Avventura | Fantasija | Letteratura għat-tfal

Kitba ta’ Ġorġ Mallia
Madwar 1,200 kelma
Merlin Publishers (2015)

Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Professur Għasfur miktub minn Ġorġ Mallia u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.

1.

Kont naf biss li jismu l‑Professur Għasfur.

Tal‑anqas hekk kienu jsejħulu. Dak iż‑żmien ma kontx naf għaliex kien jismu hekk. Jgħidu li jsaffar malli tiġih xi idea ġdida. U mid‑dehra minn dawn l‑ideat jiġuh ħafna. Forsi għalhekk kellu dak il‑laqam.

Ma kontx naf. Ma kellix idea. Sirt naf wara għaliex kienu jgħidulu l‑Professur Għasfur.

Li naf hu li dħalt f’biċċa tinkiteb minħabba fih. U din hi l‑istorja li se ngħidilkom hawn. Storja ta’ avventura li qatt ma immaġinajt li se ngħaddi minnha. Periklu kbir. Twerwir. Meravilji. Ħlejjaq li jaqtgħuk minn sidrek bil‑biża’! Imma wkoll ġrajjiet ta’ ferħ li bħalu qatt ma ħassejt f’ħajti.

OK, lanqas biss għidtilkom min jien. Jien Katrin. Għandi ħdax‑il sena magħluqa. Għalaqthom xahrejn ilu. Qiegħda fis‑sitt sena tal‑primarja. Ma nħobbx nilgħab bil‑pupi u x’naf jien, u l‑video games idejquni.

Sħabi jqisuni stramba. Għax agħtini ktieb u tfajtni l‑ġenna. L‑iskola mmur tajjeb. Ħafna. Imma ma naħdimx biex immur tajjeb. L‑għalliema jgħidu li jien brava. Ma nistax nifhem għaliex. Jien ma nħossnix brava.

Inħoss li jien biss jien. Dak kollox.

Imma l‑biċċa tal‑Professur Għasfur ma stennejtha qatt.

Kont naf li jeżisti. Min ma jafx fir‑raħal? Għandu laboratorju ftit maqtugħ mill‑bqija tad‑djar. Fit‑tarf tal‑wied.

Ġanni, li kull filgħodu kmieni jgħaddi minn hemm bil‑merħla tal‑mogħoż, jgħid li spiss jara beraq aħdar ħiereġ mit‑twieqi ta’ fuq tal‑bini fejn jgħix il‑Professur. U jisma’ ħafna ħsejjes ukoll. Jgħid li impossibbli jispjegahom, imma l‑mogħoż jitnaffru u jkollu battikata jipprova jżomm il‑merħla fi triqitha. Anke kien qed jaħseb li forsi ma jgħaddix minn hemm aktar. Imma l‑wied kien perfett għall‑mogħoż biex jirgħu fih. Ir‑raħal kien qed jinbena bla kontroll. Kuljum tara blokk flats ġdid xi mkien, u l‑ħaxix fejn jirgħu l‑annimali kien nieqes.

“Imma dak il‑beraq anke lili jbeżża’, aħseb u ara ’l‑mogħoż,” kien qal Ġanni, ixengel rasu u jaqleb għajnejh.

Smajt lil ommi u missieri jgħidu x’qal. Kont qed nagħmel il‑homework fil‑kċina u huma kienu fis‑salott. X’aktarx ma kinux jafu li jien kont hemm.

“Naħseb li dak miġnun,” qalet ommi, u għall‑ewwel ħsibtha qed titkellem fuq Ġanni.

“Ma nafx x’inhu,” wieġeb missieri, “imma ħadd ma jaf xi jkun qed jivvinta f’dak il‑laboratorju tiegħu.”

OK … għidt bejni u bejn ruħi. Mela fuq il‑Professur Għasfur qed jitkellmu. Ma kinitx l‑ewwel darba.

“Il‑pulizija jafu xi jkun qed jagħmel?” staqsiet ommi.

Naħseb li missieri xengel rasu. Ma stajtx narah minn fejn kont.

“Mela forsi ta’ min xi ħadd jgħidilhom,” qalet hi, b’kemxejn rabja f’leħinha. “Dak għad jisplodi kullimkien. Il‑wied u nofs ir‑raħal!”

U issa nstemgħet beżgħana.

“U le,” qal missieri, li kellu ħabta kif jikkalma ’l ommi, li għaliha kollox kien qisha se taqa’ d‑dinja. “Ċert li qegħdin iżommu għajnejhom fuqu. Mhux aħna biss nafu bil‑Professur, tafx! Xi ħadd żgur li rrapporta x’jiġri f’dak il‑bini f’tarf il‑wied.”

Dak il‑ħin ċempel it‑telefown u d‑diskursata bejniethom intemmet hemm.

Imma kienet biżżejjed biex nibbtet fija kurżità kbira dwar il‑Professur.

OK, insejt ngħidilkom xi ħaġa oħra dwari. Jien kurjuża ħafna. Forsi għalhekk immur tajjeb fl‑iskola, għax jekk ikolli kurżità dwar xi ħaġa ma noqgħodx bi kwieti qabel ma nsir naf kulma hu possibbli dwarha. Hekk nistudja jien. U nammetti li kollox jinteressani.

Imma jekk tidħolli xi ħaġa f’moħħi ma nkunx nista’ nitlaqha qabel ma nkun nafha minn ġewwa sa barra. Pawlu tal‑ġara kien darba qal li jien bħal Blackie, il‑kelb tal‑but ta’ nannuh, li malli jaħtaf għadma fi snienu ma jitlaqhiex minn ħalqu qabel ma jtertaqha u minnha ma jibqa’ xejn.

Kultant naħseb li Pawlu xi ftit għajjur għalija għax inġib kollox “A”. Għandu jkun ġab “A” fis‑somom f’ta’ nofs is‑sena hu wkoll. Voldieri m’għandux għalfejn jgħir.

Insomma … daħħaltha f’rasi li rrid insir naf x’kien qed jagħmel fil‑bini ta’ tarf il‑wied dal‑Professur Għasfur.

Kont nagħmel ħafna ħafna aktar ġid kieku bqajt hemm, b’rasi mgħaddsa ġo ktieb. Imma kulħadd għaref wara l‑fatt.

***** ***** stat_3 ***** *****

2.

Dak kien is‑Sibt filgħodu.

Waranofsinhar għidtilhom li kont sejra nimxi. Ħadd ma qal xejn għax ta’ spiss immur passiġġata madwar ir‑raħal. Inħobb nimxi. Naħrab il‑karozzi fejn nista’, imma dan kien qed isir aktar u aktar diffiċli. Fit‑toroq ta’ Malta hemm aktar karozzi minn nies, u kull waħda qisha miġnuna, mgħaġġla u ttajjar id‑duħħan bħal mostru bin‑nar fl‑istonku.

Għidtilkom li nħobb nikteb? Stejjer l‑aktar. Mimlijin fantasija. Kollha mostri u draguni u ħlejjaq li ma jeżistux ħlief f’moħħi. Noħlomhom kull ħin u kull mument. F’nofs problema tal‑matematika. F’nofs feles torta tal‑irkotta. F’nofs logħba noli mal‑ftit tfal mill‑klassi li nsejjaħ ħbieb. Jiġu minn kullimkien, dal‑ħlejjaq, u anke d‑dinjiet li jgħixu fihom. U mbagħad l‑hena tiegħi niktibhom f’pitazzi tal‑linji wiesgħa. Mhux nittajpjahom fil‑kompjuter. Inkun irrid inħosshom ħerġin minn idejja. Minn pinna. Ġieli nuża aktar minn pitazz wieħed, u ngħaqqad kemm pitazzi nkun imlejt bit‑tejp, biex jiġu donnhom ktieb oħxon. Mimlijin bil‑ħolm tiegħi ta’ dinjiet kollha ħdura, fejn id‑djar għandhom biss sular wieħed u s‑sema tista’ tarah mingħajr ma jkollok għalfejn iġġebbed għonqok ’il barra mill‑gallarija.

Insomma … ħrabt. Aħjar ngħidilkom x’ġara dak is‑Sibt waranofsinhar milli noqgħod nirrakkonta dwar il‑fantasiji tiegħi.

Mill‑ewwel kelli f’moħħi mmur il‑wied. Fil‑fatt ta’ spiss immur fih, għax l‑arja aħjar hemm, anke meta l‑bdiewa tal‑madwar idemmlu l‑għelieqi tagħhom. Ir‑riħa tad‑demel nippreferiha minn dik tan‑nugrufun li jħalli fl‑arja l‑exhaust tal‑karozzi. Aħjar mir‑riħa tat‑trab fin li jiġi minn fejn qed jibnu, li jinżel bħal xita traxxax fuq kollox, u jġegħelni nisgħol u nagħtas u jibblukkali mnifsejja.

Il‑wied f’tarf ir‑raħal hu bħal faxx aħdar, mimli bis‑siġar u kull tip ta’ xtieli. L‑ilma li jinżel fih mill‑għoljiet tal‑madwar fix‑xtiewi jsaqqi l‑ħamrija u fl‑istaġuni l‑oħra jlibbsu libsa ħadra friska li tpaxxini.

Ma nafx kif tela’ l‑bini fejn joqgħod il‑Professur. Qiegħed fin‑naħa ta’ fuq tal‑wied, eżatt fejn jintemm u tibda t‑triq miksija bit‑tarmak li twassal għall‑belt ta’ ħdejna. Imma ilu hemm snin twal. Forsi anke mijiet ta’ snin. U dak jispjega l‑għaliex hemm bini f’post li qiegħed biss għan‑natura.

Dan tal‑Professur x’aktarx li darba waħda kien razzett. Kont rajt djar ta’ dan it‑tip fuq site dwar il‑bini tal‑bidu tas‑seklu l‑ieħor. Dakinhar kont qed infittex stampi għal proġett tal‑istorja u ntlift inqalleb ir‑ritratti ta’ bini li bħalu għadek kultant tara f’Malta. Imma x’aktarx li llum dawn l‑irziezet iduruhom dawra sew u ħlief minn barra ma jibqgħux dak li kienu.

Xi ħaġa kienet tgħidli li dan kien bini li ħadd ma kien għamlu converted jew refurbished — deskrizzjonijiet li kont nara ta’ spiss fir‑reklami ta’ dawk li jbigħu d‑djar.

Ħarist ’il fuq. Kien bini ta’ żewġ sulari, mibni b’ġebla li mas‑snin saret griża, bil‑ħażiż aħdar skur mad‑dawra t’isfel, flimkien ma’ ħafna pjanti jiffullaw ma’ kullimkien. Uħud mit‑twieqi kienu żgħar, u oħrajn akbar, b’persjani griżi minn trab mhux mimsuħ għal ħafna snin. Stajt nimmaġina x‑xeħta ta’ ġewwa wkoll. Bitħa kbira fin‑nofs imdawra bi kmamar b’soqfa għoljin tax‑xorok. Skont is‑site li kont fittixt fuqu, hekk kienu jibnuhom id‑djar il‑Maltin f’dak iż‑żmien.

Sibt il‑bieb ta’ barra. Injam qadim, miżbugħ b’żebgħa ħadra lewn iż‑żebbuġa, imqaxxra f’ħafna postijiet, bl‑injam taħtha mxaqqaq mix‑xemx li kienet tolqtu kull filgħodu. Kien magħluq. Żewġ ħabbatiet kbar tal‑bronż ma ħajrunix nużahom. Kienu inkallati. Ħadd ma kien ħabbat dak il‑bieb għal ħafna snin.

Ix‑xemx ma kienx fadlilha aktar minn kwarta biex tinżel, u ħsibt li, jekk irrid nasal id‑dar qabel ma jidlam, kien ikun aħjar jekk nitlaq minn hemm dak il‑ħin stess.

Imma hekk kif ħarist ’il fuq lejn it‑twieqi tat‑tieni sular, berqa ħadra bħal sparat ’il barra minnhom, tixgħel għal mument lil dik il‑parti tal‑wied.

Ħasditni. U dak il‑mument donnha qalbi ħebritni li dik il‑berqa kienet se toħodni xi mkien fejn kont se niġġieled mal‑mewt. Bżajt u kont se ndur lura, imma berqa oħra xegħlet kullimkien għal mument, u reġgħet qanqlitli dik il‑kurżità li kienet wasslitni s’hemm.

U d‑deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma kelli għalfejn naħseb aktar.

***** ***** stat_3 ***** *****