Kitba ta’ Rita Saliba
Madwar 1,000 kelma
Horizons (2023)
Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Ħajjat tal-Istejjer miktub minn Rita Saliba u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
Din l‑istorja ġrat ħafna u ħafna żmien ilu, ġo renju ċkejken mistur qalb l‑għoljiet u b’arja ċċaqlaq il‑weraq tas‑siġar taċ‑ċawsli. Ħadd ma kien jaf x’jismu eżatt. Lanqas fuq il‑mappa ma kien immarkat b’isem, tant kemm kien hemm siġar. Għaldaqstant, bosta kienu jsibuh bħala r‑Renju tas‑Siġar taċ‑Ċawsli. Dar‑renju aktar kien qisu belt żgħira bil‑pjazez u t‑toroq imserrpin tiegħu. Ir‑Re Fonzu u martu r‑Reġina Mafalda kienu jsaltnu trankwilli hawn. Gawdew snin twal ta’ paċi u rispett mingħand is‑sudditi fidili tagħhom. Dejjem mexxew b’għaqal u paċenzja man‑nies tal‑belt u mal‑ħaddiema tal‑palazz.
Ir‑renju ċkejken kien magħruf għall‑ifjen drappijiet tal‑ħarir fin li kien jipproduċi. Ir‑Reġina Mafalda kienet tieħu ħsieb id‑dud tal‑ħarir irjali tal‑palazz. Kienet tara li qatt ma kien jonqos il‑weraq taċ‑ċawsli biex dad‑dud ikollu x’jiekol u jeħxien ħalli jsir fosdqa u jinseġ madwaru l‑ħarir. In‑nies tal‑belt kienu joħorġu bi ħġarhom jaqtgħu l‑weraq taċ‑ċawsli u joħduh il‑palazz fil‑bxiekel tal‑qasab. Il‑ħaddiema tal‑ħarir kienu jinsġu l‑ħarir fi drapp li kien ikanġi minn abjad għal isfar dehbi. Il‑palazz kien imżejjen bl‑isbaħ purtieri u r‑Reġina Mafalda kienet titgħaxxaq tarahom jiżżeffnu ma’ żiffa riħ f’xi tieqa miftuħa. Negozjanti kbar kienu jiġu jixtru l‑ħarir u b’hekk ir‑renju ċkejken baqa’ jgawdi minn prosperità u ġid għal ħafna snin.
In‑nies f’dil‑belt żgħira kienu ħabrieka. Wieħed minn dawn kien il‑ħajjat Arċimboldu. Tista’ tgħid li l‑ħjata kollha tal‑palazz kienet tgħaddi minn taħt idejh u subgħajh kienu draw jagħrfu dak id‑drapp fin minsuġ mill‑ħaddiema tal‑ħarir tal‑palazz. Kif kienet tasallu xi pezza, kien inaddaf sewwa l‑ħanut u jittratta d‑drapp daqslikieku kien minsuġ minn ħjut tad‑deheb. Imbagħad erħilu jfassal, iqasqas, ixellel u jħit ħwejjeġ skont l‑ordni li tingħatalu. Ir‑Re u r‑Reġina kienu jħallu f’idejh u wara li jkun lestielhom il‑ħwejjeġ, kienu jibagħtu għall‑pittur irjali biex ipittirhom bl‑ilbies il‑ġdid. Tant kellhom pitturi li ma kellhomx fejn idendluhom aktar u spiċċaw tawhom b’rigal lil rejiet u rġejjen ta’ renji oħra li minn tant għal tant kienu jżuruhom. Lil Arċimboldu dejjem ħallsuh tajjeb u r‑Reġina Mafalda ma kinitx tonqos li tfaħħru għall‑ħila tiegħu. Arċimboldu kien ibaxxi rasu mistħi u jirringrazzjaha minn taħt l‑ilsien.
Kemm kien imur lura d‑dar kuntent Arċimboldu! Kien jixtieq itir lura fi triqtu lejn martu Mandolina biex jgħidilha kemm kienu kuntenti r‑Re u r‑Reġina. Mhux biss, imma Arċimboldu ma tantx kien iħobb jitbiegħed wisq minn Mandolina. Ftit qsajra u mbaċċa, martu kienet qisha pupa taċ‑ċeramika. Li kieku seta’ Arċimboldu kien jagħmilha fuq xkaffa u joqgħod ifarfrilha l‑wardiet ħomor ileqqu ta’ wiċċha. Mandolina kienet ħafifa fit‑tindif u t‑tisjir. Lil Arċimboldu kienet tħobb taħmilu l‑gallettini favoriti tiegħu tal‑ġinġer moħmijin f’forma ta’ farfett tal‑ħarir imżejnin bil‑ġelu. Dawn il‑gallettini kienu l‑ħelu tradizzjonali tar‑Renju tas‑Siġar taċ‑Ċawsli u kont issibhom f’kull ħanut tal‑ħelu. Iżda dawk li kienet taħmi Mandolina kienu speċjali. Kull darba kienu jieħdu togħma differenti. Daqqiet ikunu togħma ta’ ġiżimin, oħrajn ikunu togħma taż‑żahar tal‑larinġ, u ħafna drabi t‑togħma xxaqleb lejn dik ta’ xarba ħelwa magħmula mill‑għasel. Iżda Mandolina qatt ma kienet tiżvela s‑sigriet tar‑riċetta tajba tagħha.
“Aqta’ x’togħma għandhom il‑gallettini llum?” kienet tidħol b’passi ħfief ħdejh Mandolina. U Arċimboldu erħilu jinkiha u jipprova jaqta’ t‑togħma żbaljata, ħalli jara l‑wardiet ta’ wiċċha jiħmaru kemxejn aktar. Iżda għall‑kuntrarju ta’ Arċimboldu ftit li xejn kienet tinqala’ għall‑ħjata.
Wara li tlesti l‑borma u l‑faċendi kienet titla’ fuq il‑bejt titma’ l‑għasafar u tirrakkontalhom stejjer ta’ postijiet kollha siġar b’għadajjar u fatati żgħar bilkemm jidhru. Imbagħad terġa’ tinżel ħdejn Arċimboldu li kien joqgħod jiggustaha tgħidlu x’kienu qalulha dawn il‑ħlejjaq.
Darba minnhom damet ma niżlet ħdejh. Arċimboldu kien fuq ix‑xwiek biex jisma’ dak il‑leħen itaqtaq u hekk kif tfaċċat fil‑bieb tal‑ħanut induna li kien ġara xi ħaġa. Mandolina daħlet ħdejh titbissem. Il‑wardiet ta’ wiċċha kienu qed ileqqu aktar u xofftejha kienu lewn il‑peprin. Il‑ħajjat telaq il‑ħjata minn idejh u għamlilha l‑wisa’ biex tiġi tpoġġi ħdejh.
“Mid‑dehra kellhom ħafna x’jgħidulek l‑għasafar illum,” qalilha bil‑ħlewwa. Mandolina serrħet rasha fuq spallejh u xi ftit mistħija ħabbritlu li kien se jkollhom tarbija. Minn għajnejn Arċimboldu ħarġu żewġ demgħat li ċarċru għal fuq biċċa drapp tal‑ħarir u ffurmaw par ġwienaħ qishom tal‑kristall, li kif qabdu raġġ dawl sparixxew minnufih.
Arċimboldu u Mandolina ma damux ma kellhom tarbija. Tweldilhom tifel li tant kien ċkejken li kien joqgħod eżatt daqs il‑pala ta’ id Arċimboldu. Semmewh Benjaminu. Kellu wardiet ħomor u jleqqu bħal ta’ ommu Mandolina, li kienet il‑ħin kollu tbennen fih u tirrakkontalu l‑istejjer li kienu jġibu magħhom l‑għasafar minn artijiet ’il bogħod minn tagħhom. Benjaminu kien jissaħħar jisma’ u dlonk kien jieqaf jibki hekk kif jisma’ leħen ommu ssefsiflu rakkont wara ieħor f’widnejh. L‑għasafar fuq il‑bejt tagħhom bdew jiżdiedu u malli kienu jilmħu lil Benjaminu f’idejn ommu, kienu jtiru tond fi ċrieki madwar Mandolina jpespsu l‑aħħar praspar tagħhom sakemm jaraw liċ‑ċkejken ifaqqa’ d‑daħk.
Għodwa minnhom, kien hemm arja ta’ festa fir‑Renju tas‑Siġar taċ‑Ċawsli. Fl‑arja nstemgħet il‑mużika ħelwa li kienet qed tindaqq fit‑toroq.
Iż‑żwiemel bojod qotna tal‑palazz kienu qed jiġbdu l‑karozzella tar‑Re Fonzu u r‑Reġina Mafalda. Magħhom kellhom ukoll il‑Prinċep li tweldilhom. In‑nies tar‑renju ċkejken ħarġu bi ħġarhom jilqgħuhom u jifirħu magħhom. Anke Arċimboldu waqaf iħit u flimkien ma’ Mandolina u Benjaminu ħarġu fil‑bieb tal‑ħanut biex jifirħu bil‑familja rjali. Hekk kif rat lil Benjaminu f’idejn ommu, ir‑Reġina Mafalda waqqfet il‑karozzella u niżlet bit‑tarbija f’idejha. Imxiet lejn Mandolina u ressqet lit‑tarbija lejn Benjaminu.
“Ara, Fawstinu,” bdiet tgħid lill‑prinċep ċkejken f’idejha, “se jkollok ma’ min tilgħab.” Benjaminu ħares lejn it‑tarbija rjali ġdida u beda jitbissem. Iżda hekk kif il‑Prinċep Fawstinu ħares lejn Benjaminu, beda jitkerrah u nfexx f’bikja kbira, tant li kellhom jiġu ż‑żeffiena rjali jiżfnu quddiemu biex forsi jaljenawh.
Benjaminu baqa’ jikber qalb it‑tpespis tal‑għasafar tal‑bejt li kienu jġibu magħhom rakkonti ta’ kavallieri qalbiena, ta’ ninfi lewn il‑fidda u ta’ friefet kbar li joħorġu biss billejl. Ommu, Mandolina kienet tieħu ħsieb iżżewwaq dawn l‑istejjer u tgħannilu xi għanja filwaqt li tbennu biex jorqod. Iżda biż‑żmien, saħħet Mandolina bdiet tnin u l‑wardiet ta’ wiċċha bdew jitilfu xi ftit tal‑kulur. Bilkemm kien ikollha saħħa biex tbennen lil binha. Lejla waħda hi u tbennen lil Benjaminu biex jorqod u tirrakkontalu x’qalulha l‑friefet u n‑nannakoli biżlin, mejlet rasha fuq l‑imħadda tiegħu u għalqet għajnejha. Hekk sabhom Arċimboldu, Benjaminu jilgħab man‑nokkli ta’ Mandolina u Mandolina mimduda bla ħajja ħdejn binha bi tbissimha fuq fommha. Minn għajnejn Arċimboldu niżlu jiġru żewġ demgħat, li malli waqgħu fl‑art iffurmaw żewġt iqlub skuri fuq it‑tapit.
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja