Letteratura għat-tfal

Rudyard Kipling
(Ingliż, 1865-1936)
Madwar 4,300 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Anabel Micallef u
l‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu

Kapitli
1: Ferħ il‑Bniedem
2: Il‑Kunsill tal‑Ilpup
3: Lezzjonijiet ma’ Balù
4: Maħtuf!
5: Il‑Moħba l‑Kiesħa
6: Meħlus!
7: Il‑Fjura l‑Ħamra
8: Il‑Ħajja fir‑Raħal
9: It‑Tigra! It‑Tigra!
10: Lura d‑dar
Noti

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 379 (Ottubru 2023)

1: Ferħ il‑Bniedem

Kienet għaxija sħuna fil‑ġungla. F’għar fil‑għoli tal‑foresta, il‑lupa omm kienet mal‑erbat ifrieħ tagħha waqt li kienu qed jilagħbu u jitgerbu madwarha. Il‑lupu missier stenbaħ mir‑raqda tiegħu wara x‑xogħol tal‑ġurnata, ittewweb u tmattar. Kien sar il‑ħin għall‑kaċċa.

F’daqqa waħda dwiet għajta li tkexkex. L‑ilpup għarfu ta’ min

kienet dik l‑għajta. L‑għajta ta’ tigra. Imma mhux tigra kwalunkwe.

Il‑lupa omm ittawlet barra l‑għar. Semgħet it‑tħaxwix qalb il‑friegħi fil‑qrib. U baqgħet skantata hekk kif tarbija ċkejkna u b’ġilda skura tkaxkret ’il barra minn taħt il‑friegħi!

“Isa, ġib dik it‑tarbija ’l hawn!” għajtet lil‑lupu missier. Minnufih, il‑lupu missier resaq lejn it‑tarbija. Refagħha bil‑mod daqslikieku kienet waħda mill‑frieħ tiegħu. Snienu lanqas ħallew girfa waħda fuq il‑ġilda lixxa u tarija.

Poġġa lit‑tarbija maġenb il‑lupa omm. It‑tarbija qamet bilqiegħda u tbissmet, u mbagħad ressqet lill‑frieħ la ġenba biex tersaq aktar lejn il‑lupa omm.

“Kemm hu delikat!” qalet il‑lupa omm. “U lanqas qed jibża’ minna!”

F’daqqa waħda l‑għar iddallam hekk kif ir‑ras kbira u l‑ispallejn ta’ Xer Kan it‑tigra għattew id‑daħla.

Il‑lupu missier resaq u waqaf quddiem il‑lupa omm, il‑frieħ u t‑tarbija. “Xi trid?” staqsa lil Xer Kan.

“Kont qed nikkaċċja ferħ il‑bniedem,” wieġbet Xer Kan b’leħen żorr. “Il‑ġenituri ħarbu bil‑biża’. Rajtu ġej ’l hawn. Agħtuhuli!”

Il‑lupu missier ma kienx qed jibża’. Kien jaf li t‑tigra kienet kbira wisq biex tkun tista’ tiddeffes il‑għar. “Ferħ il‑bniedem huwa tagħna issa,” lissen.

“X’wiċċ għandek!” għajtet Xer Kan. “Agħtini ferħ il‑bniedem!”

F’dak il‑waqt il‑lupa omm qabżet ’il quddiem. “Ferħ il‑bniedem huwa tiegħi!” għajtet, b’għajnejha kollha rabja. “Inti m’intix se toqtlu. Se jibqa’ jgħix magħna, mal‑frieħ l‑oħra tagħna. Ħallina kwieti! Mur fil‑parti tiegħek tal‑ġungla!”

Xer Kan kienet taf li kien għalxejn toqgħod targumenta. Imxiet lura mid‑daħla tal‑għar, imma fl‑istess waqt għajtet, “Xi darba se jkun tiegħi!” B’dan il‑kliem, daret u bdiet nieżla l‑għolja.

“Tibżax, ħanini,” qalet il‑lupa omm lit‑tarbija. “M’aħniex se nħallu ’l dik it‑tigra tersaq aktar lejk.” It‑tarbija ħarset lejha u bdiet tidħaq.

“X’se nsemmuh?” staqsa Ferħ il‑Griż, li huwa l‑akbar ferħ. “Insemmuh Mowgli,” lissnet il‑lupa omm.

“U meta jikber, hu jikkaċċja lil Xer Kan,” kompla l‑lupu missier.

Mowgli reġa’ beda jidħaq, għalkemm kien għadu mhu qed jifhem xejn. Kien għadu ma jafx bl‑avventuri li kien se jkollu hu u jikber f’dik il‑ġungla!

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Il‑Kunsill tal‑Ilpup

Lejlet il‑qamar sħiħ, il‑lupa omm u l‑lupu missier ħadu lill‑frieħ tagħhom u lil Mowgli fejn il‑Blata tal‑Kunsill. Dan kien lok speċjali ħafna. Kull ferħ ġdid kellu jinġieb hawn biex il‑grupp kollu jkun jista’ jarah.

Il‑lupa omm kienet anzjuża ħafna. Mowgli kien ilu parti mill‑familja ġimagħtejn, u kienet dratu. Kienet saret tħobbu. Imma l‑grupp kollu kellu jiddeċiedi jekk Mowgli jibqax magħhom jew le.

Fuq il‑quċċata tal‑blata kien hemm Akela, il‑mexxej tal‑grupp.

Aktar ’l isfel minnu, weqfin f’ċirku, kien hemm bejn erbgħin u ħamsin lupu − żgħażagħ u anzjani.

Fiċ‑ċentru taċ‑ċirku kien hemm il‑frieħ il‑ġodda kollha jilagħbu flimkien. Wieħed wara l‑ieħor, l‑ilpup anzjani resqu quddiem u flew sew kull ferħ.

Fl‑aħħar waslu ħdejn Mowgli, li kien fiċ‑ċentru taċ‑ċirku jilgħab bi ftit ċagħaq.

F’daqqa waħda, instemgħet għajta kbira minn qalb is‑siġar. Kienet Xer Kan.

“Ferħ il‑bniedem huwa tiegħi!” għajtet. “X’għandkom bżonnu

intom l‑ilpup?”

Xi ftit mill‑ilpup żgħażagħ qablu magħha. “Ma rridux lil ferħ il‑bniedem fil‑grupp tagħna,” bdew jgħidu.

“Isktu!” qabeż Akela. “Intom kollha tafu l‑liġi tal‑ġungla. Jekk żewġ membri tal‑grupp jitkellmu f’isem Mowgli, mela jista’ jibqa’.”

Il‑lupa omm u l‑lupu missier ħarsu lejn l‑ilpup l‑oħra tal‑grupp. Li kieku xi ħadd minnhom kien jitkellem f’isem Mowgli! Ladarba huma kienu l‑ġenituri l‑ġodda ta’ Mowgli, ma setgħux jitkellmu huma għalih.

L‑ilpup l‑oħra baqgħu siekta. Hekk kif il‑lupa omm kienet se taqtagħha li Mowgli kien mitluf, semgħet lil xi ħadd igedwed warajha.

Kien Balù, l‑ors. “Jien nitkellem f’isem ferħ il‑bniedem. Ħalluh jiġri mal‑grupp. Nieħu ħsieb ngħallmu jien.”

Imma Akela kompla, “Hemm bżonn xi ħadd ieħor li jitkellem għalih.”

F’dak il‑waqt, dell iswed deher jiċċaqlaq fuq il‑fergħa ta’ siġra fil‑qrib u pantera sewda qabżet f’nofs iċ‑ċirku. Kienet Bagira.

“Qiegħda hawn bħala ħabiba tagħkom, Akela,” qalet b’leħen ħelu zokkor. “Dan ferħ il‑bniedem niggustah. Jekk iżżommuh fil‑grupp, nagħtikom barri. Għadni kemm qtiltu u huwa kbir u oħxon.”

L‑ilpup dejjem kienu mġewħin, u barri sħiħ tassew kien ikun festa sabiħa għalihom. Minnufih, kollha qablu li jżommu lil Mowgli fil‑grupp.

Xer Kan kienet iddiżappuntata. Għajtet waħda qawwija, u telqet qalb is‑siġar tal‑ġungla.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Lezzjonijiet ma’ Balù

Għaddew ħafna snin, u Mowgli kien kuntent b’ħajtu qalb l‑ilpup. Il‑lupa omm u l‑lupu missier minn dejjem kienu qalbhom tajba miegħu, u l‑erbat ifrieħ minn dejjem qisuh bħala ħuhom. Hekk kif beda jitgħallem il‑ħajja tal‑ġungla, Mowgli kiber iktar b’saħħtu.

Meta kien iħossu sħun jew maħmuġ, kien jinżel jgħum fl‑għadajjar tal‑foresta. Meta kien bil‑ġuħ kien jiekol frott u karawett, jew għasel mingħand in‑naħal. F’qasir żmien tgħallem jixxabbat mal‑friegħi daqskemm kien tgħallem jgħum, u kien jaf jgħum daqskemm kien jaf jiġri qalb il‑foresta.

Mowgli kien imur iżur lil Balù kuljum. L‑ors l‑għaref għallmu kull ħaġa li Mowgli kellu bżonn ikun jaf biex jgħix fil‑ġungla.

Balù għallmu kif jinduna jekk fergħa kenitx b’saħħitha biżżejjed biex ikun jista’ jixxabbat magħha. Għallmu kif jitkellem pulit man‑naħal meta jsib xehda ma’ siġra. U Mowgli tgħallem ukoll kif javża lis‑sriep tal‑għadajjar qabel ma jaqbeż fl‑ilma.

U mbagħad kien hemm is‑sejħiet tal‑kaċċa. Kull annimal fil‑ġungla kellu s‑sejħa tiegħu għall‑kaċċa, u Mowgli kellu jkun jafhom kollha fil‑każ li kien ikollu bżonn xi għajnuna.

Ta’ spiss, meta Mowgli ma kienx jitgħallem xi ħaġa li jkun qallu Balù, l‑ors kien ifajjarlu daqqa b’siequ. Kien hemm ukoll xi drabi meta Mowgli kien iġib ruħu ta’ mqareb.

Bħal ħafna tfal oħra, Mowgli ma kienx iħobb joqgħod bilqiegħda ma jagħmel xejn għal għodwa sħiħa, u Balù kien jirrabja meta t‑tifel kien ikollu l‑labar f’saqajh u ma kienx joqgħod attent.

Xi kultant Bagira l‑pantera kienet iżżurhom biex tara kif Mowgli kien sejjer fit‑tagħlim. Kienet toqgħod mimduda fuq fergħa fil‑għoli u tara u tisma’ x’kienu jagħmlu.

Darba minnhom Balù ta daqqa lil Mowgli eżatt kif Bagira waslet fuq il‑post. Mowgli telaq minn hemm bir‑rabja.

“Għadu żgħir wisq,” qalet Bagira. “Ma jistax ikun li jiftakar kull ħaġa li qed tgħallmu.”

Imma Balù wieġeb, “Ħadd fil‑ġungla mhu żgħir wisq biex jittiekel. Hemm bżonn li jitgħallem. Għalhekk xi kultant nagħtih daqqa żgħira.”

“Żgħira!” tenniet Bagira. “Il‑povru tifel kollu misluħ bid‑daqqiet ‘żgħar’ li tagħtih!”

“Kont qed ngħallmu s‑sejħiet tal‑kaċċa dalgħodu,” qal Balù, “u ma kienx qiegħed attent.”

“Nixtieq nismagħhom,” kompliet Bagira. “Mowgli, fejn qiegħed?” għajtet.

“Hawn fuq,” wieġeb leħen żgħir fuqhom. “Għandi wġigħ ta’ ras,” qal b’leħen inkurlat, waqt li żżerżaq ’l isfel minn mas‑siġra.

“Mela, Mowgli,” qal Balù bil‑ħlewwa, “semma’ ’l Bagira s‑sejħiet li għallimtek dalgħodu.”

Minnufih wiċċ Mowgli xegħel, għax kien iħobb juri x’kien jaf.

“Is‑sejħiet ta’ liema annimal? Il‑ġungla għandha ħafna ilsna, u jien nafhom kollha.”

“Tajjeb wisq,” qalet Bagira bi tbissima. “Għidli kif issejjaħ lil seqer.”

Mingħajr ma qagħad jaħseb, Mowgli poġġa jdejh madwar ħalqu, u ħareġ ħoss ċar u qawwi.

“Tajjeb ħafna,” qalet Bagira. “U serp?”

Mowgli għamel ħoss twil bil‑mod, u mbagħad qabeż qabża lura u ċapċap idejh, qomos għal fuq dahar Bagira, u beda jħabbat saqajh maġenbha.

Bagira u Balù bdew jidħqu mat‑tifel. Is‑sejħiet kien tgħallimhom perfettament. Balù ħassu tassew kburi, u biex juri dan, nefaħ żaqqu daqs bettija. Bagira qatt ma kienet turi x’kienet tħoss, madankollu xorta waħda kienet tħossha kburija.

Mowgli beda joqmos fuq dahar Bagira. “Xi darba se jkolli t‑tribù tiegħi! Inkun il‑kap tagħhom!” beda jgħajjat.

“Għaliex qed tgħajjat hekk, Mowgli?” staqsiet Bagira. “Waqqaf il‑qbiż tiegħek. Inżel u għidilna.”

“Xi kultant,” wieġeb Mowgli, “meta Balù jagħtini xi daqqa, ix‑xadini jinżlu minn qalb il‑friegħi għoljin. Huma jieħdu ħsiebi meta ħadd aktar ma jkun qed idur bija.”

“Ix‑xadini!” qal Balù. “Dawk ma jagħtu kas ħadd!”

“Huma jagħtuni l‑karawett,” kompla Mowgli. “U jgħiduli li xi darba għad inkun il‑mexxej tagħhom. Għandhom tant biex jixxalaw, Balù! Għaliex qatt ma ħadtni biex inżurhom?”

Balù żamm ħarsa serja. “Ismagħni sew, Mowgli,” qal bil‑mod. “Lix‑xadini qatt m’għandek tafdahom. M’għandhomx liġijiet bħalna. M’għandu jkollok x’taqsam xejn magħhom.”

Mowgli baqa’ jħares skantat lejn Balù għaliex qatt ma kien rah daqshekk serju qabel.

“Jiddispjaċini, Balù,” qallu minn taħt l‑ilsien. Balù għannqu miegħu.

“Kollox sew. Issa daqshekk kliem fuq ix‑xadini.”

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Maħtuf!

Bil‑lezzjonijiet ta’ dik il‑għaodwa lesti, Balù u Bagira nxteħtu għar‑raqda ta’ waranofsinhar, u Mowgli tgeddes bejniethom. F’qasir żmien, it‑tlieta kienu qegħdin jonħru ħelu ħelu.

F’daqqa waħda tfaċċaw żewġ xadini kbar minn qalb il‑friegħi fuqhom. Ħatfu lil Mowgli minn dirgħajh u riġlejh, u refgħuh qalb il‑friegħi tas‑siġar.

Mowgli pprova jissara biex jinħeles, imma kien għadu nofsu rieqed. Ipprova jgħajjat għall‑ajjut, imma l‑għajjat tax‑xadini kien qed jitfi leħnu.

Hekk kif bdew iġorruh bil‑goff, għaddew minn qalb ħafna friegħi kollha weraq u xewk, li bdew jogħrku ma’ ġismu, u f’qasir żmien imtela kollu selħiet u brix.

Idejn ix‑xadini kienu ibsin u sodi, u bdew iweġġgħulu dirgħajh huma u jkaxkruh warajhom. Beda jistordi hekk kif bdew jaqbżu minn fergħa għal oħra. Beda jibża’ li jitilquh u jaqa’. L‑art taħtu kienet ’il bogħod wisq.

Mowgli beda jolfoq hekk kif beda jaħseb dwar Balù u Bagira. Kien qatt se jerġa’ jarahom?

Ftit wara, ix‑xadini waqfu biex jistrieħu. Mowgli ħares madwaru u ra li kien imdawwar bil‑qċaċet ta’ siġar twal ħafna. Kien qisu f’nofs ta’ baħar aħdar ma jispiċċa qatt. F’daqqa waħda lemaħ lis‑seqer Ċil jittajjar fil‑għoli.

Mowgli ħa nifs qawwi u għajjat is‑sejħa tas‑seqer li Balù kien għallmu f’dak l‑istess jum.

Ċil semgħu u niżel minnufih biex jara x’kien qed jiġri.

“Nitolbok, għinni!” qal Mowgli. “Sib lil Balù u ’l Bagira. Għidilhom fejn qiegħed.”

Imma qabel ma Ċil kellu ċ‑ċans iwieġeb, ix‑xadini ġibdu ’l Mowgli ’l isfel u għeb qalb il‑friegħi tas‑siġar.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Il‑Moħba l‑Kiesħa

“Povru Mowgli,” lissen Balù meta ntebħu x’kien ġara. “X’se nagħmlu? Aħna ma nistgħux nitbandlu bejn fergħa u oħra bħax‑xadini.”

“Għandi idea,” lissnet Bagira. “Nitolbu lil Kaa l‑pitun biex jgħinna nsibu lil Mowgli. Huwa l‑akbar għadu tax‑xadini. Jibżgħu minnu aktar minn annimali oħra.”

Lil Kaa sabuh imkebbeb madwar siġra. Meta qalulu x’ġara, aċċetta li jgħin bil‑qalb kollha. Imma fejn setgħu jibdew ifittxu lil Mowgli?

F’daqqa waħda nstemgħet twerżiqa minn fuq, “Balù! Balù! Ħares ’il fuq!” U hemm kien Ċil is‑seqer.

“Sibt lil ferħ il‑bniedem!” qal. “Ix‑xadini se jeħduh fil‑Moħba l‑Kiesħa!”

Balù ħares lejn Bagira mbeżża’. Il‑Moħba l‑Kiesħa! L‑ebda annimal ma kien jazzarda joqrob lejn dak il‑post – minbarra x‑xadini.

Il‑Moħba l‑Kiesħa darba kienet belt kbira u meraviljuża tal‑bnedmin. Issa ma kenitx għajr tifrik ta’ bini mwaqqa’ u palazzi u toroq mudlama. Kien hemm għajdut li saħansitra kien hemm l‑iħirsa. Ix‑xadini kienu jħobbu jippassiġġaw f’dawk it‑toroq mitluqin, taparsi kienu r‑rejiet u l‑irġejjen li darba kienu jgħixu hemm.

“Hemm bżonn nitilqu minnufih,” qal Kaa. “Se jilħaq jidlam sakemm naslu.”

Kaa u Bagira telqu minnufih. Balù kellu jfekren bil‑mod warajhom minħabba li ma setax jiġri daqshom.

Sadattant, fil‑Moħba l‑Kiesħa Mowgli kien qed jiġġerra f’dawk it‑toroq imwarrbin u l‑bini mwaqqa’. Kien għajjien mejjet, imma x‑xadini ma kinux qed iħalluh jorqod. Kellu ħafna ġuħ ukoll, imma x‑xadini bdew jinsew iġibulu ikel.

Meta Mowgli pprova jaħrab, ix‑xadini għalquh f’kamra tal‑irħam mimlija sriep. Imma Mowgli kien jaf ukoll is‑sejħa tas‑sriep, u malli semgħuh jgħajjatha, is‑sriep intebħu li kien ħabib, għalhekk ma gidmuhx.

Issa x‑xemx kienet niżlet. Mowgli lemaħ xaqq fil‑ħajt tal‑kamra tal‑irħam u ttawwal minn ġo fih. Fid‑dawl tal‑qamar seta’ jara biss ix‑xadini, imxabbtin mal‑bini u l‑gallariji qed jaqgħu biċċiet. Waħda wara l‑oħra x‑xadini bdew imorru fin‑nofs tat‑triq u jitkellmu. Xi ftit xadini bdew jisimgħu, imma l‑parti l‑kbira baqgħu jwerżqu jew jagħmlu ħafna ħsejjes oħra, u jissuttaw friegħi u ġebel.

F’daqqa waħda sħaba kbira għattiet il‑qamar. Fid‑dlam li waqa’, dell iswed beda miexi bla ħoss tul it‑terrazzini, u beda jfajjar daqqiet qawwija ’l hawn u ’l hinn. Qam pandemonju sħiħ u ħafna twerżiq hekk kif ix‑xadini bdew jittajru f’kull direzzjoni.

Mowgli ma setax jemmen x’kien qed jara. X’kien qed jiġri hemm

barra?

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Meħlus!

Minuta wara, is‑sħaba ċċaqalqet u reġa’ deher id‑dawl tal‑qamar. Mowgli ntebaħ li d‑dell iswed kien Bagira! Baqa’ mbellah hekk kif ra bejn għoxrin u tletin xadin jaqbżu fuq dahar il‑pantera, jiġbduha u jigirfuha bla waqfien.

“L‑ilma, Bagira!” għajjat Mowgli b’kemm kellu saħħa. “Mur fl‑ilma!”

Bagira minnufih qomsot għal ġo għadira li kien hemm viċin, u x‑xadini li kienu ggranfati ma’ daharha telquha mill‑ewwel. Ix‑xadini kienu jobogħduh l‑ilma. Baqgħu jgħajtu u joqomsu madwar l‑għadira, jistennew lil Bagira toħroġ minn hemm.

Issa x’kien imiss li jiġri? Bagira waħidha xorta ma kenitx se tkun tista’ tiġġieled ma’ dawk ix‑xadini kollha. Balù fejn kien?

Dak il‑ħin instemgħet għajta ħoxna u qawwija. Kien hemm il‑ħoss ta’ ħafna ġebel qed jaqa’, u ħajt ta’ bini fil‑qrib sfronda. Balù tfaċċa wieqaf fuq it‑tifrik tal‑ġebel.

“Wasalt fl‑aħħar, Bagira!” għajjat. Dirgħajh bdew jixxejru ’l hawn u ’l hinn, u x‑xadini bdew itiru madwaru. Ħin minnhom ħataf erbgħa f’salt u għaffiġhom f’morsa qawwija.

Imma aktar u aktar xadini kienu għadhom ġejjin, u kollha bdew jaqbżu fuq dahru u jagħtuh daqqa wara l‑oħra, sakemm xeħtuh mal‑art bħalma kienu għamlu lil Bagira.

F’daqqa waħda nstema’ ħoss baxx li qajjem ġisem kulħadd xewk xewk. Annimal wieħed biss seta’ jagħmel ħoss bħal dak.

Ix‑xadini madwar l‑għadira ma baqgħux joqomsu u jgħajtu. Dawk li kienu fuq dahar Balù niżlu minn fuqu. U kollha baqgħu jħarsu mwerwrin hekk kif Kaa l‑pitun, l‑akbar għadu tagħhom, beda joqrob lejhom.

B’ħeffa liema bħalha, Kaa beda jfajjar b’rasu u b’denbu f’kull direzzjoni, u x‑xadini bdew iwerżqu hekk kif tajjarhom ma’ kullimkien. Denbu tkebbeb madwar ħafna xadini f’salt u għasarhom fil‑morsa qawwija tiegħu. Il‑bqija tax‑xadini lebbtu kemm felħu ’l bogħod minn hemm.

Malli sab ruħu ħieles mix‑xadini, Balù ġera fejn Mowgli kien magħluq fil‑kamra, u sfronda l‑bieb. Mowgli minnufih inxteħet jgħannaq lill‑ors. “Povru Balù!” lissen it‑tifel. “Inti mimli brix u gdim!”

Bagira ħarġet mill‑ilma. Anki l‑pil tagħha kien kollu mħabbel u migruf. Mowgli kellu qalbu sewda meta ntebaħ li dak kollu kien seħħ minħabba fih.

Mowgli rringrazzja lil Kaa wkoll. “Nittama li xi darba nkun nista’ ngħin lilek,” qallu.

“Inti ferħ il‑bniedem tajjeb,” wieġeb Kaa. “Forsi xi darba tassew ikolli bżonn l‑għajnuna tiegħek.”

Balù u Bagira rħewlha lura lejn darhom, b’Mowgli mistrieħ fuq dahar Bagira. Għajjien u eċċitat kif kien, it‑tifel malajr intelaq f’raqda fonda.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Il‑Fjura l‑Ħamra

Mowgli issa kellu għaxar snin. Ħajtu fil‑ġungla dejjem kienet toffrilu xi ħaġa ġdida x’jitgħallem jew x’jiskopri, u kien kuntent ħafna.

Mowgli kien iqatta’ l‑parti l‑kbira tal‑ġurnata ma’ Bagira. Matul il‑jum kienu jorqdu, u mbagħad malli jidlam kienu jmorru jikkaċċjaw. Kienet l‑għaxqa ta’ Mowgli li jmur fl‑aktar partijiet fondi tal‑ġungla. Qatt ma kien jibża’ meta kien ikun ma’ Bagira.

Imma Bagira kienet ftit imħassba. Kienet qed tinnota li t‑tigra Xer Kan kienet qed tqatta’ ħafna ħin mal‑ilpup żgħażagħ. Il‑kap Akela kien qiegħed jixjieħ, u dalwaqt kien se jasal iż‑żmien li xi lupu iżgħar jeħodlu postu. Mingħajr Akela biex jaqbeż għalih, l‑ilpup kienu lesti li jkeċċu lil Mowgli mill‑grupp.

Bagira ppruvat tispjega dan lil Mowgli.

“Imma għaliex l‑ilpup iridu jkeċċuni?” staqsa Mowgli. “Għext fil‑ġungla ħajti kollha. Dejjem obdejt il‑liġijiet tal‑ġungla. U kemm‑il darba neħħejtilhom ix‑xewk minn saqajhom. L‑ilpup bilfors għandhom jarawni bħala ħuhom.”

Bagira tawlet għonqha. “Mowgli, missli taħt geddumi.”

Mowgli hekk għamel. Intebaħ li qalb il‑pil iswed tal‑pantera kien hemm roqgħa mingħajr pil, u seta’ jara l‑ġilda.

“Għandi dik il‑marka,” kompliet Bagira, “għax għamilt ħafna żmien nilbes kullar. Biż‑żmien il‑kullar baqa’ jħokk ma’ għonqi u qaxxarli l‑pil. Hawnhekk ħadd ma jaf dwar il‑passat tiegħi. Jien kont twelidt f’gaġġa, fil‑palazz tar‑re. Ommi mietet hemm. Jien ħrabt u ġejt ngħix fil‑ġungla. Imma l‑annimali l‑oħra jibżgħu minni għaliex għext qalb il‑bnedmin u naf il‑modi tagħhom. Anki Xer Kan tibża’ minni.”

“Imma jien ma nibżax minnek,” lissen Mowgli.

“Le,” kompliet Bagira. “Inti ma tibżax minni. Inti ferħ il‑bniedem. U hekk, kif jien ġejt lura fil‑ġungla biex ngħix f’posti, hekk inti wkoll ikollok tmur lura tgħix mal‑bnedmin. Il‑bnedmin huma tassew ħutek. Jekk ma tagħmilx hekk, hemm ċans li joqtluk fil‑kunsill tal‑ilpup li jmiss.”

“Imma għaliex il‑kunsill irid joqtolni?” Mowgli reġa’ staqsa kollu mifxul.

“Ħares lejja,” qaltlu l‑pantera.

Mowgli ħares dritt f’għajnejha. Bagira dawret wiċċha minnufih. “Qed tara?” lissnet. “Għalhekk iridu joqtluk. Lanqas jien, li għext qalb il‑bnedmin, ma niflaħ inħares lejk. L‑oħrajn jobogħduk minħabba għajnejk. Jobogħduk għax taf tieħu ħsieb lilek innifsek. L‑aktar li jobogħduk għax inti bniedem.”

Mowgli ħass għoqla tielgħa fi griżmejh. “X’nista’ nagħmel?” staqsa b’leħen jirtogħod.

“Għandek tinżel ir‑raħal. Il‑bnedmin ikabbru l‑fjura l‑ħamra hemmhekk. Iġbor ftit minnha. L‑ilpup ma jersqux aktar lejk.”

Mowgli kien jaf x’kienet il‑fjura l‑ħamra. Kien l‑isem li bih l‑annimali kienu jsejħu n‑nar, u kollha kienu jibżgħu minnu. Hu ma kienx jibża’ min‑nar.

Għalhekk niżel sar‑raħal. Hemmhekk lemaħ lil tifla żgħira qed iġġorr skutella mimlija faħam jaħraq nar. Ġera lejha u ħatfilha l‑iskutella. Ġera lura lejn il‑ġungla.

Kien jaf li biex il‑fjamma tibqa’ ħajja kellu jitfgħalha weraq u biċċiet tal‑friegħi xotti, inkella kienet tintefa. Mowgli baqa’ fil‑għar il‑ġurnata kollha, iżomm il‑fjura l‑ħamra ħajja. Malli dalam, reħielha lejn il‑Blata tal‑Kunsill bl‑iskutella.

Akela ma kienx fuq il‑quċċata tal‑blata bħas‑soltu. Minflok, kien mimdud fil‑ġenb taħt il‑blata. ‘Mela kienu sabu mexxej ġdid,’ ħaseb Mowgli.

Xer Kan kienet fuq il‑blata. Bdiet tkellem lill‑ilpup bħallikieku hi kienet il‑kap il‑ġdid. Minnufih, Mowgli qabeż fuq il‑blata maġenbha.

“Għalfejn tħallu tigra tmexxikom?” għajjat lill‑ilpup taħtu. “Lupu għandu jmexxi lill‑ilpup!”

L‑ilpup żgħażagħ għajtu lura, “Inti ferħ il‑bniedem! Xi dritt għandek li tkun fuq il‑Blata tal‑Kunsill?”

“Ħalluni nieħdu jien lil ferħ il‑bniedem!” għajtet Xer Kan.

Akela għolla rasu. “Ħallu lil ferħ il‑bniedem jitlaq fil‑paċi,” lissen b’leħen dgħajjef.

Qabel ma l‑argument seta’ jisħon aktar, Mowgli ħataf fergħa żgħira u tefagħha fl‑iskutella bil‑faħam jaħraq nar. Minnufih, żbruffaw ħafna fjammi, u l‑fergħa bdiet taqbad. Mowgli għollieha fuq rasu.

L‑ilpup u Xer Kan issummaw imwerwrin, u kollha kemm huma lebbtu għal wara l‑blat u l‑ħaxix. Mowgli baqa’ waħdu fuq il‑quċċata tal‑Blata tal‑Kunsill.

“Naf li hemm bżonn nitlaq mill‑grupp!” għajjat. “Imma naħlef li xi darba nerġa’ niġi. U meta nerġa’ niġi, se nġib miegħi l‑ġilda ta’ Xer Kan!”

Malli qal hekk, qabeż lejn Xer Kan u ħarqilha l‑mustaċċi bil‑fergħa taqbad. It‑tigra għajtet bil‑qatgħa u lebbtet qalb is‑siġar. Ħafna mill‑ilpup iż‑żgħażagħ ħarbu warajha.

F’ħakka t’għajn Mowgli u Bagira sabu ruħhom waħidhom mal‑lupa omm, il‑lupu missier u l‑aħwa lpup ta’ Mowgli. Imma kienu jafu li l‑ilpup ma kinux se jdumu ma jerġgħu jiġu lura.

“Saħħa, għażiż Mowgli,” lissnu l‑lupa omm u l‑lupu missier. “Aħna mhu ħa ninsewk qatt.”

Mowgli għannaqhom b’qawwa qisu ma riedx jitlaqhom. “U jien nibqa’ naħseb fikom,” wieġeb. Ħutu l‑ilpup bdew jingħu bid‑dwejjaq.

“Jiena niġi u narak dalwaqt,” wiegħdu Ferħ il‑Griż.

Mowgli mbagħad dar fuq Bagira. “Se nħoss in‑nuqqas tiegħek ħafna, Bagira,” qalilha.

Bagira ħasset għoqla fi griżmejha. “Żomm il‑kuraġġ, ċkejken tiegħi,” qaltlu. “U jien dejjem se nkun hawn jekk ikollok bżonni. Issa mur, iġri.”

U hekk Mowgli niżel l‑għolja u rħielha lejn ir‑raħal. X’avventuri ġodda kien se jsib hemm?

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Il‑Ħajja fir‑Raħal

Mowgli wasal fir‑raħal meta kien qed jisbaħ. Ir‑raġel li fetaħ ir‑rixtellu tar‑raħal baqa’ skantat meta lemaħ lit‑tifel żgħir b’xagħar twil magħqud bilqiegħda mal‑art.

Mowgli kellu l‑ġuħ, imma ma kienx jaf kif ikellem lir‑raġel. Għalhekk fetaħ ħalqu beraħ u pponta ġo fih. Ir‑raġel baqa’ jħares ċass lejh għal xi sekondi, u mbagħad telaq jiġri lura fir‑raħal.

Ftit wara ġie lura ma’ raġel ftit oħxon bi qmis bajda – il‑kap tar‑raħal. F’qasir żmien, ir‑raħal kollu kien ħareġ biex jiġi jara lil Mowgli u jitkellem dwaru. Waħda mara qalet li Mowgli kien l‑iben li kienet tilfet ħafna żmien ilu meta tigra kienet ħatfithulha. Naturalment, Mowgli ma kien qed jifhem xejn minn dan kollu.

Il‑mara, li kien jisimha Messuwa, ħadet lil Mowgli d‑dar tagħha. Kienet ħanina miegħu. Tatu xi ftit ħalib u biċċa ħobż. Mowgli sabhom tajbin ħafna.

Mowgli qatt ma kien daħal f’dar qabel, u għalih kienet mimlija b’affarijiet strambi. Messuwa ppuntat lejn siġġu. “Siġġu,” lissnet. Mowgli qal il‑kelma warajha. Sa filgħaxija tgħallem ħafna kliem ieħor.

Dak il‑lejl Messuwa firxet kutra fuq sodda żgħira fir‑rokna. “Sar il‑ħin biex tmur torqod,” qaltlu. Mowgli daħal fis‑sodda u geżwritu sew fil‑friex.

Imma Mowgli ma tantx ħa pjaċir imgezzez fil‑lożor u magħluq bejn erba’ ħitan.

Fil‑għar fil‑ġungla kien ikun jista’ jħares ’il barra u jara l‑kwiekeb.

Għalhekk, qam mis‑sodda fis‑skiet, u ħareġ mit‑tieqa. Qagħad mimdud fuq il‑ħaxix twil u frisk li kien hemm maġenb id‑dar. Meta Messuwa sabitu rieqed hemm, ma rrabjatx.

F’nofs ta’ lejl, Mowgli ħass geddum imiss ma’ ħaddu. Kien Ferħ il‑Griż!

“Ġejt b’aħbar ħażina,” qallu minn taħt l‑ilsien. “Xer Kan hija rrabjata ħafna u ħalfet li tiġi toqtlok.”

“M’iniex qed nibża’ minnha,” wieġeb Mowgli. “Inti se terġa’ tiġi tarani ta’ spiss?”

“Iva,” wieġeb il‑lupu. “Nistenniek fl‑għalqa tal‑bambù, ħdejn l‑għelieqi fejn jirgħaw l‑annimali.” Il‑lupu sellimlu u telaq jiġri lura fil‑ġungla.

Fix‑xhur li għaddew Mowgli kien bieżel ħafna. Kellu wisq x’jitgħallem dwar il‑bnedmin.

L‑ewwel nett kellu jitgħallem juża l‑flus. Għan‑nies tar‑raħal kienet tidher xi ħaġa importanti ħafna, imma ma setax jifhem is‑sens warajha. Barra minn hekk, kellu jitgħallem ukoll kif jaħrat u jiżra’ ż‑żerriegħa.

Malajr tgħallem jitkellem tajjeb kważi daqs it‑tfal l‑oħrajn. Imma xi kultant kien iħallat il‑kliem, u t‑tfal l‑oħra kienu jidħqu bih. Mowgli kien jirrabja meta kien jiġri hekk, imma fil‑ġungla kien tgħallem iżomm kalm u ma jitlef il‑paċenzja qatt. U għalkemm kien b’saħħtu ħafna aktar mill‑oħrajn, qatt ma pprova jweġġagħhom.

Jum minnhom il‑kap tar‑raħal talab lil Mowgli biex jieħu l‑baqar u l‑bufli fl‑għelieqi biex jirgħaw, u kellu jibqa’ għassa magħhom il‑ġurnata kollha.

Mowgli ħa pjaċir b’dan, għax issa li kellu xogħol u responsabbiltà, seta’ joqgħod bilqiegħda mal‑irġiel tar‑raħal. Kienu

jiltaqgħu kull filgħaxija madwar siġra kbira, u dan fakkru fil‑Blata tal‑Kunsill u l‑laqgħat tal‑ilpup.

Wieħed minnhom, Buldeo, kien il‑kaċċatur tar‑raħal. Kien joqgħod bl‑ixkubetta fuq irkopptejh u jirrakkonta ħrejjef dwar iħirsa u mostri, u ġrajjiet strambi fil‑ġungla.

L‑irġiel l‑oħra kienu jitbellhu u jberrqu għajnejhom meta kien isemmi dawn l‑għeġubijiet. Imma Mowgli kien jaf li dawk kienu kollha ħmerijiet. Madankollu qatagħha li jibqa’ sieket u ma jgħaddix kummenti.

***** ***** stat_3 ***** *****

9: It‑Tigra! It‑Tigra!

L‑għada filgħodu, Mowgli rikeb fuq Rama, l‑akbar barri fil‑merħla, u rħielha lejn l‑għelieqi mal‑barrin u l‑bufli l‑oħra. Hemmhekk sab tfal oħra mir‑raħal li kienu qed jieħdu ħsieb il‑merħliet tagħhom.

Il‑baqar u l‑barrin qagħdu jieklu u jomogħdu l‑ħaxix, waqt li l‑bufli qagħdu jitmiegħku fit‑tajn.

It‑tfal qagħdu bilqiegħda fid‑dell; jew jilagħbu biċ‑ċagħaq, jew jagħmlu basktijiet bil‑weraq u l‑ħaxix. Xi kultant kienu joqogħdu jgħannu, jew jagħmlu balal tat‑tajn u jissuttawhom lil xulxin. Meta kienu jħossuhom għajjenin, kienu jieħdu nagħsa bix‑xift.

Hekk kif beda jagħbex, it‑tfal ġabru lill‑annimali flimkien, u rħewlha lura lejn ir‑raħal. Il‑jiem li kienu jqattgħu jirgħaw l‑annimali kienu dejjem l‑istess u Mowgli kien qed iħoss in‑nuqqas tal‑avventuri li kien ikollu fil‑ġungla!

Darba, waqt li kien qiegħed għassa mal‑merħla bħas‑soltu, Ferħ il‑Griż ġie jiġri fuqu, nifsu maqtugħ. “Xer Kan ġejja toqtlok!” qallu.

“Tajjeb,” lissen Mowgli. “Se nkun lest għaliha. Naqsam il‑merħla fi tnejn u naqbadha fin‑nofs. Imma għandna bżonn min jgħinna.”

Dak il‑ħin sema’ leħen ieħor li kien jaf. “Ġejt jien ukoll biex ngħinek!” Kien Akela!

“Akela!” għajjat Mowgli. Ħassu tassew kburi li Akela ma kienx nesieh.

“Ħu nofs il‑merħla, Akela,” qal Mowgli. “Ferħ il‑Griż, inti ħu ħsieb in‑nofs l‑ieħor.”

Iż‑żewġt ilpup fil‑pront marru jagħmlu dak li talabhom.

Mowgli rikeb fuq Rama. Kien f’dak il‑waqt li tfaċċat Xer Kan. Ġriet mill‑ewwel lejn Mowgli, b’għajta qawwija u n‑nejbiet mikxufin.

“Akela! Ferħ il‑Griż!” għajjat Mowgli.

Instema’ ħafna rbumbjar hekk kif l‑ilpup gerrxu l‑merħla f’salt, bl‑annimali kollha jiġru flimkien lejn it‑tigra.

Malli Xer Kan rat dawk l‑annimali kollha resqin jiġru lejha, ħassitha magħluqa u għajtet għajta qawwija.

Imma dak l‑għajjat kollu kien għalxejn. Iż‑żewġ partijiet tal‑merħla ltaqgħu fin‑nofs, u Xer Kan intradmet taħt dawk is‑saqajn u l‑qrejjen kollha. Malli l‑annimali kollha kienu għaddew minn fuqha, ma kien baqa’ xejn għajr sħaba trab fl‑arja. Hekk kif din qagħdet, Mowgli seta’ jara lit‑tigra mixħuta għal tulha fl‑art. Kienet mejta.

It‑tfal l‑oħra raw x’ġara, u marru jiġru kollha r‑raħal.

Sadattant, Mowgli beda jqaxxar il‑ġilda tat‑tigra. L‑ilpup għenuh bis‑snien jaqtgħu tagħhom.

Madankollu, l‑ilpup ma damux hemm, u marru jinħbew wara xi blat hekk kif it‑tfal ġew lura mir‑raħal ma’ Buldeo. Malli l‑kaċċatur wasal, bilkemm seta’ jemmen x’kien qed jara – tifel żgħir qed iqaxxar tigra ta’ għaxar piedi!

“Hawn x’qed jiġri?” staqsa. “Għalfejn ħallejt il‑merħla tiġri?” Mowgli ma weġibx hekk kif kompla jqatta’ bis‑sikkina.

“Ġibt ruħek ta’ tifel imqareb,” kompla Buldeo. “Kont ixxurtjat li kumbinazzjoni t‑tigra spiċċat fin‑nofs. Hemm premju ta’ mitt rupee għal min joqtol tigra. Agħtini l‑ġilda, u nħallik iżżomm rupee għalik.”

“Il‑ġilda hija tiegħi!” qabeż Mowgli. “Flusek m’għandix bżonnhom. Itlaq minn hawn.”

“X’wiċċ għandek tkellimni hekk!” għajjat Buldeo mistagħġeb. “Agħtini dik il‑ġilda!”

Hekk kif qal hekk, Akela u Ferħ il‑Griż qabżu minn wara l‑blat bi snienhom mikxufin. Buldeo twerwer.

“Ħalluh fil‑paċi, ħuti," għajjat Mowgli.

Buldeo dar u lebbet lura lejn ir‑raħal.

Kien kważi dalam meta Mowgli spiċċa jqaxxar lit‑tigra. Akela u Ferħ il‑Griż għenuh jieħu l‑merħla lura lejn ir‑raħal.

Ir‑raħal kollu kien qed jistennieh barra. Mowgli ħaseb li kienu hemm biex jilqgħuh. Wara kollox kien qatlilhom lil Xer Kan, it‑tigra l‑qalila.

Imma malajr intebaħ li r‑raħħala kienu rrabjati. “Itlaq minn hawn!” bdew jgħajtu. “Ħu s‑seħer tiegħek lura fil‑ġungla minn fejn ġejt, ferħ l‑ilpup!”

Buldeo kien qal lil kulħadd li Mowgli kien speċi ta’ saħħar. Qalilhom li kien tefa’ xi għamla ta’ seħer fuqu, u li kellu żewġ bhejjem kbar miegħu!

Mowgli ma setax jifhem x’kien għamel tant ħażin li r‑raħal kollu kien irrabjat għalih. Messuwa ġiet tiġri lejh.

“Għażiż ibni!” qaltlu mbikkma. “Jiena naf li inti twajjeb. Imma jkollok tmur lura fil‑ġungla. Ir‑raħħala joqtluk jekk tibqa’ hawn!” Bisitu, u telqet tolfoq lura d‑dar.

Ferħ il‑Griż ġibed lil Mowgli minn fuq Rama. “Ejja, għaġġel,” qallu, “qabel ma jkun tard wisq.”

U hekk Mowgli kellu jiġri lura fil‑ġungla ma’ sħabu l‑ilpup.

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Lura d‑Dar

Kien qed jisbaħ meta Mowgli wasal fil‑għar tal‑lupa omm. “Keċċewni mir‑raħal,” qalilha. “Imma kelmti żammejtha!” U poġġa l‑ġilda ta’ Xer Kan ma’ saqajha.

“Kont naf li xi darba se terġa’ tiġi lura,” qaltlu bi dmugħ ta’ ferħ f’għajnejha, “u li se jirnexxilek toqtol lil Xer Kan.”

Marru kollha fuq il‑Blata tal‑Kunsill, u Mowgli firex il‑ġilda tat‑tigra hemm. Akela resaq ’il quddiem u qagħad bilqiegħda fuqha. Wara, dan għajjat għajta biex isejjaħ lill‑ilpup kollha. Balù u Bagira ġew ukoll.

Hekk kif l‑ilpup bdew jinġabru taħthom, Mowgli baqa’ wieqaf fuq il‑blata maġenb Akela.

“Erġajt lura!” għajjat malli l‑ilpup kienu kollha miġburin. “U żammejt kelmti! Qtilt lil Xer Kan!”

Wieħed mill‑ilpup anzjani għajjat lura, “Erġa’ ibda mexxina, Akela! Ibda mexxina, ferħ il‑bniedem!”

“Iva! Iva!” bdew jgħajtu l‑ilpup l‑oħra. “Akela u ferħ il‑bniedem imexxuna flimkien!”

“Le!” qabeż Mowgli. “Kont naħseb li intom ħuti, imma keċċejtuni. Kont naħseb li r‑raħħala kienu ħuti, imma keċċewni huma wkoll.

Minn issa ’l quddiem se nibda ngħix u nikkaċċja waħdi.” “Jien niġi nikkaċċja miegħek,” kompla Ferħ il‑Griż. “U tinsiex lilna, ċkejken!” qabeż Balù.

“Iva,” kompliet Bagira, “aħna se nkunu dejjem hawn meta jkollok bżonna.”

U hekk, Mowgli u Ferħ il‑Griż telqu mill‑Kunsill tal‑Blata, u baqgħu jgħixu flimkien fil‑ġungla li kienu tant iħobbu.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Pied: Kejl Ingliż għat‑tul − madwar 30 ċentimetru.

Rupee: Il‑flus użati fl‑Indja. Illum rupee wieħed jiswa ftit aktar minn ewroċenteżmu.

***** ***** stat_3 ***** *****