Kitba ta’ Fabrizio Silei
Maqlub għall-Malti minn Claudia Gauci
Madwar 1,000 kelma
Merlin Publishers (2024)
Din hija silta qasira mill-ktieb Orku Bellu u l‑Ħtif ta’ Orkidea miktub minn Fanrizio Silei, maqlub għall-Malti minn Claudia Gauci u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Fil‑pajjiż tal‑orki, ġewwa l‑belt ta’ Orkidea, qrib l‑għolja Nikodemu, jidher li kollox miexi ħarir bħas‑soltu. L‑orki baqgħu dejjem l‑istess: kollha sufin, widnejhom bil‑ponta, żaqqhom kbira, ħalqhom kbir, snienhom koroh waħx, ponot, idejhom enormi u koroh pesti u l‑bqija. L‑orki nisa u l‑orkini wkoll mhumiex differenti minn kif kienu tliet mitt sena ilu. Huma biss xi ftit iktar moderni: jaraw it‑televixin, jużaw l‑internet, jibilgħu l‑hamburgers, lill‑pustiera bl‑uniformi u dak kollu li jispiċċa għal taħt snienhom. Barra minn hekk, jitfewqu daqs ma nafx xiex, kif dejjem kienu jagħmlu l‑orki.
Wara li Orkubellu telaq jgħix Milan ma’ martu umana, u tant sabiħa li tqażżek, ma ġara xejn iktar li mhux tas‑soltu fil‑belt. Xi wħud kienu qalu li Orkubellu u Isabella kellhom tifla u li semmewha Orkidea, bħall‑belt fejn trabba missierha u li, anke hi, kif wieħed seta’ jobsor, kienet orribilment sabiħa. Tant kienet sabiħa li iktar sabiħa minn hekk ma setgħetx tkun. Isabella qed tistenna t‑tieni tarbija u din id‑darba se jkollha tifel, skont l‑ultrasound, u b’hekk, il‑familja se tikber ftit iktar, din id‑darba, żgur u mhux forsi, biż‑żieda ta’ tifel mill‑isbaħ.
Bla dubju, anke ġewwa Orkidea, il‑belt tal‑orki — li issa, jekk ma noqogħdux attenti qed nirriskjaw li nitfixkluha ma’ Orkidea, it‑tifla ta’ Orkubellu — twieldu ħafna orkini oħrajn. Twieldu orki subien u bniet, twal u qosra, ħoxnin u rqaq, b’xagħarhom aħmar, kannella jew iswed, mill‑iktar koroh, jew sempliċiment koroh, imma, b’xorti tajba, orki sbieħ u bjondi qatt ma reġgħu twieldu. Għalhekk, ladarba għadda l‑biża’ li jittieħed kulħadd, u għadda l‑entużjażmu għal Orkubellu fuq it‑televixin u dak li seħħ wara, kollox reġa’ lura għan‑normal.
“NORMAL”, din kienet il‑kelma maġika. In‑normalità tant mixtieqa u mill‑aktar monotona reġgħet feġġet f’Orkidea. Fl‑iskejjel, it‑tfal kollha jitfewqu u jobdu lill‑għalliema tagħhom li jżommu r‑ritmu bil‑bakketta. Kif inhu mistenni li jsir, dawk li jkunu inqas koroh jitwaqqgħu għaż‑żufjett minn dawk li kienu tal‑waħx imma ħadd ma jgħaddi idu ġo xagħru biex jirranġa xi troffa xagħar kif kien jagħmel Orkubellu, jew jilbes ħwejjeġ brijużi u dejjem puliti u għalhekk, fl‑aħħar, kulħadd seta’ jorqod fil‑paċi billejl.
Madankollu, anke dal‑lejl, fil‑belt rieqda, minn fejn tielgħa lejn is‑smewwiet sinfonija terribbli li twaħħax ta’ nħir sinkronizzat u mriegħed mill‑orki, hemm xi ħadd li ma jistax jagħlaq għajn m’għajn. Id‑dwal tal‑belt kollha mitfijin, ħlief wieħed li ġej mit‑tieqa tal‑kċina tas‑sindku tal‑belt: Orkestu. Forsi kontu qed taħsbu li se ssibuh mehdi jteftef xi ħaġa tal‑ikel kif iħobb jagħmel f’nofs ta’ lejl jew iħuf ġol‑friġġ u jiffanga fil‑hamburgers nejjin, jew ilegleg birra Orkisk kiesħa silġ … Imma, minflok, Orkestu jinsab bilqiegħda bi spallejh imħattbin quddiem it‑tieqa miftuħa u, b’ħarsa mnikkta u xi ftit ċassa, kif tkun ħarsa ta’ orku, iħares lejn il‑qamar fis‑sema u jieħu n‑nifsijiet.
Dan l‑aħħar, xagħru kif ukoll is‑suf ta’ fuq spallejh beda jsirlu griż. Skont l‑orki nisa tal‑belt dan il‑fatt jagħmlu iktar affaxxinanti u b’xi mod iktar ikrah, imma hu ma jagħtix kas. Kull meta jagħlaq għajnejh tfiġġ hi u jaħseb fiha, f’Orkidea. Tgħidu intom, normali hux li s‑sindku jaħseb f’beltu. Kont naf li se tibdew tgerfxu. Le! Mhux qed jaħseb f’Orkidea l‑belt imma, minn mindu sar nannu sar jaħseb biss fin‑neputija tiegħu Orkidea, bint Orkubellu u Isabella li tgħix Milan mal‑ġenituri tagħha, ’il bogħod minnu.
Anke issa, qed jieħu nifsijiet twal. Kemm jagħlaq għajnejh u mill‑ewwel ifiġġ quddiemu dak il‑wiċċ żgħir mill‑isbaħ, dawk l‑għajnejn ċelesti u x‑xagħar bjond tan‑neputija ċkejkna tiegħu. Mill‑ewwel darba, meta kienet tat‑twelid u, kontra qalbu kellu jeħodha f’dirgħajh għax ra li ma setax jissaporti s‑sbuħija u d‑delikatezza li kellha, irrealizza li bejnu u bejn dik il‑kreatura nibtet rabta speċjali u profonda. Kellu l‑konferma meta t‑tifla inklinat ’il quddiem u bi snienha żgħar bojod u dritti gidmitu gidma fit‑tarf ta’ mnieħru, imbagħad tfewqet waħda bi frattarija kbira u baqgħet tħares lejh bi tbissima makakka u b’ħarsa sodisfatta. Kien f’dak il‑waqt li l‑qalb kbira u skura u sufija ta’ Orkestu bdiet tinħall bħall‑butir fuq biċċa ħobż sħuna u fehem li dik, sabiħa u kerha, hi x’inhi, kienet bla dubju ta’ xejn in‑neputija tiegħu.
Illum, Orkidea għandha sitt snin u f’sitt snin raha biss sitt darbiet u dejjem fl‑okkażjoni terribbli tal‑ikla tal‑Milied li tiġbor flimkien lin‑nanniet u l‑familji.
“Imma għala qatt ma tiġu tarawna, għala ma tiġux taraw in‑nanniet?!” kien jistaqsi lil Orkubellu kull darba li jċempillu. U dan kien iwieġbu kollu mifxul li għandu ħafna x’jagħmel, li t‑tifla jkollha l‑iskola u kien iżid ukoll, kollu mistħi, li Isabella ma riditx li Orkidea ssir taf lill‑orkini maledukati tal‑belt li ġġib isimha, għax diġà ma setgħux isibu tarfha kif inhi u dak kien jonqosha.
“Imma jien għandi d‑dritt nara lin‑neputija tiegħi!”, jibda jgħajjat Orkestu b’ħanġra daqsiex ġot‑telefown. “U ma tistgħux issibu tarfha kif?! X’tista’ tagħmel daqshekk ta’ barra minn hawn? Żgur mhix se tkun agħar milli kont int meta kont tifel!” beżaqha. Mill‑ewwel iddisjpaċih għal dak il‑kliem. Orkubellu jilqa’ dik il‑botta u jirrispondi lura: “Insomma, issa se jkolli nħallik, qed iċempluli mill‑iskola … ħa nara x’reġa’ nqala’!” u jaqta’ waqt li jħalli lil missieru bit‑telefown f’idu u b’wiċċ diżappuntat fuq in‑naħa l‑oħra tal‑linja, linja li kuljum issir itwal u iktar sottili.
Orkestu jipprova jneħħi minn moħħu dan it‑thewdin, iqum, iħoss triqtu lejn is‑sodda ta’ martu, jimtedd ħdejha u s‑saqqu jinklina għan‑naħa tiegħu. Il‑kamra tqila b’riħa tqallgħak li joħodha fil‑pulmuni. Għalih, dik hija l‑fwieħa ta’ martu li, bħas‑soltu, qed tonħor inħir ta’ barra minn hawn b’ħalqha miftuħ. Hekk kif martu tħoss is‑sodda tiċċaqlaq tistenbaħ, iddur lejh u tgħannqu magħha b’dawk dirgħajha sufin.
“Orqod!” qaltlu. “Għada għandek x’tagħmel il‑Kunsill … Daqt il‑Milied u rridu nżejnu s‑siġar bil‑bottijiet, bil‑ġrieden mejta tal‑plastik u biż‑żibel, skont it‑tradizzjoni!”
“Hekk hu, hekk hu …” iweġibha Orkestu waqt li jmellsilha idha ta’ orka, u waqt li jserraħ rasu fuq l‑imħadda jibqa’ jħares lejn il‑qamar barra mit‑tieqa b’għajnejh ileqqu. Imbagħad jerġa’ jaħseb f’Orkidea, li minkejja li hija sabiħa u minkejja l‑apparenzi, hija fula maqsuma ma’ nannuha u forsi għalhekk ma jħalluhx jaraha. Diġà jaf Ii man‑neputi li għadu ġej, se jagħmlulu l‑istess. Iħoss li mhux sew hekk, li nannu jmissu jqatta’ ħinu man‑neputijiet tiegħu u jgħallimhom kif jilagħbu Oħroġ Imsaren il‑Ġurdien, kif jobżqu fil‑bogħod, jitfewqu bl‑eku u tant ħwejjeġ oħra li nannu biss jaf jgħallimhom. Huwa u jaħseb fuq dan iċċarċar demgħa fuq wiċċu li tleqq fid‑dawl tal‑qamar qabel ma tinfatam mill‑warda ta’ wiċċu u taqa’ fuq l‑imħadda.
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja