Ħrejjef tradizzjonali

Stejjer Folkloristiċi mit-Turkija
Madwar 3,800 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-provi:
Therese Vella
u t-tim tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Il-Praspar
Is-Soppa u l-Qattus
Ċajta biz-Zalza
Ċerti Nies ma Jitgħallmu Qatt!
Fid-Dawl tax-Xemgħa
Il-Ħmar li Jaqra
Nasreddin u l-Bieb
Rikba sas-Suq
Il-Borma li Welldet
Id-Disat Iħmir ta’ Nasreddin
Riħet l-Ikel u ċ-Ċekċik tal-Flus
Daqqa ta’ Ħarta
Nasreddin Isalva ’l-Qamar
Kliem l-Injorant
Ħabel tal-Inxir Miksi bid-Dqiq
It-Taħdita
Iċ-Ċurkett
Għaliex Riekeb il-Ħmar b’Lura?
Agħmel dak li Jogħġbok
Inkwiet bl-Iljunfant
Naf Jien x’Nagħmel!
L-Istess Togħma
Aqbdu dik it-Triq
L-Aħħar Ċajta

Kelmtejn Qabel

Nasreddin (jew Nasreddin Hoġġa) huwa karattru fittizju fil‑folklor ta’ pajjiżi Misilmin, mill‑Balkani saċ‑Ċina. Għandu ħafna stejjer u aneddoti fejn xi kultant jispikka bħala raġel għaref jew makakk, waqt li f’oħrajn jidher bniedem injorant li faċli tgħaddih biż‑żmien. Il‑parti l‑kbira tal‑istejjer huma umoristiċi u ta’ spiss għandhom xi għamla ta’ tagħlima.

‘Hoġġa’ tfisser mgħallem, jew għalliem. Imma Nasreddin kellu ħafna aktar rwoli, skont l‑istejjer. Kien ukoll imħallef u imam (speċi ta’ kappillan fir‑reliġjon Musulmana).

Il‑karattru huwa marbut l‑aktar mal‑folklor Tork għaliex fil‑belt ta’ Akseħir hemm qabar li jingħad huwa tiegħu. Madankollu ma nafux Nasreddin kienx jeżisti tassew.

L‑istejjer tiegħu xterdu anki f’pajjiżi mhux Misilmin, inklużi r‑Russja, ir‑Rumanija, il‑Bulgarija, il‑parti t’isfel tal‑Italja; u fil‑folklor Malti żviluppa fil‑karattru ta’ Ġaħan. Fil‑fatt, meta taqra l‑istejjer tista’ tara li wħud minnhom huma familjari ħafna, għalkemm b’xi rqaqat żgħar minħabba d‑differenza fil‑kultura.

Huwa maħsub li hemm madwar 350 storja ta’ Nasreddin. Hawn taħt se ssib l‑aktar popolari fosthom.

***** ***** stat_3 ***** *****

Is‑Soppa u l‑Qattus

Għodwa waħda Nasreddin xtara żewġ kilogrammi laħam. Ħadhom id‑dar u talab lill‑mara biex issajjarlu soppa għal filgħaxija. B’moħħu mistrieħ li dik il‑lejla kien se jkollu ikla tajba, mar jaħdem fl‑għelieqi.

Il‑mara sajret is‑soppa, imma qrib nofsinhar ġew xi ħbieb iżuruha. Billi ma kellha xejn x’toffrilhom, tathom mis‑soppa, u din malajr spiċċat.

Wara jum twil xogħol, Nasreddin reġa’ lura mill‑għelieqi, u talab lil martu tagħtih ftit mis‑soppa.

“Uuu!” lissnet il‑mara. “Ma taqtax x’ġara! Kielha kollha l‑qattus!”

Għajn Nasreddin għokritu. Ħares lejn il‑qattus xipli fir‑rokna tal‑kamra, li kien jidher imġewwaħ aktar minnu. Ħatfu, u poġġieh fil‑keffa tal‑miżien.

Kien jiżen eżatt żewġ kilogrammi.

“Mara!” lissen Nasreddin. “Jekk dan huwa l‑qattus, fejn hi s‑soppa li kiel? U jekk din hija s‑soppa, fejn hu l‑qattus?”

***** ***** stat_3 ***** *****

Ċajta biz‑Zalza

Nasreddin ħadha drawwa kull filgħodu jagħmel talba lil Allaħ biex jagħtih elf munita tad‑deheb. Fit‑talba tiegħu kien jagħmilha ċara li xtaq elf munita eżatt. 999 munita ma kinux biżżejjed, u ma kienx jaċċettahom. Din it‑talba kien jgħidha kull filgħodu b’leħen għoli, tant li l‑ġar kien dejjem jisimgħu jgħidha. Il‑ġar kien raġel sinjur imma kien magħruf bħala bniedem xħiħ. Kien ukoll iħobb jagħmel ċajtiet fuq in‑nies.

Darba waħda dan il‑ġar qatagħha li jgħaddi biż‑żmien lil Nasreddin. Ġietu idea li kien ċert li kienet eċċellenti u li tassew kien se jiddeverti jagħmilha. Poġġa 999 munita tad‑deheb fi xkora, tela’ biha fuq il‑bejt ta’ dar Nasreddin u waddabhielu miċ‑ċumnija waqt li kien qed jgħid it‑talba ta’ filgħodu bħas‑soltu. Wara qagħad sieket jissemma’ x’kien se jiġri.

L‑ewwel sema’ l‑ħoss tal‑ixkora tinstabat mal‑art. Nasreddin minnufih waqaf jitlob u beda jgħodd il‑muniti. Il‑ġar kien qed jistenna li malli Nasreddin jgħodd 999 munita biss, kien joqgħod jilmenta u jirrifjuta l‑muniti kif kien dejjem iwiegħed fit‑talba tiegħu. Madankollu l‑ġar sema’ lil Nasreddin jgħid:

“Grazzi, Sinjur, talli smajt it‑talba ta’ dan il‑bniedem miżerabbli. Tassew tajtni biss 999 munita, imma jien ċert li meta tkun trid inti tibgħatli wkoll il‑munita li baqa’.”

Dan ma kienx eżatt dak li l‑ġar kien qed jistenna, u issa qabdu ferħ ta’ ġenn. Kien se jitlef flusu! Niżel bil‑ġirja minn fuq is‑saqaf tad‑dar u mar iħabbat bieb Nasreddin. Malli Nasreddin fetaħ il‑bieb, il‑ġar qabad jgħajjat:

“Ejja, Nasreddin, tini flusi lura!”

“Mela qed tiġġennen?” wieġeb Nasreddin. “Ma niftakarx li ssellift xi flus mingħandek.”

“Għażiż Nasreddin, ħalli nirraġunaw. Smajtek titlob lil Allaħ biex jipprovdilek elf munita tad‑deheb, u li ma taċċettax inqas. Biex nara kellekx il‑ħila tirrifjuta 999 munita, waddabtlek il‑muniti jien fiċ‑ċumnija!”

Nasreddin kien ċert li dawk il‑flus kien ipprovdihomlu Allaħ, u issa ried joqgħod attent x’jgħid biex ma jitlifhomx, għax kienu jispiċċaw fis‑sniedaq ta’ ġaru.

“Iva! Storja sabiħa!” lissen. “Min qatt sema’ b’xi ħadd jixħet id‑deheb fiċ‑ċmieni tal‑ġirien?”

Issa l‑ġar intebaħ li Nasreddin ma kienx se jemmnu, u heddu li jtellgħu l‑qorti.

“Bil‑qalb kollha nitilgħu l‑qorti,” wieġeb Nasreddin. “Jewwilla m’intix qed tippretendi li nieħu mixja sal‑qorti biex nogħġob lilek, hux?”

Ma’ dan il‑kliem il‑ġar mar jiġri fl‑istalel tiegħu u ġablu żiemel. Imma Nasreddin kien għadu mhux kuntent.

“U m’intix qed timmaġina,” kompla Nasreddin, “li se mmur il‑qorti b’dawn il‑ħwejjeġ żdingati, hux?”

U l‑ġar reġa’ ġera lura f’daru u ġablu ħwejjeġ ġodda fjamanti. Nasreddin libes il‑ħwejjeġ, rikeb iż‑żiemel u rħielha bit‑trott lejn il‑palazz tal‑qorti. Il‑ġar ġera warajh u bilkemm seta’ jlaħħaq miegħu.

Quddiem l‑imħallef, bla nifs, il‑ġar spjega l‑każ tiegħu. Wara, tkellem Nasreddin.

“Eċċellenza, kulma għandi x’ngħid jien hu li qatt ma ssellift flus mingħand dan ir‑raġel. Naħseb semagħni ngħodd il‑flus li pprovdieli Allaħ, u vvinta din il‑ħrafa biex jipprova jisraqhomli. Barra minn hekk qed nissuspetta li qed jiġġennen. Jekk jibqa’ sejjer hekk se jispiċċa jgħid li ż‑żiemel li ġejt bih huwa tiegħu wkoll!”

Malli sema’ dan il‑ġar beda joqmos bir‑rabja. “Dażgur li huwa tiegħi!” qabad jgħajjat. “Sliftulek għax kieku ma kontx tiġi l‑qorti!”

“Qed tisma’, Eċċellenza?” kompla Nasreddin. “Ara x’kull waħda! Ma tridx tgħid li l‑ħwejjeġ li jien liebes huma tiegħek ukoll, hux?”

“Dażgur li huma tiegħi! Slifthomlok biex ... biex ...” U l‑ġar waqaf hemm għax fl‑aħħar intebaħ li Nasreddin kien nasbu waħda sew. Mhux biss tilef flusu, iż‑żiemel u l‑ħwejjeġ, imma issa n‑nies kienet se tgħoddu b’miġnun ukoll.

Dik l‑imbierka ċajta kienet swietlu sew.

***** ***** stat_3 ***** *****

Ċerti Nies ma Jitgħallmu Qatt!

Darba waħda Nasreddin xtara ħmar mis‑suq u qabad triqtu lura d‑dar, jiġbed il‑ħmar warajh b’ħabel. Aljenat kif kien, kuntent bix‑xirja tiegħu, ma lemaħx żewġ ħallelin li kienu mixjin warajh.

Wieħed minnhom beda bil‑mod il‑mod iħoll il‑ħabel minn madwar għonq il‑ħmar. Malli lesta, rabat il‑ħabel ma’ għonq sieħbu, u hu telaq sieket sieket bil‑ħmar.

Meta Nasreddin wasal id‑dar u ħares lura lejn il‑ħmar, stagħġeb malli ra persuna minflok.

“Int min int?” staqsa. “X’għamilt bil‑ħmar tiegħi?”

“Ikollok ħniena minni, Sinjur,” wieġeb il‑ħalliel. “Ħafna snin ilu għamilt ġennata. Ġibt ruħi ħażin ma’ ommi u biex tikkastigani xeħtet seħer fuqi u għamlitni ħmar. Inti, persuna ħanina u ġeneruża, xtrajtni. Għalhekk issa rġajt sirt persuna. Allaħ ikun dejjem miegħek, Sinjur!”

Il‑ħalliel beda jbus id Nasreddin u jkompli jirringrazzjah talli kien ħelsu.

Għalhekk Nasreddin ħall il‑ħabel minn ma’ għonqu. “Tista’ tmur lura għand ommok,” qallu. “Imm’issa ara li ma terġax iġġib ruħek ħażin magħha.”

L‑għada filgħodu Nasreddin reġa’ rħielha lejn is‑suq biex jixtri ħmar ieħor. U, ħaġa tal‑għaġeb, lemaħ l‑istess ħmar li kien xtara l‑jum ta’ qabel, issa bi prezz ogħla!

Mar dritt fuqu, u pespislu f’widintu. “Ċerti nies ma jitgħallmu qatt!” qallu. “Ma smajtx il‑parir tiegħi u iss’ara x’reġgħet għamlitlek, ommok!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Fid‑Dawl tax‑Xemgħa

Kien l‑eqqel tax‑xitwa meta ġurnata waħda l‑ħbieb ta’ Nasreddin qatgħuha li jagħmlulu ċajta. Waqt li kienu kollha flimkien għaddewlu proposta:

“Nasreddin, minkejja l‑ftaħir tiegħek, lesti li nagħmlu mħatra li m’intix kapaċi toqgħod il‑lejl kollu mingħajr ħwejjeġ f’din il‑kesħa. Jekk taċċetta l‑imħatra u tirbaħ, inħallsulek ikla. Imma jekk titlef, ikollok tagħmel ikla għalina lkoll. Biss oqgħod attent: fl‑imħatra ma tista’ tuża l‑ebda tip ta’ nar biex iżommok sħun.”

Nasreddin aċċetta l‑imħatra, u dak il‑lejl qagħad għarwien, iterter bil‑bard f’dik il‑kesħa. Ħadd minn sħabu ma ħaseb li joqgħod miegħu u josservah. L‑għada filgħodu malli qalilhom li rebaħ l‑imħatra, staqsewh, “Issa għid il‑verità, waqt li kont barra fil‑kesħa, ma użajt l‑ebda nar?”

“Nammetti,” wieġeb Nasreddin, “li użajt xemgħa żgħira għad‑dawl, għax ma niflaħx noqgħod fid‑dlam ċappa.”

Malli semgħu dan, ħbiebu qabdu jgħajtu. “Mela tlift l‑imħatra, Nasreddin, għax issaħħant bin‑nar tax‑xemgħa!” U għalhekk kellu jippreparalhom ikla.

L‑għada filgħodu marru kollha għand Nasreddin biex jieklu għandu. Wasal il‑ħin tal‑ikla, imma l‑ikel baqa’ ma wasalx. Nasreddin beda dieħel u ħiereġ mill‑kċina minn mument għall‑ieħor. Fl‑aħħar, ħin l‑ikla kien għadda ġmielu, u l‑ħbieb kienu għadhom qed jistennew.

Malli għal darb’oħra Nasreddin daħal fil‑kċina, ħbiebu qamu u marru warajh, kollha kurjużi.

Sabu l‑borma bl‑ikel imdendla fil‑għoli – u xemgħa żgħira taqbad taħtha.

“Nasreddin!” għajtu mistagħġbin, “kif tista’ ssajjar l‑ikel f’borma daqsiex b’biċċa xemgħa!”

“Ħeqq,” wieġeb hu, “intom għidtu li jien stajt nissaħħan bin‑nar ta’ biċċa xemgħa, għalhekk ma narax għalfejn m’għandix nuża xemgħa biex insajjar l‑ikel!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Ħmar li Jaqra

Darba waħda Nasreddin kien mistieden fil‑palazz tal‑Imperatur Timur. Billi kien jum sabiħ, Timur ħa lill‑mistednin tiegħu fl‑istalel kbar tal‑palazz biex jurihom xi annimali li kellu. Timur uriehom ħmar li kien xtara reċentement.

Biex jogħġob lill‑Imperatur, Nasreddin beda jfaħħar lill‑ħmar u jifraħ lill‑Imperatur tal‑għażla sabiħa li għamel meta xtrah.

“Fil‑fatt,” kompla bl‑entużjażmu kollu, “tant jidher intelliġenti li naħseb jista’ anki jitgħallem jaqra!” Eżatt malli ħareġ dawk il‑kliem Nasreddin iddispjaċieh li qalhom – imma kien tard wisq.

“Tassew taħseb li tista’ tgħallmu?” Timur ħatfu fil‑kelma. “Mela nagħtik xahar żmien!”

Malli qal hekk Timur ordna lis‑sefturi jagħtu l‑ħmar lil Nasreddin, u Nasreddin kellu jieħdu d‑dar biex jagħmel l‑impossibbli. Kien jaf li jekk ma jagħmilx dak li ordnalu l‑Imperatur kien se jispiċċa ħażin.

Mela xahar wara eżatt Nasreddin mar il‑palazz bil‑ħmar u bi ktieb kbir f’idejh. L‑għassiesa tal‑palazz ħaduhom quddiem l‑Imperatur.

“Mela, Nasreddin. Ix‑xahar għadda. Urini x’irnexxielek tagħmel.”

Nasreddin poġġa l‑ktieb quddiem il‑ħmar u fetħu fl‑ewwel paġna, u l‑ħmar bil‑kalma kollha beda jdawwar il‑paġni bi lsienu. Meta dawwar nofs il‑paġni tal‑ktieb, waqaf u beda jinħaq.

Timur infaqa’ jidħaq. “Kif irnexxielek tħarreġ lil biċċa ta’ ħmar jagħmel dawn it‑teatrini?”

Nasreddin ħa r‑ruħ għax ra li l‑Imperatur fehem iċ‑ċajta, u beda jispjega:

“Mela, Maestà, bdejt billi poġġejtlu tibna taħt l‑ewwel paġna. Il‑ħmar kellu jdawwar il‑paġna biex jiekol it‑tibna. L‑għada poġġejtlu tibna taħt it‑tieni paġna, u l‑ħmar kellu jdawwar żewġ paġni biex jikolha. Fit‑tielet jum kellu jdawwar tliet paġni biex jasal għat‑tibna, u bqajna sejrin hekk. Illum, wara li dawwar ħafna paġni, qabad jinħaq għax ma sabx tibna waħda!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Nasreddin u l‑Bieb

Meta Nasreddin kien għadu tifel, ommu darba waħda kellha toħroġ għal xi qadi s‑suq ma’ ħbiebha. Qabel ma telqet, qaltlu:

“Isma’ sew, Nasreddin. Hawn biżżejjed ikel id‑dar. Tista’ tiekol li trid meta jaqbdek il‑ġuħ. Jekk trid tilgħab ma’ sħabek, tista’ tilgħab barra, imma mhux bogħod mid‑dar. Żomm għajnejk dejjem fuq il‑bieb, u tagħmel x’tagħmel, titilqux waħdu.”

Meta qabdu l‑ġuħ kiel ikla sew u wara beda jongħos. Intefa’ mal‑art quddiem il‑bieb ta’ barra u għajnu marret bih.

Malli stenbaħ sab lir‑raġel t’oħtu quddiemu.

“Ommi ħarġet,” qallu.

“Għidilha li llejla se niġu nżuruha,” qallu r‑raġel t’oħtu, u telaq.

Issa Nasreddin kellu problema. Ommu kienet qaltlu biex ma jitlaqx il‑bieb ta’ barra waħdu. Imm’issa kellu ordni oħra biex imur javża lil ommu li kienet ġejja l‑familja t’oħtu. X’jagħmel?

Fl‑aħħar iddeċieda. Fetaħ il‑bieb u b’ħafna tqanżih irnexxielu jaqalgħu miċ‑ċappetti. Refa’ l‑bieb wara daru u bil‑qajla rħielha lejn is‑suq.

Malli ommu ratu ġej bil‑bieb, baqgħet imbellha. “Nasreddin! X’ix‑xjafek qed tagħmel? X’ġibtu jagħmel dak il‑bieb miegħek?!”

“Ħeqq, ġejt biex ngħidlek li oħti ġejjin għandna llejla, imma fl‑istess ħin ridt nieħu ħsieb il‑bieb kif għidtli!”

***** ***** stat_3 ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Borma li Welldet

Darba waħda Nasreddin issellef borma kbira mingħand il‑ġar. L‑għada reġa’ ħadhielu lura, b’borma żgħira ġo fiha. Meta l‑ġar staqsieh dwarha, Nasreddin wieġeb:

“Eh, iva, bilħaqq, insejt ngħidlek. Il‑borma tiegħek welldet tarbija sakemm kienet għandna!” Il‑ġar emmen l‑istorja u aċċetta l‑borma tarbija.

Ftit jiem wara Nasreddin reġa’ talab biex jissellef il‑borma l‑kbira, u l‑ġar tahielu. Din id‑darba għaddew ħafna jiem, u Nasreddin ma ġabx il‑borma lura. Il‑ġar stenna ftit jiem oħra u fl‑aħħar mar għand Nasreddin.

“Nasreddin, x’sar minnha l‑borma li sliftek?” staqsieh.

“Kif, ma smajtx?” wieġeb Nasreddin pront pront. “Il‑borma mietet dakinhar li slifthieli!”

“U ejja, Nasreddin, m’intix qed taħseb li se nemmnek li borma tista’ tmut!”

“Ħeqq!” wieġeb Nasreddin. “La qabel emmint li tista’ twelled, issa jkollok temmen li mietet!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Id‑Disat Iħmir ta’ Nasreddin

Darba waħda Nasreddin ried imur sal‑mitħna tar‑raħal biex jitħnulu l‑qamħ. Il‑ġirien talbuh jieħu l‑qamħ tagħhom ukoll ħalli jiffrankaw joqogħdu jmorru sal‑mitħna huma. Ta’ qalb tajba li kien, Nasreddin ma qalx le.

L‑għada filgħodu rħielha għall‑mitħna b’disat iħmir kollha mgħobbijin bil‑qamħ. Ried joqgħod attent li ma jmurx xi ħmar minnhom jitbiegħed u jintilef; għalhekk iddeċieda li jiċċekkjahom minn żmien għal ieħor. Billi Nasreddin ma kienx għadu f’żgħożitu, malajr għajja jimxi. Il‑ħmar tiegħu kien l‑inqas mgħobbi; għalhekk qatagħha li jirkbu biex iserraħ ftit saqajh.

Ftit ħin wara ċċekkja l‑ħmir. Qalbu għamlet tikk meta għadd tmienja biss. Reġa’ għaddhom. Kienu għadhom tmienja.

Niżel minn fuq il‑ħmar u dar madwar l‑għelieqi viċin biex jara jsibx id‑disa’ ħmar. Għalxejn! Hu u miexi lura lejn il‑ħmir beda jinkwieta. Iss’aħjar! X’kien se jgħid lill‑ġirien? Żgur li kienu se jirrabjaw la tilfilhom ħmar u l‑qamħ.

Meta wasal ħdejn il‑ħmir, sab li kienu disgħa! Ħaseb li l‑ħmar il‑mitluf kien reġa’ lura sakemm hu kien qed ifittxu. B’moħħu mistrieħ, reġa’ rikeb il‑ħmar tiegħu u kompla fi triqtu.

Ftit ħin wara reġa’ għadd il‑ħmir biex ikun ċert. U issa reġa’ kien hemm tmienja biss! U reġa’ għadd, u reġa’ għadd – imma kull darba beda jgħodd tmienja!

Tant beda jinkwieta li lanqas lemaħ ħabib tiegħu li kien qed joqrob tul it‑triq. Il‑ħabib rah ħosbien, u staqsieh x’kienet il‑problema. Nasreddin spjegalu.

Il‑ħabib infaqa’ jidħaq. “Naf fejn qiegħed id‑disa’ ħmar,” qal lil Nasreddin.

“Fejn?”

“Qiegħed riekeb fuqu, imbierek!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Riħet l‑Ikel u ċ‑Ċekċik tal‑Flus

Darba lil tallab tawh biċċa ħobż x’jiekol, imma ma tawh xejn aktar x’jiekol magħha. Bit‑tama li forsi jkollu xi ħaġa x’jiekol mal‑ħobż, mar f’lukanda u talab għal xi fdal tal‑ikel. Sid il‑lukanda ma tah xejn u qallu biex jitlaq minn hemm. It‑tallab daħal fil‑kċina bil‑moħbi, fejn kien hemm borma soppa fuq in‑nar. Qabad il‑biċċa ħobż u poġġieha fuq il‑borma bit‑tama li l‑fwar tiela’ jħalli ftit togħma tas‑soppa mal‑ħobż.

F’daqqa waħda tfaċċa sid il‑lukanda u ħatfu minn idu. “Qed tisraq l‑ikel!” qallu.

“Ma sraqt xejn! Kont qiegħed biss inxomm ir‑riħa tas‑soppa!”

“Mela trid tħallas tar‑riħa!” qabeż sid il‑lukanda.

Imma t‑tallab ma kellux flus, għalhekk sid il‑lukanda ħadu għand l‑imħallef.

Dakinhar inzerta li Nasreddin kien qiegħed jagħmel ix‑xogħol ta’ mħallef. Sema’ sew l‑akkuża ta’ sid il‑lukanda u l‑ispjegazzjoni tat‑tallab.

“Mela inti qed titlob li dan it‑tallab iħallsek talli xamm l‑ikel tiegħek, hux hekk,” qal Nasreddin fl‑aħħar.

“Hekk hu, Sinjur,” wieġeb sid il‑lukanda.

“Mela nista’ nħallsek jien stess,” kompla Nasreddin. “Se nħallas għar‑riħa tal‑ikel bil‑ħoss tal‑flus.”

Għalhekk Nasreddin ħareġ żewġ muniti mill‑but, ċekċikhom sew flimkien għal darba darbtejn, reġa’ daħħalhom f’butu, u qal lil sid il‑lukanda u lit‑talab biex jitilqu minn quddiemu.

***** ***** stat_3 ***** *****

Daqqa ta’ Ħarta

Darba waħda Nasreddin kien fis‑suq meta raġel li ma kienx jaf resaq fuqu u tah daqqa ta’ ħarta. U mbagħad qal, “Skużani, ħsibtek xi ħadd ieħor.”

Imma din ma kinitx biżżejjed għal Nasreddin, u tella’ lir‑raġel quddiem l‑imħallef.

Madankollu Nasreddin ma damx ma ntebaħ li l‑imħallef u r‑raġel kienu ħbieb. Ir‑raġel ammetta li kellu tort, u l‑imħallef qata’ s‑sentenza. “Bħala ħlas tad‑daqqa ta’ ħarta,” qal lir‑raġel, “inti ordnat tħallas munita tad‑deheb lil Nasreddin. Jekk m’għandekx munita fuqek, mur id‑dar u ġibha hawn għall‑kumdità tiegħek.”

Ir‑raġel minnufih telaq. Għalkemm din il‑biċċa Nasreddin ma daqqitlux, baqa’ hemm jistenna. U jistenna. U jistenna.

Fl‑aħħar, malli tilef il‑paċenzja, Nasreddin staqsa lill‑imħallef:

“Qed nifhem li munita tad‑deheb hija ħlas biżżejjed għal daqqa ta’ ħarta, hux hekk?”

“Hekk hu,” wieġeb l‑imħallef.

Għalhekk Nasreddin mar fuq l‑imħallef u tah daqqa ta’ ħarta. “Issa meta sieħbek jiġi bil‑munita tiegħi, tista’ żżommha int,” qal Nasreddin, u telaq ’il barra.

***** ***** stat_3 ***** *****

Nasreddin Isalva ’l‑Qamar

Lejla waħda Nasreddin ħares fil‑fond tal‑bir fil‑ġnien tiegħu u lemaħ ir‑riflessjoni tal‑qamar fl‑ilma.

“X’waħda din, il‑qamar waqa’ fil‑bir!”

Daħal id‑dar jiġri u ġab miegħu ganċ kbir marbut ma’ ħabel. Tefa’ l‑ganċ fil‑bir, u beda jtellgħu lura bil‑mod. Mument minnhom il‑ganċ weħel mal‑ħajt tal‑bir, u Nasreddin ma setax itellgħu. Beda jiġbed u jiġbed kemm jiflaħ, sakemm fl‑aħħar il‑ganċ ċeda. Bi skoss qawwi, Nasreddin waqa’ lura u ġie dahru mal‑art.

Kif kien mimdud hemm, wiċċu ’l fuq, lemaħ il‑qamar fis‑sema u tbissem.

“Għall‑erwieħ! Ħadt skoss f’dahri, imma għall‑inqas poġġejt il‑qamar f’postu!”

***** ***** stat_3 ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Ħabel tal‑Inxir Miksi bid‑Dqiq

Ġar darba minnhom talab lil Nasreddin isellfu l‑ħabel tal‑inxir.

“Ħalli nistaqsi lill‑mara,” wieġeb Nasreddin, u daħal ġewwa.

Ftit sekondi wara ġie lura. “Jiddispjaċini, ħabib, imma ma nistgħux nisilfuk il‑ħabel tal‑inxir, għax miksi bid‑dqiq.”

“U, ngħid jien, meta qatt xi ħadd jiksi ħabel tal‑inxir bid‑dqiq?” lissen il‑ġar.

“Meta xi ħadd ikun irid jissellfu,” wieġeb Nasreddin.

***** ***** stat_3 ***** *****

It‑Taħdita

Darba waħda lil Nasreddin talbuh jagħmel taħdita. Nasreddin kien għalliem tajjeb, u kulħadd kien jieħu pjaċir jisimgħu jitħaddet. Tela’ fuq il‑palk u kulħadd siket biex jisimgħu jitkellem.

“Tafu fuqhiex se nkellimkom illum?” staqsa lill‑udjenza.

U kulħadd lissen b’vuċi waħda, “Le!”

“Mela f’dak il‑każ nista’ nitlaq. Ma tagħmilx sens li nkellem lil nies li ma jafux x’qed ngħid!”

U qabel ma setgħu jwaqqfuh, ħareġ mis‑sala.

Imma n‑nies tassew riedet tisimgħu jitħaddet; għalhekk reġgħu stidnuh.

U Nasreddin reġa’ staqsiehom l‑istess mistoqsija. Imma din id‑darba l‑udjenza għajtet: “Iva!”

“Mela f’dak il‑każ nista’ nitlaq. Ma tagħmilx sens li nkellem lil nies li diġà jafu x’se ngħid. Ma rridx naħlilkom ħin.”

U qabel ma setgħu jwaqqfuh, ħareġ mis‑sala.

Issa tassew ħawwadhom. Bdew jiddiskutu u jargumentaw bejniethom sakemm fl‑aħħar iddeċidew li jippruvaw darba tal‑aħħar. Fasslu pjan, u reġgħu stiednu lil Nasreddin.

U reġa’ beda billi staqsihom l‑istess mistoqsija. Din id‑darba nofs in‑nies għajtu, “Le!” Waqt li n‑nofs l‑ieħor għajtu, “Iva!”

“Aaa!” qal Nasreddin. “Mela din hija sempliċi. Dak in‑nofs li tafu fuqhiex se nitkellem tistgħu tgħidu lin‑nofs l‑ieħor.”

U qabel ma setgħu jwaqqfuh, ħareġ mis‑sala.

***** ***** stat_3 ***** *****

Iċ‑Ċurkett

Lejla waħda waqt li Nasreddin kien fil‑kamra tas‑salott, waqagħlu ċurkett prezzjuż. Beda jfittxu mal‑art, imma ma setax isibu. Wara ftit żmien qata’ qalbu jfittex, u ħareġ barra biex ifittxu fil‑ġnien.

Għadda ħabib minn hemm dak il‑ħin, u malli ra lil Nasreddin ifittex mal‑art staqsieh x’kien qiegħed jagħmel.

“Tlift ċurkett fil‑kamra tas‑salott,” qal Nasreddin.

“Jekk tliftu fil‑kamra tas‑salott għalfejn qed tfittxu hawn barra?”

“Ġewwa d‑dlam u ma stajtx nara. Hawnhekk għall‑inqas għad baqa’ ftit dawl.”

***** ***** stat_3 ***** *****

Għaliex Riekeb il‑Ħmar b’Lura?

Darba, waqt li Nasreddin u l‑istudenti tiegħu kienu sejrin il‑moskea, Nasreddin rikeb il‑ħmar b’lura, għalhekk ma setax jara fejn il‑ħmar kien sejjer.

L‑istudenti staqsewh, “Mgħallem, għaliex riekeb il‑ħmar b’lura? M’intix qed tħossok skomdu?”

U Nasreddin weġibhom:

“Jekk nirkeb il‑ħmar b’wiċċi ’l quddiem, intom tkunu warajja u ma nkunx nista’ narakom. Jekk intom timxu quddiem il‑ħmar, jien inkun warajkom. Fiż‑żewġ każijiet, ma nkunx nista’ nħares lejkom. Għalhekk dan huwa l‑aktar mod li jagħmel sens!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Agħmel dak li Jogħġbok

Nasreddin u ibnu kellhom imorru f’raħal ieħor. Ibnu kien fuq il‑ħmar sakemm Nasreddin kien miexi maġenbu. Xi nies kienu ġejjin min‑naħa l‑oħra. Waqfu, u bdew josservaw lil iben Nasreddin.

“Ara ftit! It‑tifel qiegħed fuq il‑ħmar u l‑povru xwejjaħ qed jimxi. It‑tfal tal‑lum m’għandhom l‑ebda rispett!”

Nasreddin iddejjaq b’dawn il‑kummenti. Talab lil ibnu jinżel minn fuq dahar il‑ħmar u rikeb hu. Komplew mixjin.

Ftit wara raw ġemgħa oħra nies.

“Ara ftit!” bdew jgħidu. “B’din ix‑xemx tisreġ! Ir‑raġel qiegħed komdu fuq il‑ħmar u l‑imsejken tifel fuq riġlejh!”

Nasreddin reġa’ waqqaf il‑ħmar, u talab lil ibnu biex jirkeb miegħu. Komplew mixjin.

M’għaddiex ħafna żmien li ma ltaqgħux ma’ xi nies oħra.

“Ara ftit!” bdew jgħidu hekk kif ħarsu lejn Nasreddin u ibnu. “Povru annimal! Dak dalwaqt se joqtluh b’dak it‑toqol!”

Nasreddin ħa nifs twil. Waqqaf il‑ħmar u hu u ibnu niżlu minn fuq dahru. Komplew mixjin.

Waslu ħdejn grupp ieħor ta’ nies, li bdew iħarsu lejhom bi tbissima. “Kemm huma boloh!” bdew jgħidu. “Għandhom ħmar u ma rikbuhx!”

Nasreddin fl‑aħħar telgħulu, u dar lejn ibnu. “Qed tara, ibni? Lin‑nies qatt ma tista’ togħġobhom u l‑ħin kollu jiġġudikawk wara dahrek. Mela tagħtix kashom u dejjem agħmel li jogħġbok!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Inkwiet bl‑Iljunfant

Fil‑belt ta’ Akseħir, l‑Imperatur Timur telaq iljunfant u ħallieh jiġġerra mat‑toroq. Naturalment l‑iljunfant għamel ħafna ħsara fl‑għelieqi, fil‑ġonna, fid‑dwieli u fl‑irziezet. Fuq kollox, Timur ordna lin‑nies biex jieħdu ħsieb u jitimgħu lill‑iljunfant. Fl‑aħħar il‑poplu xeba' minn dan u talbu lil Nasreddin biex jgħid kelma lil Timur dwar il‑problemi u l‑ħsara li l‑iljunfant kien qed joħloq.

“Nasreddin, inti ħabib tal‑Imperatur. Inti biss tista’ ssolvilna din il‑problema,” qalulu.

“Kollox sew,” wieġeb Nasreddin. “Għada filgħodu mmur il‑palazz biex inkellmu. Nixtieq li ħmistax‑il persuna oħra jiġu miegħi biex nirrappreżentaw il‑belt kollha.”

L‑għada filgħodu r‑rappreżentanti nġabru fil‑pjazza u rħewlha lejn il‑palazz b’Nasreddin miexi quddiemhom.

Meta kienu qrib il‑palazz, Nasreddin ħares lura u ntebaħ li kien waħdu. Ir‑rappreżentanti kollha beżgħu u għosfru.

“Sewwa, ħallejtuni niffaċċja lill‑Imperatur waħdi. Issa nqegħedkom, jien!” qal Nasreddin bejnu u bejn ruħu, u daħal fil‑palazz biex ikellem lil Timur.

“Sinjur,” qallu. “Aħna, il‑poplu tal‑belt ta’ Akseħir, inħobbu ħafna lill‑iljunfant li ġibtilna fil‑belt, imma aħna ddispjaċuti ħafna għaliex l‑iljunfant jinsab waħdu. Għalhekk, f’isem il‑poplu tal‑belt, qiegħed nitolbok iġġib kumpanja lill‑iljunfant ħalli ma jibqax waħdu.”

Timur ħa pjaċir ħafna meta sema’ dan. “Ibgħat it‑tislijiet tiegħi lill‑poplu kollu. Għidilhom li biħsiebni naqtgħalhom xewqithom mill‑aktar fis."

Meta Nasreddin wasal lura l‑belt, kulħadd staqsieh kif baqa’ ma’ Timur.

"Ifirħu, kollha!" qalilhom. “F’qasir żmien se jkollkom iljunfanta wkoll x’tieħdu ħsieb u titimgħu!”

***** ***** stat_3 ***** *****

Naf Jien x’Nagħmel!

Darba, meta waqaf għal‑lejl f’raħal waqt vjaġġ twil, xi ħadd mil‑lukanda tilef is‑sarġ tal‑ħmar ta’ Nasreddin.

“Jaqblilkom issibuli dak is‑sarġ għax inkella jien naf x’nagħmel!” qal Nasreddin lis‑sid tal‑lukanda bir‑rabja.

Sid il‑lukanda beda jibża’ malli sema’ dan, u qabbad lill‑impjegati kollha biex jieqfu minn xogħolhom u jfittxu s‑sarġ. Damu qatigħ ifittxu, imma fl‑aħħar sabuh.

Sid il‑lukanda ta s‑sarġ lil Nasreddin, u qabel ma dan telaq għal triqtu, staqsieh:

“Sinjur, x’kont tagħmel kieku ma sibniex is‑sarġ?”

“Ħeqq,” lissen Nasreddin bil‑kalma kollha. “Kont nixtri ieħor.”

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Istess Togħma

Darba xi tfal lemħu lil Nasreddin ġej mid‑dwieli b’żewġt iqfief kbar mimlijin għeneb. Daru kollha madwaru.

“Nistgħu nduqu l‑għeneb, Nasreddin?” bdew jistaqsuh.

Nasreddin qabad għanqud minn qoffa, u beda jagħti għenba waħda lil kull tifel u tifla. Dawn ħatfuhom, iżda ma kinux kuntenti.

“B’dak l‑għeneb kollu li għandek għaliex tajtna għenba waħda biss kull wieħed?”

“Ħeqq!” wieġeb Nasreddin. “Intom mhux idduquh ridtu? M’hemmx bżonn tieħdu aktar għax kollha għandhom l‑istess togħma.”

***** ***** stat_3 ***** *****

Aqbdu dik it‑Triq

Darba Nasreddin tela’ fuq siġra, qagħad fuq fergħa u beda jaqtagħha b’mannara. Għadda raġel mit‑triq u beda jgħajjat:

“Hemm x’qed tagħmel!? Hekk se taqa’ bil‑fergħa b’kollox!”

Nasreddin ma tax kas x’qallu r‑raġel. Baqa’ jaqta’ sakemm fl‑aħħar il‑fergħa ċediet u waqa’ mal‑art. Għalkemm kien ftit imbenġel u migruf, qam minnufih u mar jiġri wara r‑raġel.

“Isma’ ħabib! Ladarba kont taf li kont se naqa’, tista’ tgħidli meta se mmut?” staqsa Nasreddin.

Biex jeħles minnu, ir‑raġel wieġeb:

“Meta l‑ħmar tiegħek jinħaq darbtejn wara xulxin waqt li hu mgħobbi b’ħafna tagħbija hu u tiela’ għolja kemxejn wieqfa, inti tmut.”

Ftit żmien wara, ġara li l‑ħmar ta’ Nasreddin naħaq darbtejn wara xulxin.

“Hemm aħna! Mejjet jien!” lissen Nasreddin, u ntefa’ tulu fl‑art.

Il‑bdiewa li rawh ħaduh f’daru, ħasluh, poġġewh f’tebut u dlonk ħaduh iċ‑ċimiterju. Huma u sejrin waslu f’parti fejn it‑triq inqasmet fi tnejn, trejqa tagħti lejn il‑lemin u l‑oħra lejn ix‑xellug. Il‑bdiewa tfixklu, u ma kinux jafu liema trejqa jaqbdu. Min qal jilwu naħa, min qal jieħdu l‑oħra.

Fl‑aħħar Nasreddin tilef il‑paċenzja. Qam bilqiegħda fit‑tebut, ipponta lejn trejqa minnhom u qal:

“Jekk niftakar sew it‑triq għaċ‑ċimiterju hija dik.”

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Aħħar Ċajta

Nasreddin kien xjaħ u wasal biex imut tassew. Martu, li kienet taf li kien wasal fl‑aħħar, libset libsa sewda u velu iswed.

“Dan x’inhu?” qal Nasreddin meta raha daqshekk imdejqa. “Neħħi dak il‑velu minn hemm! Aħsel wiċċek! Issettja xagħrek! Sebbaħ lilek innifsek! Ilbes l‑isbaħ ħwejjeġ li għandek!”

“Kif nista’ nagħmel dan meta naf li żewġi dalwaqt se jmut?” lissnet hi.

Nasreddin tbissem tbissima żgħira. “Qed nittama li meta jiġi l‑Anġlu tal‑Mewt lilek jarak isbaħ minni u jieħu lilek minfloki!”

B’dawk l‑aħħar kelmiet, Nasreddin daħaq daħqa dgħajfa, għalaq għajnejh u miet.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****