoll. It‑tlieta l‑oħra lebbtu għal qalb is‑siġar. F’dak il‑waqt, it‑tabib, Gray u Ben Gunn tfaċċaw minn qalb is‑siġar, it‑tlieta bi xkubetta f’idejhom.
“Għaġġlu, ħbieb!” għajjat Livesey. “Lejn id‑dgħajjes qabel ma jilħquhom il‑pirati!”
Ilkoll ġrejna lejn is‑siġar. Għalkemm kien bil‑krozza, Silver irnexxielu jlaħħaq magħna. F’ħin minnhom għajjat lit‑tabib. “Kollox sew, Dott. Mhumiex qed jiġru lejn id‑dgħajjes.” Għalhekk waqafna biex nistrieħu.
Wara li ħadna nifs, komplejna l‑mixja tagħna, u Ben Gunn irrakkuntalna l‑istorja tiegħu.
“Kont sibt l‑iskeletru ta’ Allardyce ħafna żmien ilu, u jien ħadt is‑sikkina tiegħu. U xahrejn ilu sibt it‑teżor. Ftit ftit ħadtu kollu f’għar viċin, f’għolja fil‑Grigal tal‑gżira. Hemm qiegħed, issa.”
U mbagħad kompla t‑tabib. “Tlaqt il‑fortina biex niltaqa’ ma’ Ben, u qalli l‑istorja kollha. L‑għada sibt li x‑xini kien għosfor, għalhekk mort għand Silver u tajtu l‑mappa għax issa kont naf li t‑teżor ma kienx għadu fejn kienet qed timmarka. Wara dan, jien, il‑Kaptan, Trelawney u l‑ħbieb l‑oħra morna noqogħdu fl‑għar ta’ Ben. Jim, ma xtaqtx inħallik mal‑pirati, imm’inti kont ħrabt u ma stajt nagħmel xejn dwar dan. Wara rajtek fil‑fortina u għidtli l‑istorja kollha. Kont naf li kont fil‑periklu, hemm, għalhekk mort lura niġri fil‑għar u jien, Gray u Ben Gunn qbadna l‑ixkubetti. Ridna naslu ħdejn is‑siġra t‑twila qabel il‑pirati, imma intom kontu diġà ħafna quddiemna. Għalhekk Ben ipprova jfixkilkom billi jimita l‑vuċi ta’ Flint. Ilħaqna s‑siġra qabilkom, u stennejna.”
Malli wasalna ħdejn id‑dgħajjes, it‑tabib qered waħda minnhom, u aħna tlajna fuq l‑oħra. Irħejnielha lejn id‑Daħla tat‑Tramuntana. Għaddejna viċin l‑għar ta’ Ben Gunn, u bqajna sejrin għal xi tliet mili. Fl‑aħħar, tfaċċa quddiemna l‑Hispaniola! Fil‑fatt ma kienx għadu fuq ir‑ramel. Il‑mewġ kien daħal ’il ġewwa u kaxkru ’l barra fil‑baħar miftuħ. Madankollu ma kellu l‑ebda ħsara. It‑tabib talab lil Gray biex jitla’ abbord u joqgħod għassa għal dak il‑lejl.
Tellajna d‑dgħajsa fil‑Bajja tar‑Rum, maġenb l‑għar ta’ Ben. Hemmhekk sibna lil Trelawney qed jistenniena barra.
“John Silver,” qal Trelawney. “Inti raġel ħażin ħafna, imma t‑tabib hawn qalilna biex ma narrestawkx. Inti raġel ixxurtjat, Silver.”
“Grazzi ħafna, Sinjur,” wieġeb Silver.
“Tirringrazzjanix! Jien ridt narrestak!”
Kif dħalna fil‑għar sibna lill‑Kaptan Smollett bilqiegħda maġenb ħuġġieġa – u f’daqqa lmaħt it‑teżor ta’ Flint; imniezel u mniezel ta’ deheb, fidda u ġojjelli!
L‑ikel għal filgħaxija kien mogħża li kien qatel Ben u ftit inbid minn fuq l‑Hispaniola. Kollha konna f’burdata tajba. Silver qagħad magħna, jidħaq u jkompli magħna.
Kmieni filgħodu, bdejna nġorru t‑teżor kollu sal‑bajja. Stivajnieh fuq id‑dgħajsa u Ben u Gray ħaduh sal‑Hispaniola. It‑teżor kien kbir, u ħadilna tlitt ijiem biex ġarrejnieh kollu.
Fit‑tielet lejl, jien u t‑tabib tlajna l‑għolja. Fil‑bogħod qalb is‑siġar smajna xi ilħna.
“It‑tliet pirati,” lissen Livesey.
“Jidher li huma kollha fis‑sakra,” qal Silver, warajna.
It‑tabib ma weġibx, u ma ħarisx lejn Silver. Il‑pirata issa kien qed iġib ruħu sewwa ħafna magħna lkoll, u kien qed jagħmel minn kollox biex jogħġobna, imma ħadd minna ma kien għadu beda jafdah.
Maż‑żmien ma bqajniex nisimgħu ħoss mill‑pirati, u ftehimna li nitilquhom fuq il‑gżira. Madankollu, ħallejnielhom xi ikel. Fl‑aħħar tlajna kollha abbord ix‑xini u salpajna. Rajna lit‑tliet pirati jħarsu lejna mill‑bajja.
“Tħalluniex hawn!” bdew jgħajtu.
Imma ma ħadnihomx magħna. Kienu perikolużi, u ma ridniex aktar problemi. F’qasir żmien il‑gżira kienet għebet u stajt nara baħar biss. Kont tassew kuntent.
Konna sitta biss abbord, u ma konniex biżżejjed biex immexxu x‑xini sal‑Ingilterra. Għaldaqstant waqafna f’port fl‑Amerika Spanjola. Ħafna Indjani telgħu abbord biex ibigħu frott u ħaxix. Dak il‑lejl morna fil‑belt u hemm iltqajna ma’ kaptan Ingliż. Ħadna nieklu fuq ix‑xini tiegħu u kien dalam sew meta morna lura fuq l‑Hispaniola. Ben Gunn kien għadu abbord, imma qalilna li Long John Silver ma kienx hemm.
“Telaq f’dgħajsa xi siegħa ilu,” qalilna Ben. “Jien għentu. Imma għamilt hekk biex insalva ħajjitna. Jien ċert li kien joqtolna kollha kieku baqa’ magħna. Ħa parti mit‑teżor miegħu – madwar ħames mitt sterlina.” Minn banda kollha ħadna pjaċir li ħlisna minnu.
Wara dan ma kienx hemm ħafna xi ngħid, għalhekk se naqta’ fil‑qasir.
Minn hemm sibna xi baħrin u b’hekk stajna mmorru lura l‑Ingilterra. Malli wasalna Bristol, qsamna t‑teżor bejnietna. Issa l‑Kaptan Smollett irtira. Gray investa l‑parti tiegħu u issa għandu kumpanija tiegħu. Ben Gunn messu elf lira sterlina, imma berbaqhom fi tliet ġimgħat! Trelawney sablu xogħol fir‑raħal, u issa jkanta fil‑kor tal‑parroċċa.
Qatt ma kelli aħbar John Silver, wara, u ma nafx x’sar minnu. Nimmaġina li issa qed igawdi l‑parti mit‑teżor ta’ Flint li ħa miegħu. Xi kultant għadni noħlom bih u bil‑Gżira tat‑Teżor. U f’daqqa nistenbaħ bil‑vuċi tal‑pappagall, il‑Kaptan Flint, f’widnejja:
“Biċċiet tat‑tmienja! Biċċiet tat‑tmienja!”
Biċċiet tat‑tmienja: Jew dollaru Spanjol; munita antika Spanjola. Kienu jissejħu hekk għaliex tmienja kienu jagħmlu r‑real, munita oħra antika Spanjola. [Lura]
Forka: Il‑post fejn jinqatlu l‑kriminali kkundannati għall‑mewt. [Lura]
Jolly Roger: L‑isem tal‑bandiera li kienu jużaw il‑pirati, ġeneralment tkun ras ta’ mewt b’żewġ għadmiet imsallbin taħtha, fuq sfond iswed. [Lura]
Pennun: Il‑parti fil‑għoli ta’ arblu ta’ xini fejn tifforma salib ma’ arblu mimdud. [Lura]
Pupress: L‑arblu mimdud fuq il‑ponta ta’ quddiem ta’ xini. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja