Avventura | Fantasija | Letteratura għat-tfal

Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 1,700 kelma
Merlin Publishers (2026)

Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Ħofra tal-Ilwien miktub minn Norman C. Borg u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.

Prologu,
jiġifieri l-bidu ta’ kollox

1. Iswed, griż u vjola kullimkien!

Kulħadd jaf li l‑Qamar huwa mtaqqab. Imtaqqab minn fuq u minn isfel, mil‑lemin u mix‑xellug, minn kullimkien. Imtaqqab b’ħofor: kbar, żgħar, tondi, fondi, kwadri, koroh, sbieħ. Imtaqqab kollu kemm hu bħall‑ġobon tat‑toqba li xtrat ommi u li qiegħed fil‑friġġ. U kulħadd jaf li s‑sbejħa Qawsalla, dik l‑arkata kollha lwien li tidher wara li tkun għamlet ix‑xita, titlaq minn din id‑dinja u tieqaf hemm fuq, fuq dak il‑Qamar fiddien, f’xi waħda minn dawk il‑ħofor.

Iżda forsi mhux kulħadd jaf fejn tieqaf eżatt, dik il‑Qawsalla. Jien naf, u se ngħidlek. Iżda qis li żżomm dan it‑tagħrif għalik.

Il‑Qawsalla tieqaf fl‑akbar ħofra li hemm fuq il‑Qamar, u li, minħabba f’hekk, tissejjaħ il‑Ħofra tal‑Ilwien. F’din il‑ħofra jgħixu ħlejjaq żgħar, tant żgħar li ma tarahomx jekk mhux b’xi seħer. Huma ħlejjaq ħelwin li jsejħu lilhom infushom il‑Poplu tal‑Ilwien, u tistħajjilhom ġugarelli. Għandhom żewġ idejn u żewġ saqajn, iżda f’daqshekk biss jixbhuna. Rashom hija minfuħa bħal bużżieqa, u minflok imnieħer, għandhom tromba bħal dik ta’ ljunfant.

Billi hi eżatt taħt il‑Qawsalla, il‑ħofra tagħhom hi l‑isbaħ li hemm fuq il‑Qamar, Hemm siġar b’weraq ċelesti u siġar b’weraq roża. Hemm għelieqi koħol, ċelesti u kulur il‑larinġ. Insomma, f’din il‑ħofra, l‑ilwien kollha ġennata waħda,

Iżda fejn hemm il‑ferħ issib ukoll id‑dieqa, u bħalissa l‑Poplu tal‑Ilwien jinsab f’periklu kbir. Il‑Popli l‑Griżi jridu li kulħadd bilfors jogħġbu l‑griż bħalhom (insomma, l‑iswed u l‑vjola jogħġbuhom ukoll). Għalhekk jum fost l‑oħrajn ġabru lis‑suldati tagħhom biex jattakkaw lill‑Poplu tal‑Ilwien u jagħmlu l‑ħofra tiegħu griża bħal ħofor oħrajn fuq il‑Qamar.

“Kemm nobgħodhom, dawk l‑ilwien!” beda jgerger il‑Ġeneral Griżun,

“Jiena jweġġgħuli rasi,” qabeż il‑Kurunell Damdamun, tal‑Poplu tas‑Suttaruni,

“Lil jgħammxuli għajnejja,” kompla l‑Kurunell Qabbiesu, tal‑Poplu tal‑Qommisin,

“Jien ukoll nobgħodhom il‑kuluri,” wieġbet Sħaba Sewda.

“Sewwa. It‑truppi lesti?”

“Kollha, Ġeneral.”

“Tiegħek, Qabbiesu?”

“Lesti, Ġeneral,”

“Tiegħek, Damdamun?”

“Ukoll, Ġeneral.

“U inti, Sħaba Sewda?”

“Malli tgħidli, intir fuq l‑għelieqi kollha lwien, nonfoħ fuqhom, u nbiddel kull kulur f’iswed.”

“Prosit, prosit. Jiena stess immexxi lill‑Waħxunin tiegħi. Kull minn jara d‑daħqa tal‑waħx tagħna jsir vjola bil‑biża’, u f’qasir żmien, il‑Poplu tal‑Ilwien ikun kollu f’idejna! Kollu griż! Kollu vjola! Kollu iswed!”

Bdiet Sħaba Sewda, li taret fuq l‑għelieqi kollha mlewna, u bdiet tonfoħ ir‑riħ tagħha. U f’qasir żmien l‑għelieqi kollha saru suwed.

niżlu s‑suldati l‑Qommisin tal‑Kurunell Qabbiesu. Mal‑ordni tal‑Kurunell Qabbiesu bdew joqomsu minn triq għal oħra ta’ Belt l‑Ilwien. Kull ħaġa li kienu jaqgħu fuqha kienu jgħattnuha u ssir griża.

Wara ġew is‑suldati l‑Waħxunin tal‑Ġeneral Griżun. Kienu vjola minn rashom sa saqajhom. Mgħawġin ganċ, kienu jiġru bl‑iskossi. B’għajnejhom ħomor nar, dejjem imberrqin, u bi dwiefer twal u ppuntati bħal skieken, ħalqhom kien dejjem miftuħ fi tbissima kerha li kienet tikxef żewġ fillieri snien ippuntati.

U għal min kien jirnexxilu jiżgiċċa minn Sħaba Sewda, mill‑Qommisin, jew mill‑Waħxunin, kien hemm is‑Suttaruni, li kellhom speċi ta’ senduq kbir wara daharhom mimli boċċi biex jissuttawhom.

Tonditondi, l‑astronawta ta’ Belt l‑Ilwien, ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel.

“Il‑bindabobbkini! Maestà! Maestà!” beda jgħajjat.

L‑Imperatur tfaċċa f’bieb minnhom, imħabbel fil‑mantell twil aħmar tiegħu, u l‑kuruna se taqagħlu minn fuq rasu.

“X’se nagħmlu, Maestà?” tenna Tonditondi huwa u jirranġalu n‑nuċċali. “Kull fejn tħares issib biss iswed, vjola u griż. Belt l‑Ilwien qed titlef l‑ilwien tagħha kollha!”

“Aħrab, Tondi!”

“U intom?”

Il‑ħitan tal‑kamra bdew jiswiedu bil‑qajla.

“M’għandniex ċans! Mur waħdek!”

L‑Imperatur imbuttah għal ġol‑Bużżieqa Spazjali, u din inqatgħet mill‑art u ħarġet mit‑tieqa.

L‑aħħar ħaġa li ra Tonditondi kien l‑Imperatur isir griż taħt bumbardament ta’ boċċi griżi mis‑Suldati Suttaruni li daħlu fil‑palazz dak il‑mument.

***** ***** stat_3 ***** *****

2 “Qed tisimgħuni?”

“Svet.”

“Haw’,” qabżu t‑tewmin għalenija.

Din kienet il‑ħaġa waħda li kienet tinfiska lil Julian dwar il‑kuġini tiegħu. Ommhom, li kienet mis‑Slovenja, semmiethom Svetlik u Svetlana, u meta ssejjaħ lil xi ħadd minnhom bl‑isem imqassar Svet kienu jwieġbu t‑tnejn.

“Qed ngħid lilek, Svetlik,” spjega ftit irritat.

“Haw’,” reġa’ wieġeb Svetlik, aljenat b’dak li kien qed jagħmel.

“Inti ġej, jew? Ma ftehimniex li nilagħbu ftit ballun? Lilek qed nistennew.”

“Iwa, ġej,” lissen Svetlik, bi ftit li xejn entużjażmu. Kien mitluf iżomm sew l‑ismartphone biex ir‑ritratt ma jiġihx sfukat u mċaqlaq.

Kellu quddiemu, mistrieħ fuq werqa tawwalija, titbandal f’dik iż‑żiffa ħelwa ta’ Mejju, Mazzarell Sultan. Wieħed kbir b’dak id‑denb dritt, twil, ikħal fiddien, ileqq fix‑xemx tisreġ, u dawk l‑erba’ ġwienaħ miftuħin, trasparenti, bil‑vini fihom irqaq.

Bilkemm ried jiċċaqlaq, ma jmurx igerrxu;

“Svet, ejja!” għajtet oħtu warajh.

“Xxxx... dal— waqt—”

Svetlik ħa erba’ ritratti bil‑ġirja, u mal‑aħħar klikkata l‑mazzarell spara fl‑ajru u għosfor. iċċekkja maljar ir‑ritratt u tbissima feġġet fuq wiċċu hekk kif ra li t‑tużżana ritratti li kien ħa dik l‑għodwa kollha kienu ġewh perfetti. Issa b’kollox kellu 64 ritratt ta’ annimali u insetti varji fl‑ismartphone. Deffes l‑ismartphone fil‑barżakka u ħares lejn oħtu u l‑kuġini tiegħu.

“Ejja, x’qed tistennew?” qalilhom b’daħqa ta’ żufjett.

“Aħwa jew kuġini?” staqsa Julian waqt li beda jqabbeż il‑ballun mal‑art.

“Nagħmluha kuġini kontra kuġini llum,” qabżet oħtu Ani.

U bdew. “Mela l‑ewwel punt għalija, Svet,” qal Julian.

“Tixtieq! Ejja, fajjar!” wieġbet Svetlana.

Imma Julian ħadha bil‑mod. Kien iħobb jilgħab bil‑ħsieb, bir‑reqqa, u ma jgħaġġilx. Mhux ta’ b’xejn kien il‑kaptan tat‑tim tal‑futbol tal‑iskola. Ħa ftit sekondi sakemm osserva l‑qagħda ta’ Svetlana, u fl‑aħħar ta xutt liema bħalu.

Svetlana għamlet ħilitha kollha biex tipprova tobsor fejn kien se jwaddab il‑ballun kuġinuha, imma ma kinitx ħafifa biżżejjed, u ħasset ir‑riħ tal‑ballun jgħaddi żbrixx minn ma’ rasha u jtir warajha.

“Wieħed għalija!” Julian qabeż tnejn u beda jxejjer idu. Ani bdiet iċċapċap. “Mhux aħjar tibqa’ tilgħab il‑volleyball, kuġina? Inti f’dak tajba!”

Svetlana ma qalitx kelma u mxiet lejn il‑ħaxix wara s‑siġar biex iġġib il‑ballun li kien waqa’ taħt il‑ħajt fuq in‑naħa tagħhom. Malli Svetlana tbaxxiet biex tiġbru, xi ħaġa fuq l‑għadira tal‑ilma ġibditilha l‑attenzjoni.

Waqfet, u baqgħet tħares ċassa lejha.

“Ejja, Svet! Se terġa’ titnikker? Int ukoll se toqgħod tħares lejn l‑insetti?” għajjat Julian warajha. Svetlana baqgħet tħares lejn l‑ilma. Julian laħaqha u baqa’ skantat iħares lejha ċċassata lejn xi ħaġa. “X’hemm? X’qed tara?” staqsieha.

“L‑ilma,” wieġbet Svetlana b’vuċi baxxa.

“X’għandu?”

“Ħares lejn dik ir‑roqgħa tonda fin‑nofs,” kompliet Svetlana.

Billi ż‑żewġ kuġini damu ftit ma reġgħu lura, ħuthom resqu lejhom, u issa kienu qed iħarsu lejn l‑ilma huma wkoll.

Svetlik kien l‑ewwel wieħed li nnota li kien hemm xi ħaġa stramba. “Ir‑roqgħa tal‑ilma mhux qed tiċċaqlaq,” lissen.

Julian innota ħaġ’oħra. “L‑ilma ġewwa ċ‑ċirku huwa aktar baxx minn ta’ barra.”

Ani kompliet minnufih. “Qisu hemm xi ħaġa tqila f’wiċċ l‑ilma li qed timbuttah ’l isfel.”

“Iva, imma jien ma jien nara xejn fuq wiċċ l‑ilma,” qabeż Svetlik.

L‑erbgħa li kienu nħasdu meta f’daqqa waħda l‑ilma ċċaqlaq bi skoss. Wiċċ l‑ilma reġa’ ħa l‑forma tiegħu lixxa, normali. Il‑mewġiet bdew jinfirxu normali, u issa t‑tfal setgħu jaraw ilma tiela’ fl‑arja u jqattar fl‑istess ħin: l‑ewwel fuq l‑għadira, u mbagħad fuq il‑ħaxix, u wara minn fuq il‑ħajt tas‑sejjieħ. It‑taqtir beda riesaq lejhom!

L‑erbat itfal iċċassaw lejn l‑ilma jqattar riesaq, jgħaddi minn ħdejhom, u jersaq lejn il‑fetħa fejn kienu qed jilagħbu.

Svetlik kien l‑ewwel wieħed li qomos u beda jiġri wara t‑taqtir. Sħabu mxew warajh.

Komplew iħarsu lejn din l‑istramberija. Issa t‑taqtir kien qabeż il‑ħaxix, għadda minn bejn is‑siġar lasti, u beda jxarrab l‑art. Baqa’ sejjer sakemm deher li waqaf bejn wieħed u ieħor fiċ‑ċentru tal‑għalqa. It‑tfal ħarġu fl‑għalqa u waqfu jħarsu lejn it‑taqtir.

F’daqqa waħda nstemgħet tisbita żgħira, u ftit mill‑ħamrija niżlet ’l isfel bħallikieku xi ħaġa tqila straħet fuqha. Tfaċċat roqgħa bejn wieħed u ieħor daqs dik li Svetlana kienet rat fuq wiċċ l‑ilma. Imma din issa kienet fuq l‑art! Resqu lejha u semgħu vuċi baxxa, irqiqa, tidwi.

“Qed tisimgħuni?”

“Iva! Int min int? Fejn qiegħed?” staqsa Svetlik.

“Jiena Tonditondi.”

Wiċċ Ani bjad. “Hawn iż‑żrinġijiet jitkellmu!” għajtet.

“Le, jaħasra, m’iniex żrinġ!” kompliet il‑vuċi.

“Mela x’int?” qabżet Svetlana.

“Ġej minn art imsaħħra, mhux bħal tagħkom. Biex tarawni, trid issir xi maġija u

biex nagħmilha, tridu twegħduni li wara tiġu miegħi.”

“Niġu miegħek fejn?” staqsiet Ani, ftit suspettuża.

“Fl‑art maġika tiegħi. Nitlobkom! Għandi bżonn l‑għajnuna tagħkom. Jekk ma tgħinunix intom, Belt l‑Ilwien tispiċċa għal kollox!”

“Belt l‑Ilwien?” tenniet Ani, issa kurjuża aktar minn qabel.

“Bħalissa, hemm nies ħżiena li qed ineħħu l‑ilwien kollha mill‑Ħofra.”

“U Aħna kif nistgħu ngħinuk?” staqsa Svetlik.

“B’xi mod tgħinuni. Imma, isa, ħaffu!”

“Jekk niġu miegħek, em... Tinditindi—” beda jsaqsi Julian.

“Tonditondi.”

“—Tonditondi,” kompla Julian, “kemm se ndumu hemm? Ma rridux li l‑ġenituri tagħna jinkwetaw.”

“Il‑Ħofra tal‑Ilwien hija pajjiż maġiku fejn il‑ħin ma jgħaddix bħall‑ħin fid‑dinja tagħkom. Meta tiġu lura se tiġu fil‑ħin eżatt li tkunu tlaqtu.”

“Mela wara terġa’ ġġibna lura hawn?” staqsiet Ani.

“Wara li tgħinuna neħilsu mill‑Poplu l‑Griż! Iva, imma aktar ma ndumu aktar il‑Poplu l‑Griż se jaqleb il‑kuluri għal griż, iswed u vjola biss!” Tonditondi baqa’ jinsisti.

Ħabuha ftit u mbagħad fl‑aħħar, Svetlana lissnet, “Nippruvaw?”

“Għaliex le? Hekk ikolli x’nirrakkonta lil sħabi l‑iskola!” wieġeb Svetlik bi tbissima.

“Kollox sew, Tonditondi,” għajjat Julian, “Niġu miegħek.”

“Nibqa’ nafhulkom. Issa aqbdu biċċa fergħa żgħira ta’ siġra kull wieħed, imbagħad aqtgħu biċċa ħaxixa tawwalija, u dawruha madwar is‑saba’ ż‑żgħir t’idkom il‑leminija. U għidu warajja dan il‑kliem:

“Bindabobbkini, Bindabobbdawk,
Agħmel li aħna kollha narawk!
Wieħed, tnejn, tlieta,
Tlieta, tnejn, wieħed!
”

It‑tfal irrepetew kelma b’kelma, u ħesrem, tfaċċat quddiemhom bużżieqa kbira, trasparenti, mistrieħa fuq l‑art fejn qabel kienu raw il‑ħamrija mniżżla. Kienet qisha bużżieqa tas‑sapun. Iżda din kienet enormi, kważi daqs karozza. It‑tfal baqgħu jħarsu b’ħalqhom miftuħ, imbellhin.

Minn fuq il‑bużżieqa deher it‑tarf tal‑qawsalla, tiddi, imlewna, tielgħa ’l fuq ’il fuq; tant fil‑għoli li t‑tarf l‑ieħor ma kienx jidher. Fiha kien hemm Tonditondi li kien roża minn rasu sa saqajh. It‑tromba li kienet minflok l‑imnieħer kienet qed titbandal ’l hawn u ’l hinn. L‑għajnejn fuq il‑wiċċ tond kienu qed iħarsu kuntenti lejn it‑tfal, ileqqu daqs żewġ djamanti. Kien liebes speċi ta’ track suit tal‑fidda, u għal mument Julian stħajjilha qisha l‑libsa ta’ astronawta.

Ani tbissmet, skantata. “Xi ħlew! Qisu pupu!” lissnet minn taħt l‑ilsien.

“Trid tgħid qisu bużżieqa b’żewġ idejn u żewġ saqajn!” kompliet Svetlana.

“La tibżgħux,” qal Tonditondi. Il‑vuċi tiegħu issa kienet tinstema’ aktar ċara. “Ejjew! Tinsewx iġġibu l‑affarijiet tagħkom!”

It‑tfal ġabru l‑barżakki tagħhom u libsuhom wara daharhom. Julian ġabar il‑ballun u deffsu fil‑barżakka tiegħu. Bieba nfetħet fuq naħa waħda tal‑bużżieqa, u t‑tfal setgħu jidħlu. F’qasir żmien, bdiet tielgħa fl‑ajru bihom.

“Fejn sejrin?” staqsiet Ani.

“Lejn it‑tarf l‑ieħor tal‑Qawsalla,” wieġeb Tonditondi.

“U fejn jiġi dak?”

“Fuq il‑Qamar.”

“Fuq il‑qamar!?” tenna Svetlik. “Imma l‑astronawti telgħu fuq il‑qamar, u qatt ma raw it‑tarf tal‑qawsalla hemm!”

“Dak,” wieġeb Tonditondi, “għax ma kellhomx il‑friegħi u għax ma qalux il‑kliem maġiku bħalma għamiltu intom.”

Il‑Bużżieqa baqgħet tielgħa u tielgħa, riekba fuq il‑kuluri tal‑qawsalla.

***** ***** stat_3 ***** *****