J. M. Barrie
(Skoċċiż, 1860-1937)
Madwar 5,700 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kapitli
1: Peter Pan jitlef dellu
2: Ejjew miegħi!
3: Fl-Art ta’ Qatt
4: Is-Subien il-Mitlufin
5: Il-Laguna tas-sireni
6: Fuq il-Blata l-Mitluqa
7: Il-Ħtif tat-tfal
8: Temmnu fis-sħaħar?
9: Fuq ix-xini tal-pirati
10: Meta kibret Wendy
Noti
It‑tfal kollha xi darba jsiru adulti – minbarra wieħed. Din hija l‑istorja ta’ tifel li qatt ma kiber. Kien jismu Peter Pan.
Darba waħda, tlitt itfal li kien jisimhom Wendy, John u Michael, kienu reqdin f’kamrithom, fid‑dar tagħhom f’Londra. Is‑Sinjura Darling, ommhom, kienet qed tongħos bilqiegħda maġenb il‑fuklar.
F’daqqa waħda, it‑tieqa nfetħet f’salt u tifel tar ġewwa l‑kamra flimkien ma dija ċkejkna qawwija, mhux akbar mill‑ponn ta’ id. Id‑dija bdiet tiġġerra ’l hawn u ’l hinn mal‑kamra kollha. Bil‑ħoss tat‑tieqa tinfetaħ, is‑Sinjura Darling fetħet għajnejha beraħ u lemħet quddiemha lil dak it‑tifel, itir fl‑arja, u liebes xejn ħlief weraq tas‑siġar minn rasu sa saqajh.
Bil‑qatgħa li ħadet bdiet twerżaq.
Fl‑istess ħin infetaħ il‑bieb tal‑kamra u tfaċċat Nana, il‑kelba Newfoundland tal‑familja. Nana bdiet tinbaħ lejn it‑tifel u ppruvat taqbeż biex taqbdu, imma t‑tifel tar aktar fil‑għoli u lejn it‑tieqa. Hekk kif it‑tifel tar barra mit‑tieqa, din ingħalqet, u dell it‑tifel baqa’ magħluq ġewwa.
Is‑Sinjura Darling ittawlet barra mit‑tieqa, imma t‑tifel kien għosfor. Wara, ħarset mal‑art fejn kien hemm id‑dell tat‑tifel. Flietu mistagħġba għal ftit sekondi, ġabritu, irrumblatu u daħħlitu f’kexxun tal‑komodina.
L‑għada filgħaxija is‑Sinjur u s‑Sinjura Darling kienu qed ilestu biex imorru festin, meta Nana, waqt li kienet qed tilgħab mat‑tfal, għal daqsxejn ma qalbitx lis‑Sinjur Darling għal rasu.
“Dik mhux postha hawn!” lissen bir‑rabja, hekk kif beda jfarfar il‑pil tal‑kelba minn mal‑qalziet. “Dik postha fil‑bitħa!”
“U le, George,” wieġbet is‑Sinjura Darling. “Dik il‑kelba teżor! Ilbieraħ daħal tifel stramb mit‑tieqa tal‑kamra tat‑tfal, u qed nibża’ li jista’ jerġa’ jiġi. Inkun moħħi mistrieħ jekk inkun naf li l‑kelba qegħda magħhom sakemm ma nkunux hawn.”
Imma s‑Sinjur Darling ma riedx jisma’. Ħataf lil Nana mill‑kullar, kaxkarha barra fil‑bitħa u rabatha hemm.
Is‑Sinjura Darling qagħdet sakemm it‑tfal daħlu fis‑sodda, għannitilhom għanja sakemm għajnhom marret bihom, u ħarġet inkiss inkiss u telqet mar‑raġel għall‑festin.
Ftit mumenti wara, dija żgħira imma qawwija bdiet ittir madwar il‑kamra. Kien biss meta waqfet li wieħed seta’ jara li ma kienet dija xejn, iżda saħħara ċkejkna ħafna, mhux ikbar minn idek. Kien jisimha Tinker Bell. Kompliet ittir madwar il‑kamra, u daret kull kexxun li kien hemm fil‑gwardarobba u l‑komodina. Fl‑aħħar daħlet ġo vażett. Ftit wara, infetħet it‑tieqa, u l‑istess tifel li kien ħasad lis‑Sinjura Darling il‑ġurnata ta’ qabel, daħal fil‑kamra bil‑qajla.
“Tinker Bell,” sejjaħ bil‑mod. “Fejn qegħda? Sibtu delli?”
Tinker Bell għamlet ħoss qisu ta’ qanpiena żgħira, u t‑tifel ġera lejn il‑kxaxen tal‑komodina. Beda joħroġ il‑ħwejjeġ ta’ ġo fih u jixħethom mal‑art bl‑addoċċ, sakemm fl‑aħħar sab dellu.
Imm’ issa kif seta’ jwaħħlu lura miegħu? Ipprova bis‑sapun. Għamel ħafna sapun ma’ saqajh, u ħafna sapun ma’ dellu, iżda kien kollu għalxejn. Dellu ma seta’ jeħel miegħu b’xejn.
Fl‑aħħar intefa’ bilqiegħda mal‑art, għaddas rasu f’idejh u beda jolfoq.
Kien f’dak il‑waqt li stenbħet Wendy. Qamet bilqiegħda fuq is‑sodda u ħarset imbellha lejh. “Għaliex qed tibki, tifel?”
It‑tifel minnufih qomos bilwieqfa u għamel inkin. “X’jismek?” staqsieha.
“Wendy Moira Angela Darling,” wieġbet hi. “U int?”
“Peter Pan.”
“Dak kollu? Kemm hu qasir! Fejn toqgħod?”
“It‑tieni stilla fuq il‑lemin, u dritt sa filgħodu.”
“X’indirizz stramb! Dak li jużaw meta jibagħtulek ittra?”
“Jien qatt ma nirċievi ittri,” wieġeb Peter bil‑ħatfa.
“Imma ommok tirċievi xi ittri?”
“M’għandix omm.”
“O Peter, mhux ta’ b’xejn kont qed tibki,” kompliet Wendy, hekk kif niżlet mis‑sodda u resqet lejh.
“Ma kontx qed nibki minħabba ommi. Kont qed nibki għax ma nistax inwaħħal delli lura. U barra minn hekk, ma kontx qed nibki.”
B’xorti tajba, Wendy kienet taf x’kellha tagħmel. Minn kexxun fil‑komodina, ħarġet labra u rukkell ħajt.
Bil‑kalma kollha ħietet id‑dell ta’ Peter ma’ saqajh. Peter ġibdu darba darbtejn u ra li kien qed iżomm sod. Beda jiġri madwar il‑kamra, jaqbeż u jgħajjat bil‑ferħ.
“O kemm jiena bravu!” beda jgħid.
Wendy ħadet għaliha meta semgħetu jgħid hekk. “Kemm għandek wiċċek tost! Naturalment jien m’għamilt xejn, hux hekk? Mela jekk m’għandekx bżonni nista’ nitilqek waħdek.” B’dawn il‑kliem, reġgħet marret lura fis‑sodda u nħbiet taħt il‑friex.
“O Wendy! Tħallinix waħdi,” lissen Peter, “Dejjem niffanfra kull meta nħossni ferħan.”
Imma Wendy xorta ma ħarsitx lejh.
“Taf li tifla waħda hija aktar importanti minn għoxrin tifel?” kompla Peter.
“Tassew taħseb hekk, Peter?” staqsiet Wendy hekk kif fl‑aħħar ħarset lejh. Offrietlu li tagħtih bewsa. Imma Peter ma kienx jaf x’inhi bewsa, u ħareġ idu quddiemha biex tagħtihielu. Għalhekk biex ma tiksirlux qalbu, tatu ħolqa tal‑ħjata.
“Issa ħa nagħtik bewsa jien,” qalilha, hekk kif poġġielha ġandra żgħira f’idha. Wendy rabtitha mal‑kullana li kellha ma’ għonqha.
F’dak il‑waqt semgħu ħoss irqiq bħad‑daqq ta’ qanpiena żgħira. Peter qabad jidħaq. “Dik Tinker Bell,” qal. “Qed tgħid li għalaqtha fil‑kexxun.
Peter fetaħ il‑kexxun, u Tinker Bell sparat ’il barra, tgħajjat u tirrabja ma’ Peter.
Wendy ggustatha. “O xi ħlew!” qalet mistagħġba. “Imma għidli, Peter. Inti fejn toqgħod? Minn fejn ġej?”
“Jiena ngħix fl’Art ta’ Qatt, mas‑Subien il‑Mitlufin. Dawk huma t‑tfal li jintilfu meta l‑ġenituri tagħhom jittraskurawhom, u jien il‑Kaptan tagħhom. Xi kultant niġi fejn it‑tieqa tal‑kamra tagħkom biex nisma’ lil ommkom tirrakkuntalkom dawk l‑istejjer sbieħ. Imm’ issa sar il‑ħin biex nitlaq lura. Is‑subien qed jistennewni bil‑ħerqa biex ngħidilhom kif spiċċat l‑istorja ta’ Sindirella.”
“U le, titlaqx, Peter,” qabżet Wendy. “Nista’ ngħidlek ħafna aktar stejjer.”
“Mela għax ma tiġix miegħi u tgħidhom lis‑Subien il‑Mitlufin ukoll? Tista’ toqgħod magħhom malli jidħlu fis‑sodda biex jorqdu. Qatt ma kellna lil min joqgħod magħna sakemm norqdu.”
“Imma kif nista’ niġi fl‑Art ta’ Qatt?”
“Ħeqq, ngħallmek kif ittir, hux?”
“Tista’ tgħallem lil John u ’l Michael ukoll?” talbitu bil‑ħerqa.
“Jekk trid.”
Minnufih Wendy ġriet lejn ħutha u qajmithom.
“Ġie Peter Pan u se jgħallimna kif intiru!” bdiet tgħidilhom.
“Kif, tassew tista’ ttir?” staqsew John u Michael flimkien.
Baqgħu iħarsu mbellhin hekk kif Peter beda jtir madwar il‑kamra. Imma kif ippruvaw jagħmlu bħalu u qabżu minn fuq is‑sodda, il‑ħin kollu bdew jispiċċaw mal‑art.
Naturalment, ħadd ma jista’ jtir jekk ma jkollux it‑trab tas‑sħaħar fuqu, u Peter kellu xi ftit fuq spallejh u f’idejh. Nefaħ it‑trab minn fuq idejh għal fuq it‑tfal.
“Issa, kemm iżżegilgu spallejkom,” spjega Peter.
Hekk għamlu, u dlonk bdew itiru! Għall‑ewwel bdew itiru mis‑sodda għal mal‑art. Wara, rabbew ftit aktar kuraġġ u bdew iduru madwar il‑kamra u jtiru ’l fuq sakemm ħabbtu rashom mas‑saqaf.”
“Għax ma mmorrux barra?” lissen John.
Dak kien eżatt x’kien qed jistenna Peter. “Ejjew!” qabeż minnufih. “Ejjew araw lis‑sireni u lill‑pirati f’Art ta’ Qatt!”
“Pirati!” għajjat John, hekk kif ħataf il‑kappell li kellu fuq il‑komodina. “Tlaqna!”
Ma tawx kas li kienu għadhom libsin il‑piġami. Irħewlha sparati wara Peter hekk kif tar barra mit‑tieqa.
Minuta wara, is‑Sinjur u s‑Sinjura Darling daħlu fil‑kamra flimkien ma’ Nana. Imma kien tard wisq. It‑tfal kienu għosfru.
Wendy u ħutha damu jtiru għal ħafna jiem u ljieli qabel ma setgħu jaraw l‑Art ta’ Qatt. Ir‑raġġi tax‑xemx, qishom miljun vleġġa tad‑deheb, ippuntaw kollha lejn il‑gżira. Iżda f’daqqa waħda r‑raġġi tax‑xemx għebu, u l‑gżira waqgħet f’dalma kbira, u t‑tfal bdew jibżgħu.
Bdew iħossu l‑arja bħallikieku qegħda żżommhom milli jkomplu jtiru ’l quddiem, u ma bdewx jgħaġġlu bħal qabel. Peter beda jxejjer fl‑arja quddiemhom biex setgħu jimxu ftit aktar ’il quddiem.
“Ma jriduniex ninżlu,” lissen bil‑mod.
“Min?” staqsiet Wendy.
Peter ma weġibtx – jew għax ma setax jew għax ma riedx. Tinker Bell bdiet iddur dawra mejt mat‑tfal, u d‑dija tad‑dawl tagħha naqqas ftit mill‑biża’ tagħhom, sakemm Peter ma wissiehomx bil‑periklu ta’ dan.
“Il‑pirati jistgħu jaraw id‑dija ta’ Tinker Bell, u jekk jintebħu li qegħdin viċin, ma jridu xejn biex jibdew jisparawlna bil‑kanun tagħhom, Tom it‑Twil. Naħseb aħjar jekk Tinker Bell tistaħba taħt il‑kappell ta’ John.”
Wendy ħatfet il‑kappell ta’ John minn fuq rasu, u Tinker Bell taret għal ġo fih. Komplew itiru fl‑aktar skiet perfett li qatt kienu semgħu f’ħajjithom.
F’daqqa waħda semgħu splużjoni kbira. Il‑pirati kienu sparaw lejhom b’Tom it‑Twil. Malli reġa’ waqa’ s‑skiet, John u Michael intebħu li kienu waħidhom fid‑dlam. L‑isplużjoni kienet tefgħet lil Peter ’il bogħod fuq il‑baħar, waqt li lil Wendy kienet tajritha ’l fuq fl‑arja, flimkien ma’ l‑għajjura Tinker Bell fil‑kappell ta’ John.
Tinker Bell ma kinitx saħħara ħażina, imma bdiet tobgħod lil Wendy minn mindu Peter kien taha l‑ġandra bħala bewsa. Issa sabet il‑ħin biex iddaħħal lil Wendy fil‑periklu billi tgħidilha fejn ittir. Wendy ma setgħet tagħmel xejn għajr tmur wara Tinker Bell, hekk kif din bdiet ittir ’l hawn u ’l hinn quddiemha.
Isfel fuq il‑gżira, is‑sitt Subien Mitlufin kienu qed ifittxu lil Peter Pan, u mhux wisq ’il bogħod warajhom kien hemm il‑pirati l‑ħżiena mal‑kaptan terribbli tagħhom, James Hook. Kien qiegħed bilqiegħda fuq karettun żgħir imġebbed mill‑pirati, u kellu ganċ kbir minflok idu l‑leminija.
Mixjin wara l‑pirati fis‑skiet biex ma jarawhomx kien hemm grupp ta’ Indjani mmexxi mill‑Prinċipessa tagħhom, Tiger Lily. Għax dawn kienu għedewwa tal‑pirati.
U wara l‑Indjani? Kien hemm l‑annimali tal‑foresta, mixjin inkiss inkiss, għax dan il‑lejl kienu mġewħin mhux bil‑ftit.
Fil‑qalba tal‑foresta, is‑Subien il‑Mitlufin semgħu tidwi ħesrem l‑għanja tal‑pirati:
“Jo ħo, jo ħo, din il‑ħajja tal‑pirata,
Bil‑bandiera tar‑ras ta’ mewt u l‑għadam
Ħajja kuntenta u ċima
u tislima lil Davy Jones.”
Is‑subien irħewlha jiġru lejn il‑moħba tagħhom taħt l‑art hekk kif Hook ikkmanda lill‑pirati jisparpaljaw biex isibuhom. Fis il‑pirati kollha għebu qalb il‑ħaxix u s‑siġar. Kollha minbarra Smee l‑bożin.
“Peter Pan huwa t‑tifel li rrid naqbad l‑aktar,” kien qed igerger il‑Kaptan Hook. “Kien hu li qatagħli idi u tefagħha lill‑kukkudrill. Issa dak il‑kukkudrill tant għoġbitu idi li baqa’ jiġri warajja biex ikompli jiekol minni!”
Smee baqa’ sieket jisma’ lil Hook hekk kif dan qagħad bilqiegħda fuq faqqiegħa, “Ħabat tajjeb li ma idi kiel ukoll arloġġ li jtektek qawwi. Għalhekk kull meta nisma’ t‑tektik inkun naf li l‑kukkudrill qiegħed fil‑qrib u nkun nista’ naħrablu. L‑aktar ħaġa li tbeżżagħni hi li xi darba l‑ħabel tal‑arloġġ jieqaf, ma nilħaqx nisimgħu joqrob lejja u jaħtafni f’belgħa waħda.”
Hook f’daqqa waħda beda jħoss ħafna sħana fejn kien bilqiegħda.
“Smee!” għajjat, “Din il‑faqqiegħa tassew taħraq! Qed inħossni qed naqbad!”
Qam minn fuqha, u t‑tnejn bdew jifluha. Ippruvaw jaqalgħu rasha. Mal‑iċken ċaqliqa din ġiet f’idejhom, u beda ħiereġ ħafna duħħan miz‑zokk. Hook intebaħ li ma kienet faqqiegħa xejn, iżda ċumnija moħbija – iċ‑ċumnija tal‑għar tas‑Subien il‑Mitlufin!
Mela bilfors li d‑daħla għall‑għar kienet xi mkien fil‑qrib. Iż‑żewġ pirati bdew ifittxu madwarhom, sakemm fl‑aħħar lemħu seba’ siġriet. Kull waħda kellha fiz‑zokk toqba kbira – toqba d‑daqs ta’ tifel.
“Ili dawn ix‑xhur kollha nfittex il‑moħba tas‑Subien il‑Mitlufin!” lissen Hook. “Qed jiġini f’rasi pjan. Immorru lura fuq ix‑xini u nsajru kejk kbir b’ħafna ġelu ta’ kull lewn u b’ħafna zokkor. Inħallu l‑kejk fil‑bajja tal‑laguna tas‑sireni. Is‑subien dejjem iħobbu jmorru jgħumu hemm. Meta jaraw il‑kejk żgur li jibilgħuh. La m’għandhomx omm li tavżahom, ma jafux kemm hu ħażin jiffangaw fil‑ħelu, u jmutu żgur!”
Iż‑żewġ pirati bdew jidħqu. “Kaptan, dik hija l‑isbaħ idea kattiva li qatt smajt!” qal Smee, hekk kif bdew ikantaw u jiżfnu.
Iżda ħesrem waqfu hekk kif semgħu ħoss fil‑qrib: tikk, tokk, tikk, tokk.
“Il‑kukkudrill!” għajjat Hook, u minnufih lebbet fil‑foresta, bi Smee jiġri warajh.
Sadattant, is‑Subien ħarġu mill‑foresta u lemħu dak li ħasbu kien għasfur kbir abjad qed itir fuq rashom. Ittir madwar l‑għasfur raw ukoll dija żgħira. Mall‑ewwel għarfu li kienet Tinker Bell.
“Peter iridkom tisparaw lill‑għasfur l‑abjad!” bdiet tgħajjat bil‑leħen irqiq tagħha.
Tootles, wieħed mis‑subien, kellu l‑qaws u l‑vleġeġ miegħu, u minnufih immira lejn l‑għasfur l‑abjad. “Warrab min‑nofs, Tink!” għajjat hekk kif spara l‑vleġġa.
Imma meta l‑‘għasfur’ waqa’ mal‑art u s‑Subien ġrew lejh, qam skiet perfett fil‑foresta kollha.
“Dan mhux għasfur,” lissen Slightly, tifel ieħor. “Naħseb li din hija tifla!”
Kien f’dan il‑waqt terribbli li semgħu għajta fil‑qrib. “Aħbar sabiħa, ħbieb!” għajjat Peter hu u nieżel ħdejhom mis‑sema. “Fl‑aħħar sibtilkom omm li tista’ tieħu ħsiebkom. Ma rajtuhiex ġejja?”
Mingħajr ma tniffsu, is‑subien resqu lura u Peter lemaħ lil Wendy mal‑art, bi vleġġa f’sidirha.
Peter baqa’ jħares skantat lejha għal xi sekondi qabel ma qala’ l‑vleġġa. “Mejta!” lissen bil‑mod. “Ta’ min hi din il‑vleġġa?”
“Tiegħi,” qabeż Tootles, imbeżża’, u nxteħet għarkopptejh quddiem Peter, bi driegħu merfugħin ’il fuq.
Peter għolla l‑vleġġa, lest biex jinfed lil Tootles biha, iżda f’dak il‑waqt Wendy ċċaqalqet, u lissnet, “Povru Tootles!”
“Għadha ħajja! Għadha ħajja!” għajjat Peter. Niżel maġenbha u lemaħ il‑ġandra li kien taha mdendla ma’ għonqha. “Il‑vleġġa ħabtet ma’ din! Din hija l‑bewsa li tajtha! Salvatilha ħajjitha!”
Issa s‑subien kellhom il‑problema kif jieħdu ħsieb lil Wendy fil‑kundizzjoni batuta tagħha. Peter qalilhom li kellhom jibnu dar madwarha. Minnufih, is‑subien meddu idhom għall‑biċċa xogħol, ifittxu zkuk u weraq biex jibnu d‑dar. Meta fl‑aħħar tfaċċaw John u Michael, Peter ordna lilhom ukoll biex jibdew iġorru, iqattgħu u jibnu.
Fl‑aħħar, id‑dar kienet lesta, u Peter ħabbat fuq il‑bieb. Il‑bieb infetaħ, u tfaċċat Wendy, mistagħġba.
Malli lemħuha, is‑subien niżlu għarkopptejhom. “O Sinjura Wendy, nixtiquk tkun l‑omm tagħna!”
“Imma jiena tifla żgħira,” wieġbet Wendy, “u m’għandix l‑esperjenza biex inkun ommkom. Imma se nagħmel dak li nista’. Issa ejjew ġewwa, ja tfal imqarbin. Għandkom saqajkom kollha mxarrbin. Qabel ma tidħlu fis‑sodda naħseb li għandi l‑ħin nispiċċalkom l‑istorja ta’ Sindirella.”
F’qasir żmien, Wendy ħadet lis‑subien fil‑għar moħba tagħhom, u daħħlithom kollha fis‑sodda. Wara, marret tistrieħ fis‑sodda tad‑dar il‑ġdida tagħha.
Peter baqa’ għassa barra l‑bieb tad‑dar, bix‑xabla f’idu, għax seta’ jisma’ fil‑bogħod l‑għajjat tal‑pirati u t‑tinwiħ tal‑ilpup.
Fil‑jiem ta’ wara Wendy kienet bieżla ħafna hekk kif bdiet tieħu ħsieb it‑tfal, issajrilhom, tirranġalhom u ssewwilhom ħwejjiġhom, u filgħaxija tirrakkuntalhom storja sakemm jorqdu fis‑sodda l‑kbira fil‑moħba tagħhom taħt l‑art. Il‑moħba kienet kamra waħda kbira, li kull wieħed minnhom seta’ jidħol fiha mit‑toqba tiegħu fis‑siġra.
Barra minn dan Wendy kienet qed iżżommhom milli jieklu mill‑kejkijiet il‑kbar li l‑pirati kienu qed iħallu f’ħafna postijiet biex it‑tfal jiffangaw fihom. Kull meta l‑pirati kienu jħallu kejk kbir f’xi post fejn kienu jmorru s‑subien, Wendy kienet issibu qabilhom u taħbih. Biż‑żmien il‑kejkijiet kienu jinxfu u jibbiesu, u Wendy kienet titlaqhom fil‑foresta. Kemm‑il darba l‑Kaptan Hook jew xi pirati oħra kienu jitfixklu fihom u jaqgħu tulhom fl‑art.
Ta’ spiss is‑subien kienu jmorru fil‑laguna tas‑sireni, jgħumu, iċafċfu fl‑ilma u jilagħbu mas‑sireni. Ġeneralment il‑laguna kienet sabiħa u dejjem xemxija, iżda darba waqa’ dell kbir fuq il‑post u l‑ilma nħakem minn dalma liema bħalha. F’dak il‑waqt Peter, Wendy u s‑subien inzertaw qegħdin fuq il‑Blata l‑Mitluqa, li kienet blata kbira fiċ‑ċentru tal‑laguna, maqtugħa għal kollox mill‑bajja. Għalkemm ma setgħu jaraw xejn fid‑dlam, bdew jisimgħu ċafċif regolari fl‑ilma, qisu tal‑moqdief ta’ dgħajsa.
Minnufih Peter qomos bilwieqfa. “Il‑pirati!” qal bil‑mod. “Inżlu fl‑ilma!”
It‑tfal niżlu kollha fl‑ilma, imma baqgħu madwar il‑blata. Il‑ħsejjes tal‑imqadef kienu qed joqorbu, u dlonk setgħu jaraw id‑dell tad‑dgħajsa. Kien hemm fanal fuq id‑dgħajsa, u Peter seta’ jagħraf min kien hemm fuqha. Smee u pirata ieħor li kien jismu Starkey kienu qegħdin jaqdfu. Bilqiegħda bejniethom kien hemm il‑Prinċipessa Indjana Tiger Lily. Kellha jdejha u saqajha marbutin bil‑ħbula. Kienu qabduha waqt li ppruvat titla’ abbord ix‑xini tagħhom, u issa kienet priġuniera.
Ftit wara, id‑dgħajsa ħabtet mal‑Blata l‑Mitluqa. “Hawn aħna,” lissen Smee. “Issa kull ma għandna bżonn nagħmlu intellgħuha fuq il‑blata u nitilquha hemm sakemm jitla’ l‑ilma u tegħreq.”
Fil‑qrib, moħbijin, Peter u Wendy semgħu kollox, u Peter qatagħha li jipprova jsalva lil Tiger Lily. Imma ma riedx jistenna sakemm jitilqu l‑pirati. Minflok, ipprova jimita l‑vuċi tal‑Kaptan Hook.
“Aw, reqdin!” għajjat Peter.
“Il‑Kaptan!” lissen Smee.
“Naħseb qiegħed fl‑ilma, jgħum lejna,” kompla Starkey.
“Eħilsu lill‑Indjana,” għajjat Peter. “Ħolluha u itilquha.”
“Kif, Kaptan?”
“La taħlux żmien, reqdin, jew ninfidkom bil‑ganċ!”
“Aħjar nagħmlu dak li qalilna l‑Kaptan,” lissen Starkey b’leħen nervuż, hekk kif qata’ l‑ħbula ta’ Tiger Lily.
Tiger Lily niżlet bil‑mod fil‑baħar, u f’dak il‑waqt instemgħet għajta, “Riesqa dgħajsa!”
Kien il‑Kaptan Hook – imma din id‑darba Peter ma tniffissx. Kien il‑kaptan tassew. Fid‑dawl tal‑fanal Wendy setgħet tara lil Hook fl‑ilma riesaq lejn id‑dgħajsa. Bil‑ganċ tiegħu, iggranfa mal‑ġenb tad‑dgħajsa. Wendy kienet lesta li tgħum bil‑ħeffa ’l bogħod minn hemm kemm jista’ jkun, imma Peter waqqafha u għamlilha sinjal biex tiskot u tisma’.
“Is‑subien sabu omm x’tieħu ħsiebhom,” lissen il‑Kaptan.
“Għaliex ma naħtfuhiex u nġegħluha tkun ommna?” qabeż Smee fil‑pront.
“Idea tajba,” wieġeb Hook. “Naħtfu lis‑subien u nġegħluhom jimxu t‑tavla, u lit‑tifla nżommuha bħala ommna.”
F’daqqa waħda Hook ftakar f’xi ħaġa. “Fejn qegħda l‑Indjana?”
“Tlaqnieha,” wieġeb Smee, “kif għidtilna nagħmlu.”
“Tlaqtuha?!” tenna Hook mistagħġeb. “F’ġieħ ix‑xjafek tal‑baħar, jien ma tajtkomx dak l‑ordni!”
Issa Hook kien irrabjat sew. Madankollu kien għadu qed jissuspetta xi ħaġa. “Jewwilla hawn xi spirtu? Spirtu, qed tismagħni?”
Issa Peter ma felaħx iżomm aktar sieket.
“Jien James Hook,” wieġeb jgħajjat, bil‑leħen ta’ Hook. “Il‑Kaptan tal‑Jolly Roger.”
“Le mintix! Le mintix!” qabeż Hook maħnuq bir‑rabja. “Għandek xi isem ieħor?”
“Iva!” Peter issa wieġeb bil‑leħen tiegħu. “Peter Pan!”
“Pan!” tenna Hook. “Għalih, nies! Aqbduhuli ħaj jew mejjet!”
“Lesti, ħbieb?” lissen Peter lis‑subien, “Għalihom!”
U dlonk is‑subien u l‑pirati bdew jissaraw. It‑tfal qabżu fuq Smee u fuq Starkey, u ħatfulhom ix‑xwabel. Il‑pirati minnufih qabżu fl‑ilma, u s‑subien bdew jgħumu warajhom.
Imma tifel wieħed biss kellu l‑ħila jħaqqaqha ma’ Hook – Peter. It‑tnejn telgħu fuq il‑blata, u Peter ħataf sejf li Hook kellu maċ‑ċinturin. Hook żelaq u waqa’ fl‑ilma. Imma Peter ma riedx jiġġieled b’vantaġġ, u ħareġ idu biex jgħin lil Hook joħroġ minn ġo l‑ilma.
F’dak il‑waqt, Hook gidmu f’idu. Peter baqa mistagħġeb b’dan, u Hook fajjarlu żewġ daqqiet bil‑ganċ.
Seta’ għamillu agħar minn hekk li kieku ma semgħux it‑tikk, tokk, tikk, tokk tal‑arloġġ ġo l‑istonku tal‑kukkudrill. Wiċċ Hook bjad hekk kif reġa’ qabeż fl‑ilma u beda jgħum lejn il‑Jolly Roger qisu għafrit.
Sadanittant is‑subien kollha kienu telgħu ġod‑dgħajsa li l‑pirati kienu ħallew warajhom, u bdew ifittxu lil Wendy u lil Peter. Bdew isejħu isimhom, imma meta ma semgħu l‑ebda tweġiba, ħasbu li kienu taru lura d‑dar. Waqt it‑taqbida l‑lampa ntfiet, u issa kienu reġgħu fid‑dlam. Ma rawx lil Peter jiġbed lil Wendy għal fuq il‑blata.
“Wendy, l‑ilma tiela’ u dalwaqt se jgħarraq l‑blata għal kollox,” qal Peter. “Taħseb li tkun tista’ tgħum jew ittir lura d‑dar waħdek?”
“Peter, għajjiena wisq,” wieġbet it‑tifla.
“Wendy, ma nistax ngħinek. Hook weġġagħni u la nista’ ngħum u lanqas intir.”
Ftit jiem qabel ma nqalgħet din il‑biċċa, Michael kien għamel tajra għas‑subien, u waqt li kienu qegħdin jilagħbu biha, ir‑riħ ħatafhielhom minn idejhom u tilfuha. Ħaġa tal‑għaġeb, kien f’dan il‑waqt li dik l‑istess tajra issa taret lejn Peter u ħabtet ma’ wiċċu.
Peter ħatafha minnufih. Ħaseb li ma setgħetx tiflaħ it‑toqol tagħhom it‑tnejn, imma kien ċert li setgħet issalva lil Wendy. Qabel ma Wendy kellha ċ‑ċans tgħid xi ħaġa, rabat id‑denb tat‑tajra ma qaddha. Imbuttaha lil hinn mill‑blata, u raha tiela’ s‑sema mdendla mat‑tajra.
Peter issa kien fuq il‑quċċata tal‑blata, u l‑ilma kien wasal sa saqajh. Fid‑dalma lemaħ dell iswed fl‑ajru riesaq lejh. Kienet l‑Għasfura ta’ Qatt.
Ftit jiem qabel, Peter kien lemaħ lill‑Għasfura ta’ Qatt bilqiegħda fuq il‑bejta tagħha fuq il‑fergħa ta’ siġra maġenb il‑laguna. Il‑bejta waqgħet fil‑baħar, iżda biex tibqa’ tieħu ħsieb il‑bajd tagħha, l‑Għasfura ta’ Qatt baqgħet fuq il‑bejta, fl‑ilma. Peter kien qal lis‑subien biex iħalluha kwieta u ma jiffittawhiex.
Issa l‑għasfura kienet qed tuża ġwenħajha biex taqdef lejn Peter u ssalvah. Bil‑mod kemm jista’ jkun, għaddiet il‑bejta lejn Peter, u taret ’il fuq. Peter ħataf wieħed mill‑kpiepel li kien waqa’ lil wieħed mill‑pirati waqt it‑taqbida, u poġġa l‑bajd bil‑mod fih. Wara, daħal fil‑bejta, u bil‑qajla beda jaqdef lejn ix‑xatt.
Sadattant, l‑għasfura niżlet fuq il‑kappell, u qagħdet bilqiegħda fuq il‑bajd. Il‑kappell kien aktar komdu mill‑bejta!
Peter wasal fil‑moħba tas‑subien kważi fl‑istess waqt li waslet Wendy bit‑tajra. Is‑subien kienu kollha eċċitati, u għaddew is‑sigħat sakemm kulħadd irrakkonta l‑avventuri tiegħu. Fl‑aħħar, Wendy qaltilhom, “Issa sar il‑ħin biex torqdu.”
U dlonk kulħadd mar jorqod.
Il‑prinċipessa Indjana Tiger Lily ma nsietx li Peter kien salvalha ħajjitha, għalhekk kull lejl hi u l‑ġellieda tagħha baqgħu jgħassu d‑dar tas‑Subien il‑Mitlufin.
Peter u l‑ħbieb tiegħu kienu jafu li xi darba jew oħra kellhom jerġgħu jissaraw mal‑pirati. Fl‑aħħar dan seħħ dik il‑lejla meta Wendy rrakkuntat l‑istorja favorita tagħha. Kienet dwar John, Michael u Wendy, meta kellhom jitilqu mill‑Art ta’ Qatt biex imorru lura darhom. Qaltilhom kif ommhom kienet qed tħalli t‑tieqa tal‑kamra tagħhom dejjem miftuħa bit‑tama li xi darba jerġgħu jiġu lura.
Kienet l‑inqas storja favorita ta’ Peter, u meta Wendy spiċċatha, għamel geddum twil.
“Wendy, sejra żball dwar l‑ommijiet,” qalilha. “Ħafna żmien ilu kont naħseb bħalek u kont naħseb li ommi tħalli t‑tieqa miftuħa għalija. Domt barra għal ħafna u ħafna xhur, u meta mort lura, sibt it‑tieqa mbarrata. Ommi kienet insietni, u kien hemm tifel ieħor rieqed fis‑sodda tiegħi.”
John u Michael bdew jibżgħu malli semgħu dan. “Wendy, aħjar immorru lura d‑dar,” qalulha.
“Iva. Minnufih,” wieġbet Wendy fil‑pront. Daret lejn Peter. “Peter jista’ jeħodna, hux?”
“Jekk trid,” lissen Peter biered biered. Ma xtaqx li Wendy titlaq, imma fl‑istess ħin ma riedx juriha dan. Għalhekk ħareġ u mar jitlob lill‑Indjani biex juruha t‑triq minn ġol‑foresta.
Meta reġa’ daħal, is‑Subien il‑Mitlufin kienu kollha mdawrin madwar Wendy biex isellmulha għall‑aħħar darba. Ħafna minnhom bdew jibku.
“Se jkun agħar minn qabel ma ġejt,” bdew jgħidulha.
“Għeżież tiegħi,” weġbithom, “jekk tiġu magħna jiena ċert li ommi u missieri jieħdu ħsiebkom.”
Malli semgħu dan it‑tfal kollha bdew jaqbżu bil‑ferħ – kollha minbarra Peter. Qal lil Wendy li hu ma kienx se jmur magħhom, għax ma kellux bżonn omm li tieħu ħsiebu.
Lanqas biss uriehom it‑triq lura d‑dar fuq il‑baħar. Qabbad lil Tinker Bell tagħmel dan.
Madankollu baqa’ ma riedx juri li kien imdejjaq. Għalhekk beda jaqbeż u jogħla madwar il‑kamra. “Mela, daqshekk paroli u daqshekk biki. Addijo, Wendy,” u ħareġ idu ’l quddiem. Wendy ħaditlu b’idu, imma deher la ma ridhiex tbusu. Wara dan, sejjaħ lil Tinker Bell, u din taret lejn il‑quċċata tal‑ogħla siġra.
Imma ħadd ma mar warajha, għaliex ħesrem beda jinstema’ ħafna storbju, twerżiq u taħbit ta’ xwabel minn barra. Il‑pirati kienu tfaċċaw f’daqqa waħda u attakkaw lill‑Indjani li kienu għassa.
Kien hemm battalja qalila u Tiger Lily u xi ftit mill‑ġellieda tagħha rnexxielhom jaħarbu qawwijin u sħaħ. Imma s‑subien ma kinux jafu dan. Meta barra waqa’ skiet perfett, saqsew lil Peter minn kien rebaħ, u l‑pirati semgħuh iwieġeb.
“Jekk rebħu l‑Indjani jdoqqu t‑tnabar tagħhom. Dejjem jagħmlu hekk meta jirbħu battalja.”
Hook tbissem malli sema’ dan, u qabbad lil Smee u xi pirati oħra jdoqqu t‑tnabar li l‑Indjani kienu ħallew warajhom. Malli bdew idoqqu t‑tnabar, sema’ lil Peter minn ġewwa jgħajjat, “Rebħu l‑Indjani!”
Is‑subien bdew jgħajtu bil‑ferħ u sellmu lil Peter għall‑aħħar darba.
Hook qabbad lil pirata joqgħod quddiem kull waħda mis‑siġar bit‑toqob, u l‑kumplament joqogħdu f’filliera waħda.
Malli l‑ewwel tifel ħareġ mit‑toqba tiegħu sab ruħu f’idejn pirata, li minnufih għaddieh lil pirata ieħor, u pirata ieħor. Cecco għaddieh lil Smee, Smee għaddih lil Starkey, u l‑kumplament, sakemm fl‑aħħar it‑tifel spiċċa quddiem Hook. It‑tfal kollha, wieħed wieħed, inħatfu kollha bl‑istess mod.
Għal Wendy l‑biċċa kienet differenti. Meta ħarġet sabet lil Hook jistennieha. Neża l‑kappell b’tislima, u ħadha fejn lit‑tfal kienu qed jorbtuhom bi ħbula ħoxnin, b’saqajhom mgħawġin lura sakemm kienu kważi qed imissu wara widnejhom.
Hook ordna lill‑pirati biex jieħdu lil kulħadd fid‑dwejra ta’ Wendy. Hemm, l‑erba’ pirati l‑aktar b’saħħithom refgħu id‑dar bit‑tfal kollha ġewwa u rħewlha biha lejn ix‑xini.
Malli l‑pirati kienu telqu u Hook baqa’ waħdu, sab is‑siġra bl‑akbar toqba u beda jissemma’, bit‑tama li jisma’ xi ħoss minn ġewwa. Kien hemm skiet perfett. Għalhekk daħal fit‑toqba, u beda nieżel ’l isfel.
Kien qiegħed jobsor li jsib lil Peter qiegħed jistennieh b’xabla f’idu. Madankollu, malli wasal mal‑bieb li kien jagħti għall‑kamra, seta’ jara lil Peter li kien rieqed fil‑fond. Ipprova jiftaħ il‑bieb, imma sabu msakkar. Bir‑rabja, beda jagħti bis‑saħħa fuq il‑bieb bit‑tama li jċedi, sakemm dan fl‑aħħar infetaħ.
Peter baqa’ rieqed. Hook osserva li ħdejn is‑sodda kien hemm bott żgħir tal‑mediċina. Wendy kienet dejjem tgħid lit‑tfal biex jixorbu ftit minnha ħalli żżommhom b’saħħithom. Hook ħareġ flixkun żgħir li kellu fil‑but. Minn dan il‑flixkun, Hook ferra ħames qatriet fit‑tazza li kienet ħdejn il‑mediċina. Malli lesta, Hook ħareġ mill‑kamra u minn ġos‑siġra.
Peter baqa’ rieqed. Baqa’ rieqed sakemm ma qajmitux Tinker Bell.
“Ma taqtax x’ġara!” bdiet tgħidlu eċċitata. Fil‑qosor irrakkuntatlu kif Wendy u s‑subien inqabdu priġunieri mill‑pirati u issa kienu abbord ix‑xini.
“Mela hemm bżonn immur insalvahom!” għajjat Peter hekk kif ħataf ix‑xabla. Hekk kif kien se joħroġ mill‑kamra, ħaseb li kellu jagħmel xi ħaġa biex jogħġob lil Wendy. Billi dejjem kienet tinsisti li kellhom jieħdu l‑mediċina malli jqumu, ferra ftit fit‑tazza, u kien se jixrobha.
“Le!” għajtet Tinker Bell. “Smajt lil Hook jiftaħar li poġġa l‑velenu fit‑tazza!”
“Tgħidx ħmerijiet!” qabeż Peter. “Kif jista’ jkun li Hook daħal hawn ġew?” u għolla t‑tazza biex jixrob.
Ma kienx hemm lok għal aktar paroli. B’għaġla liema bħalha, Tinker Bell taret bejn it‑tazza u ħalq Peter u xorbot kull qatra minfloku. Minnufih, bdiet tixxengel fl‑arja.
“Kienet ivvelenata!” lissnet bil‑mod. “Issa se mmut!”
Ftit wara, niżlet fuq is‑sodda u ma ċċaqalqetx aktar. Peter baqa’ jħares mistgħaġeb hekk kif bil‑qajla d‑dija tagħha bdiet tintefa.
Id‑dmugħ beda jċarċar minn għajnejn Peter.
“Nista’ forsi nibqa’ ħajja,” lissnet is‑saħħara minn taħt l‑ilsien, “jekk it‑tfal jemmnu fija.”
Peter għolla jdejh it‑tnejn u beda jaħseb f’dawk it‑tfal kollha fid‑dinja li kienu jemmnu li l‑Art ta’ Qatt u s‑sħaħar kienu tassew jeżistu.
“Ċapċpu waħda kollha flimkien, u tħallux lil Tinker tmut!”
U madwar id‑dinja kollha, it‑tfal bdew iċċapċpu. Id‑dija ta’ Tinker Bell bdiet bil‑qajla titqawwa. F’daqqa waħda, qomsot minn fuq is‑sodda u bdiet itir madwar il‑kamra, ferħana daqs qatt qabel.
Peter kien ferħan ukoll. “Issa,” għajjat, “ħa mmorru nsalvaw lil Wendy!”
Kien hemm skiet perfett fuq il‑gverta tal‑Jolly Roger, hekk kif il‑Kaptan Hook beda jippassiġġa min‑naħa għall‑oħra, bi tbissima kbira fuq wiċċu. Dan kien żmien ta’ vittorja għalih. Kien ċert li issa Peter Pan kien mejjet għax kien xorob il‑velenu, u barra minn dan is‑subien l‑oħra kienu priġunieri tiegħu.
“Orbtu lis‑subien u dendluhom,” ordna l‑Kaptan.
Il‑pirati għamlu dan minnufih, u poġġew lit‑tfal f’ringiela quddiem Hook.
“Issa, ja bravi,” lissen il‑Kaptan. “Sitta minnkom se jimxu t‑tavla llum. Iżda nista’ nagħti x‑xogħol li tnejn minnkom bħala sefturi fil‑kabina tiegħi. Min minnkom se jsalva?”
Ħares lejn John. “Inti, ġuvnott. Tidher ftit intelliġenti. Xi tgħid?”
“Qatt!” wieġeb John fil‑pront.
“Qatt! Qatt!” qabżu s‑subien l‑oħra kollha flimkien.
“Mela kollha kemm intom ikkundannati!” lissen Hook. “Oħorġu t‑tavla!”
L‑uċuh tat‑tfal kollha bjadu bil‑biża’, imma ma ridux juru li kienu mwerwrin hekk kif il‑pirati tellgħu lil Wendy minn isfel, rabtuha mal‑arblu ewlieni tax‑xini u għattewha b’liżar.
“Għalik niġi wara,” lissen Hook hekk kif reġa’ dar lejn is‑subien.
Malli l‑pirati qabdu jimbuttaw lill‑ewwel tifel lejn it‑tavla fuq xifer ix‑xini, dewa ħoss li werwer lil Hook. Il‑Kaptan intefa’ għarkopptejh bil‑qatgħa. Kien it‑tikk, tokk, tikk, tokk tal‑kukkudrill.
“Ipproteġuni!” għajjat Hook. Minnufih il‑pirati daru kollha madwaru. Fl‑istess ħin, it‑tfal ġrew lejn il‑ġenb tax‑xini u ttawlu ’l barra biex jaraw lill‑kukkudrill tiela’ abbord.
Iżda ma kienx il‑kukkudrill li raw. Minflok lemħu lil Peter, jiddendel mal‑ħbula biex jitla’.
Waqt li kien qiegħed jaqsam il‑gżira biex jasal sal‑bajja, Peter kien lemaħ lill‑kukkudrill u ntebaħ li ma kienx qed jagħmel il‑ħoss tikk tokk. Qatagħha li l‑arloġġ li kien fl‑istonku tal‑kukkudrill kien waqaflu l‑ħabel, u ġietu idea. Beda jagħmel il‑ħoss tikk tokk hu ħali l‑annimali s‑slavaġ l‑oħra fil‑foresta ma jattakkawhx.
Malli wasal fil‑bajja, qabeż fl‑ilma mall‑ewwel u beda jgħum lejn il‑Jolly Roger, bil‑ħsieb waħdieni li jsalva lil Wendy u lis‑subien. Sadattant kien baqa’ jagħmel il‑ħoss tikk, tokk, tikk, tokk, anki malli wasal maġenb ix‑xini, ħataf il‑katina tal‑ankra, u beda tiela’ magħha.
Lemaħ lit‑tfal iħarsu lejh bi tbissima, u għamlilhom sinjal biex jibqgħu siekta. Malli tela’ fuq il‑gverta, ra lill‑pirati kollha mdawrin madwar Hook. Ma rawhx tiela’. Inkiss inkiss, Peter niżel isfel fil‑kabina.
“M’għadniex nisimgħu it‑tikk, tokk, Kaptan,” lissen wieħed mill‑pirati.
Hook għolla rasu u waqqaf widnejh. Tassew, il‑ħoss kien waqaf. Qam dritt fuq saqajh.
“Mela għat‑tavla!” qabad jgħajjat, hekk kif beda jiżfen qisu miexi fuq tavla u jkanta:
“Jo ħo, jo ħo, ara ġejja t‑tavla,
Timxi fuqha qajla qajla
Sakemm taqa’ hi u taqa’ inti
isfel fil‑baħar fond.”
“Ħalli nużaw il‑frosta fuq dawn is‑subien, qabel,” kompla jgħajjat. “Jukes, mur ġibha mill‑kabina tiegħi.”
Wieħed mill‑pirati rħielha lejn it‑taraġ li kienu jagħtu għall‑parti t’isfel tax‑xini u għal‑kabina tal‑Kaptan sakemm Hook qabad se jkompli jgħanni.
Imma ma laħaqx spiċċa l‑kantaliena, għax f’daqqa waħda dwiet twerżiqa minn isfel, u wara għajta ħarxa.
“Dak x’kien?” lissen Hook. “Cecco, mur ara x’ġara lil Jukes.”
Kulħadd baqa’ sieket hekk kif Cecco mar jagħmel dak li ordnah Hook. Għal darb’ oħra, l‑ewwel instemgħet twerżiqa, u mbagħad għajta ħarxa.
Hook ħataf fanal. “Se mmur naqbad lil dak l‑għafrit li qiegħed jgħajjat,” qal, u mar jiġri lejn it‑taraġ għall‑parti t’isfel.
Ftit wara, reġa’ tela’ fuq il‑gverta. “Rajt l‑iġsma ta’ Jukes u ta’ Cecco,” lissen mibluh. “U mbagħad xi ħadd nefaħ u tfieli l‑fanal! Għandi idea. Ħalli nibagħtu lit‑tfal hemm isfel biex huma jiġġieldu mal‑għafrit.”
Il‑pirati mbuttaw lit‑tfal isfel, wieħed wara l‑ieħor, u dawn niżlu t‑taraġ. Malli daħlu fil‑kabina, Peter qatagħlhom il‑ħbula. Malli kienu ħielsa, ħatfu kull arma li setgħu jsibu. Minn taħt l‑ilsien, Peter qalilhom jistennew hemm sakemm jagħmlilhom sinjal minn fuq.
Waqt li fuq il‑pirati kollha kienu aljenati jħarsu lejn it‑taraġ biex jaraw x’kien se jiġri, Peter ħareġ mit‑tieqa tal‑kabina, iddendel mal‑ħbula u tela’ fuq il‑gverta wara l‑pirati. Ħadd minnhom ma rah hekk kif bil‑mod resaq lejn Wendy, li kienet għadha marbuta mal‑arblu u mgħottija bil‑liżar.
Bis‑skiet, ħelisha mill‑ħbula u għamlilha sinjal biex tistaħba, waqt li hu ħadilha postha u tgħatta bil‑liżar. Wendy nħbiet wara bettija.
F’daqqa waħda, Peter għamel il‑ħoss aħrax li l‑pirati kienu semgħu tiela’ minn isfel, u kollha daru f’salt.
“It‑tifla, ja xifajk!” għajjat Hook. “Ixħtuha fil‑baħar!”
Kollha f’salt ġrew lejn l‑arblu, iżda malli neħħew il‑liżar, minflok lil Wendy sabu lil Peter ixejjer ix‑xabla tiegħu. “Issa, ħbieb!” għajjat Peter, “Għalihom!”
Minnufih is‑subien bdew jgħajtu hekk kif telgħu jiġru t‑taraġ u ħabtu għall‑pirati. Kien hemm konfużjoni sħiħa u ħafna storbju hekk kif it‑tfal bdew jiġru wara l‑pirati u jiġġildulhom bix‑xwabel. Saħansitra rnexxielhom jixħtu wħud minnhom fil‑baħar, u oħrajn bdew jirtiraw fl‑irkejjen tax‑xini.
Hook biss kien qed iżomm iebes kontrihom. Kien se jagħti daqqa lil wieħed mit‑tfal bil‑ganċ tiegħu meta tfaċċa Peter quddiemu. “Il‑Kaptan nieħu ħsiebu jien!” għajjat.
“Ja biċċa ta’ tifel imqareb!” beda jgħajjat Hook. “M’intix se ġġibha żewġ miegħi!”
U hekk beda dwell twil bejn Peter u l‑Kaptan Hook. Il‑Kaptan kien ġellied liema bħalu bix‑xabla, iżda kull darba li xejjirha lejn Peter, it‑tifel irnexxielu jiskartaha. Hook kien diġà ferut f’idu, u dlonk beda jgħejja hekk kif Peter beda jimbuttah lura u aktar lura.
Hook resaq lejn ix‑xifer tax‑xini, u malli ra li ma setax iżomm aktar kontra Peter, qabeż fil‑baħar biex jaħrab. Imma kien għalxejn. Mingħajr ma ntebaħ bih, il‑kukkudrill kien qiegħed jistennieh fil‑baħar, u f’qasir żmien, Hook spiċċa f’ħalq il‑kukkudrill.
Il‑bqija tal‑pirati kienu għosfru. It‑tfal bdew jaqbżu u jogħlew bil‑ferħ. Niżlu isfel fil‑kabini, u libsu l‑ħwejjeġ tal‑pirati. Billi l‑qliezet kienu twal wisq għalihom, qattgħuhom mill‑irkoppa. Wara ħafna għajjat u żfin, bdew jgħajjew, sakemm fl‑aħħar marru kollha jorqdu fil‑kabini tal‑pirati.
L‑għada filgħodu, Peter ordnalhom biex isuqu x‑xini lejn id‑dar. Baħħru għal xi ftit ħin, u mbagħad Peter uża t‑trab tas‑sħaħar biex itajjar ix‑xini għall‑bqija tal‑vjaġġ.
Għaddew ħafna xhur qabel ma Wendy, John u Michael taru lura d‑dar u daħlu f’kamrithom mit‑tieqa. Kienet baqgħet miftuħa minn meta kienu ħarġu minnha wara Peter l‑ewwel darba. L‑ewwel ħaġa li għamlu kien li jħarsu ġewwa l‑kenn tal‑kelb biex jaraw Nana kinitx hemm. Minflok, sabu lil missierhom rieqed!
“Ma jistax ikun li baqa’ hemm dan iż‑żmien kollu!” qalet Wendy mistagħġba. Imma ma kinux jafu li minn dakinhar li huma kienu telqu, is‑Sinjur Darling kien baqa’ hemm biex jikkastiga ruħu talli kien rabat lil Nana fil‑bitħa dak il‑lejl.
F’daqqa waħda semgħu lis‑Sinjura Darling iddoqq il‑pjanu fis‑salott isfel.
“Il‑mamà!” qalu kollha flimkien.
“Ħalli nidħlu fis‑sodda, qisu ma ġara xejn,” qalet Wendy bi tbissima, “u nagħmlulhom sorpriża!”
Għalhekk, meta s‑Sinjura Darling telgħet fuq u daħlet fil‑kamra tat‑tfal, rathom kollha reqdin fis‑sodda. Imma ħasbet li kienet qegħda timmaġina, u nxteħtet fuq is‑siġġu b’qalbha sewda.
Għal mument, it‑tfal ħasbu li kienet insiethom.
“Mamà!” qabdu jgħajtu kollha f’salt, hekk kif ħarġu minn taħt il‑friex u bdew jaqbżu fuq is‑sodda.
“George! George!” bdiet tgħajjat is‑Sinjura Darling kollha mbellha. Is‑Sinjur Darling stenbaħ u beda jgħajjat magħhom, u fl‑istess ħin daħlet Nana fil‑kamra, tinbaħ, tferfer denbha u ddur madwar it‑tfal.
Li ma kinux jafu s‑Sinjur u s‑Sinjura Darling kien li barra fit‑triq, quddiem il‑bieb, kien hemm is‑Subien il‑Mitlufin, qed jistennew sakemm Wendy tgħidilhom jidħlu. Ftit wara, Wendy niżlet, daħħlithom, poġġiethom ringiela waħda quddiem il‑ġenituri tagħha, u talbithom biex iżommuhom magħhom.
Is‑Sinjura Darling mall‑ewwel qalet iva. Is‑Sinjur Darling ħaseb li sitt subien oħra kienu ftit wisq, iżda dlonk qatagħha li seta’ jsib soluzzjoni fejn ipoġġihom.
Biss Peter Pan ma riedx jibqa’, u s‑Sinjura Darling ma ħallietx lil Wendy titlaq miegħu lura fl‑Art ta’ Qatt. Madankollu tat permess lil Wendy tmur għal ġimgħa fir‑rebbiegħa biex tgħin lil Peter jieħu ħsieb inaddaf daru.
Dik ir‑rebbiegħa Peter reġa’ mar jara lil Wendy, u għamel hekk għal sentejn wara xulxin. Wara dan, nesa jerġa’ jiġi, u meta ftakar u mar jaraha, kien għadda ħafna żmien.
Malli Peter daħal mit‑tieqa, raha rieqda fis‑sodda tagħha.
“Wendy!” qal bil‑mod. “Ġejt biex nieħdok fl‑Art ta’ Qatt.”
Imma f’daqqa waħda tfaċċat mara fil‑bieb. “Peter, ma nistax niġi,” weġbitu. “Jien issa ili li kbirt. Jien iżżewwiġt, u dik it‑tifla fis‑sodda hija binti, Jane.”
Peter baqa’ mbellah għal ftit sekondi. Fl‑aħħar intefa’ ma’ saqajn is‑sodda u beda jolfoq.
Jane stembħet, u ratu mas‑sodda. “Tifel, għaliex qiegħed tibki?” staqsietu.
“Ġejt għal ommi biex noħodha fl‑Art ta’ Qatt,” wieġeb.
“Iva, naf,” wieġbet Jane bi tbissima. “Kont qed nistenniek!”
Minnufih Peter qam bil‑wieqfa u raxx ftit trab tas‑sħaħar fuq spallejn Jane. Dlonk, taru t‑tnejn lejn it‑tieqa.
“Le! Le!” għajtet Wendy. Imma kienet taf li ma setgħetx twaqqafhom. Baqgħet wieqfa ħdejn it‑tieqa hekk kif rat lil Jane u lil Peter jgħibu fis‑smewwiet, fi treqithom lejn dik l‑art fejn it‑tfal ma kienu jikbru qatt.
Bożin: Uffiċjal fuq vapur jew xini li jieħu ħsieb l‑apparat u l‑għodod tal‑baħrin. [Lura]
Ċima: Ħabel oħxon li kien jintuża fuq ix‑xwieni biex jintrabtu l‑qlugħ. [Lura]
Faqqiegħa: Xitla li għandha forma ta’ umbrella. [Lura]
Ġandra: Frotta tas‑siġra tal‑ballut. [Lura]
Mixi fuq it‑tavla: Xi drabi l‑pirati kienu jġiegħlu lill‑priġunieri tagħhom jimxu fuq it‑tavla. Kienu joħorġu tavla tal‑injam fuq il‑ġenb tax‑xini. Lill‑priġunieri kienu jorbtulhom idejhom wara daharhom u jġegħluhom jimxu sat‑tarf tat‑tavla. Jekk jaqgħu fil‑baħar ma kinux jistgħu jgħumu d’idejhom marbutin. Għalkemm din l‑istorja hija popolari, ma jeżistux ħafna dokumenti li jgħidu li l‑pirati tassew kienu jagħmlu dan lill‑priġunieri tagħhom. [Lura]
Laguna: Għadira ilma mielaħ maqtugħa mill‑baħar minn biċċa art imramla. [Lura]
Newfoundland: Razza ta’ klieb kbar bil‑pil folt, jixbhu ħafna lir‑razza tas‑San Bernard. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja