4.3 Tifrix tal-proġett

Kif semmejt fil‑bidu nett (Fig. 2), għalkemm il‑proġett oriġinarjament sar fi klassi waħda, wieħed jista’ jifrex u jqassam ix‑xogħol lil hinn mill‑ħitan ta’ klassi waħda. Dan naturalment se jżewwaq il‑proġett, għalkemm il‑loġistika se titbiddel u tiżdied ukoll. Aktar minn klassi waħda jkunu jeħtieġu aktar għalliema u l‑bżonn ta’ aktar koordinazzjoni. Skola tista’ tieħu din l‑opportunità biex tħeġġeġ lill‑għalliema jaħdmu flimkien għal għan wieħed, u, ngħiduha kif inhi, jekk waħda mill‑ħiliet soċjali li rridu ngħallmu lill‑istudenti hija dik ta’ kooperazzjoni ☞ , xogħol maqsum bejn l‑għalliema jista’ jservi bħala l‑isbaħ eżempju.

Ma tridx ħafna immaġinazzjoni biex tmur pass tnejn aktar ’il quddiem u tinvolvi klassijiet minn skejjel differenti fl‑istess kulleġġ jew saħansitra f’kulleġġi differenti. Dan se jinvolvi speċi ta’ eTwinning lokalizzat, li m’għandux ikun xogħol diffiċli bit‑teknoloġija tal‑lum.

Meta jkun hemm involuti aktar minn għalliem wieħed ix‑xogħol jista’ jitqassam u jkun aktar rikk. Pereżempju, fejn għalliem waħdu jista’ jagħżel li ma jagħmilx il‑workbook, bi grupp ta’ għalliema dan jista’ jsir aktar faċli u malajr għax jitqassam ix‑xogħol.

Barra minn hekk l‑idea ta’ xogħol bejn klassijiet/ skejjel/ kulleġġi tista’ tiftaħ opportunitajiet interattivi. Jekk fost l‑għalliema li jkunu qegħdin jaħdmu fuq il‑proġett hemm xi ħadd midħla tat‑teknoloġija, wieħed jista’ jfassal attivitajiet interattivi permezz ta’ programmi bħal Kahoot! jew Quizlet, li jinvolvu studenti minn skejjel differenti onlajn.

***** ***** stat_3 ***** *****