Kitba ta’ Ġorġ Mallia
Madwar 1,200 kelma
Merlin Publishers (2015)
Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Professur Għasfur fl‑Ispazju miktub minn Ġorġ Mallia u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Kien hemm mijiet minnhom, jekk mhux eluf, u kull wieħed kien mimli aljeni u biżżejjed bombi biex jeqirdu d‑dinja aktar minn darba.
Il‑flotta qorbot dejjem aktar lejja. U taru bla formazzjoni … bl‑addoċċ. Immaġinajt ħsejjes ta’ ħafna ajruplani jtiru f’daqqa, imma fl‑ispazju ma kienx hemm ħoss. Taru fis‑skiet, iżiġġu minn naħa għal oħra, donnhom żnażan imnaffra, lesti biex jattakkaw l‑għadu b’qilla kbira. Lesti għall‑qerda.
U jien kont waħdi.
Ħassejtni qed negħleb, u għamilt minn kollox biex niddritta. Kelli ġettijiet ta’ arja kkompressata mwaħħla mal‑apparat tal‑ossiġnu, u permezz tagħhom stajt inżomm wieqaf. Jekk inħossni qed inxaqleb lejn ix‑xellug, ngħidu aħna, nispara l‑ġett tax‑xellug għal mument, u niddritta. Imma fl‑ispazju, diffiċli immens tibqa’ post wieħed. Ma kelli l‑ebda kontroll fuq id‑direzzjoni ta’ ġismi.
U issa kienu kważi waslu fuqi. Stajt nara t‑twieqi tondi, jixegħlu bi dwal strambi jiddu minn bozoz li min jaf f’liema galassja pproduċewhom.
Minn fejn kont, ma stajtx nara x’tip ta’ magni kellhom. Ma kien hemm l‑ebda ħjiel ta’ exhaust, voldieri ma kienu qed jaħarqu l‑ebda tip ta’ fuel. Immaġinajt li kienu jisiltu l‑enerġija mir‑radjazzjoni li hemm fl‑ispazju … ngħidu aħna r‑raġġi kosmiċi li nħolqu mis‑supernova ta’ min jaf kemm‑il stilla biljuni ta’ snin ilu. Iva, bilfors li xi ħaġa hekk.
U jien biss kien hemm bejnhom u bejn id‑dinja tagħna. Dinja li ma kellhiex ħjiel x’kien qed jiġri fis‑smewwiet fuq rasha. Jien biss, u l‑arma li kelli f’idi, kontra mijiet li kienu se jattakkawni bl‑aktar mod selvaġġ possibbli.
Kif kien se jirnexxili nwaqqafhom? Ma kelli l‑ebda pjan sod. Kont naf biss li l‑mument li kienu qrib biżżejjed biex ir‑raġġi tal‑arma tiegħi jilħquhom, nibda ntajjarhom mis‑smewwiet wieħed wieħed … kif kont għamilt kemm‑il darba fil‑video games. Imma did‑darba ma kinitx logħba. Did‑darba kienet ħajja jew mewt.
U mewt mhux għalija biss, imma għad‑dinja kollha.
Issa. Wasal il‑mument. Issa. L‑ewwel mill‑attakkanti kien pass ’il bogħod minni.
Għollejt l‑arma li kelli f’idi x‑xellugija. Poġġejt idi l‑leminija fuqha, biex nissodaha … biex inwaqqaf ir‑rogħda kbira li kelli minn rasi sa saqajja.
U bil‑mod il‑mod ħadt il‑mira …
Jien nemmen fl‑ispaceships!
Nemmen li għad, xi darba, jinżlu mis‑smewwiet għalina. Ma nafx min għad joħroġ minnhom. Fl‑antik kienu jgħidu li l‑aljeni huma rġiel żgħar ħodor b’widnejn ippuntati, iġorru revolvers tal‑laser u jiġu hawn biex jinvaduna.
Ma nafx. Ma naħsibx jien. Ma tantx għandhom x’jambuha d‑dinja tagħna. Ma tantx qiegħda f’kundizzjoni tajba, ngħiduha kif inhi. Naħseb li dawk l‑aljeni ħodor kienu biss ħlejjaq li ħarġu mill‑immaġinazzjoni tal‑kittieba ta’ stejjer li jien tant inħobb.
L‑hena tiegħi l‑kotba tal‑fantaxjenza. Mindu bdejt is‑sekondarja u l‑għalliem tal‑Ingliż issuġġerielna ktieb li l‑istorja tiegħu ġrat fl‑ispazju, fil‑futur … tani għalihom. Qatt ma kont inħobb naqra wisq. Insomma, xi wieħed ’l hawn u ’l hemm meta kont fil‑primarja. Imma naħseb li għax qatt ma sibt kotba jogħġbuni. Dawn tal‑fantaxjenza bħal ħatfuni u issa ma nistax nitlaqhom.
Mhux għax tajjeb ħafna fl‑Ingliż, lanqas. Jien is‑suġġett tiegħi l‑matematika. Fih biss immur tajjeb ħafna. Fl‑oħrajn kemm inġaħġaħ. Ngħaddi imma ma nibbrillax.
Nammetti magħkom ngħir ftit għal dawk it‑tfal sħabi li għalihom l‑istudju qisu mhu xejn u jkaxkru l‑“A” kollha. Meta kont fil‑primarja dik Katrin li kienet toqgħod ħdejna, ngħidu aħna. Dejjem taqra, iva. Imneħirha dejjem imdeffes f’xi ktieb, imma rari jkunu kotba tal‑iskola. Safrattant, hi dejjem l‑ewwel. Telgħet miegħi s‑sekondarja, imma ommha u missierha ħtiġilhom imorru l‑Awstralja għax kien hemm zija ma tiflaħx sew, u ġabu permess u ħaduha magħhom. Ilni xahar ma naraha.
Imma flokha hemm oħrajn dejjem fuq nett fil‑klassi.
U jien? Jien fin‑nofs. La ’l fuq iżżejjed u lanqas ’l isfel wisq. Ngħaddi kemm nimxi ’l quddiem, imma mhux tajjeb biżżejjed biex l‑għalliema jiftakruni mill‑ewwel.
“Pawlu kwiet,” kienet il‑kantaliena tal‑għalliema meta ommi tmur tkellimhom f’Jum il‑Ġenituri. “M’għandna xejn minnu. Kellu bżonn, iżda, jistudja ftit ieħor ħa jkun aktar minn tal‑ewwel.” U dan wara li jkun fittex fir‑reġistru biex jipprova jiftakar min jien. Immorru d‑dar u ommi tagħmilli l‑prietka ta’ kull sena. Li mingħajr studju ma nasal imkien. Li jkolli naħdem il‑ġebel bħal missieri. Li nbati u nispiċċa bla saħħa meta nkun għadni żagħżugħ.
Din smajtha kemm‑il darba, imma l‑istudju mhux faċli għalija. Ara l‑qari tal‑kotba tal‑fantaxjenza. Dak gost! Dak jeħodni ’l bogħod mid‑dar tagħna, mir‑raħal ċkejken imma mimli daqs bajda bi djar u blokkijiet ta’ flettijiet. Dak iwassalni f’dinjiet ġodda, mimlija meravilji u ħlejjaq tal‑ħolm.
Ħolm. Iva ta’ spiss noħlom li qed tattakkani flotta kbira ta’ spaceships, u jien waħdi b’arma tar‑raġġi, inkun irrid inwaqqafhom milli jieħdu d‑dinja. Ħlomtha xi tliet darbiet dan l‑aħħar xahar. U dejjem inqum hekk kif inkun se nisparalhom.
Ħrabt. Aħfruli. Jien moħħi jiġri. Daqqa ’l hawn u daqqa ’l hemm. Rari jżomm fuq ħaġa waħda. U m’għandix sabar. Noqmos. Tgħidlix naqralek għal aktar minn siegħa. Jogħġobni kemm jogħġobni li nkun qed naqra, arani se nqum nippassiġġa. Jew noħroġ nagħti daqqtejn ta’ sieq lill‑ballun.
Hekk ilbieraħ. Kont waħdi d‑dar. Ommi u missieri kienu marru għand in‑nanna, għax ma tantx kienet tiflaħ. Kienu se jiġu lura tard billejl. Kelli homework aktar milli flaħt għalih. Lestejt is‑somom, għax dawk faċli, imma meta ġejt għat‑Taljan weħilt u wara ftit ma flaħtx aktar.
Ħriġt mid‑dar u ġbidtha lejn il‑wied li hemm f’tarf ir‑raħal. Parti minnu qed jibnuh, imma xorta għad hemm roqgħa sew miftuħa n‑naħa ta’ fuq u ta’ spiss immur hemm nilgħab logħba futbol. Meta jinzertaw ikunu hemm sħabi, m’għandniex xi ngħidu.
Illum ma kien hemm ħadd. Imma kelli ħafna enerġija x’naħli. Dak il‑homework kien qeridni, u lgħabt waħdi, nixxuttja u nħabbat il‑ballun ma’ biċċa ħajt nofsu mwaqqa’ li darba kien iberfel għalqa.
Mument minnhom id‑daqqa ta’ sieq ħarġet żbrixx u l‑ballun għaqad kemm felaħ la ġenba, qabeż minn tarf il‑ħajt u sparixxa f’roqgħa siġar. Kien ballun tajjeb, rigal tal‑Milied taz‑ziju Ġann, u ma ridtx nitilfu. Ġrejt warajh nipprova nsibu, imma naħseb li qabad niżla għax ma stajt narah imkien.
Hekk kif għaddejt minn qalb is‑siġar, sibt ruħi f’fetħa li fiha kien hemm razzett qadim ta’ żewġ sulari. Il‑knatan kienu griżi mis‑snin u kellu ħafna ħaxix ħażin imdawwar miegħu. Kellu bieb kbir miżbugħ aħdar ħafna snin ilu, għax issa ż‑żebgħa kienet kollha mqaxxra. Mal‑bieb kien hemm żewġ ħabbatiet kbar, maħmuġin, tal‑metall … x’aktarx tal‑bronż, għax kienu jixbhu lil dawk li kellha z‑zija Karm. Kien hemm ammont ta’ twieqi ta’ daqsijiet differenti, imma kollha kellhom persjani maħmuġin. Kien jagħti x‑xeħta ta’ razzett antik abbandunat, imma kien hemm id‑dawl ħiereġ minn xi twieqi fit‑tieni sular.
Dal‑bini kont nafu. Hawn fejn kien joqgħod il‑misterjuż Professur Għasfur li r‑raħal kollu kien jitkellem fuqu imma li ftit kienu jafuh. Għandu jkun Katrin u niesha kienu ta’ ġewwa, għax ommha kienet qalet lill‑ġara li spiss kienu jmorru għandu. Ħaġa li jien sibtha stramba għax, ngħid jien, dawk x’seta’ kellhom x’jaqsmu miegħu?
Sibt il‑ballun maqbud f’xitla ħdejn il‑bieb ta’ barra. Ġbartu u kont se ndur biex immur lura d‑dar, meta xi ħaġa waqqfitni. Ħoss. Qisu karozza rrejżjata. Bħall‑ħoss li tagħmel il‑karozza ta’ Toni l‑Qżież li kien joqgħod ftit bibien ’l isfel, imma li kien iġennen triq bl‑istorbju li kienet tagħmel l‑Escort Mark 1 li kellu u li kien rama u rfina.
Imma dal‑ħoss kien aktar fin minn hekk. Kważi jgħanni. Qisu l‑ħoss ta’ ajruplan xħin jixgħel il‑magni. U kien qed jiżdied.
Ħarist ’il fuq. Id‑dawl fit‑twieqi tat‑tieni sular kien tqawwa ħafna. Fil‑fatt il‑ħġieġ ta’ kull waħda kien mifqugħ b’dawl abjad li kien qed jixgħel il‑wied, avolja x‑xemx kienet għadha ma niżlitx.
Imbagħad rajtu. Kien ċatt. Tond … imma kien ħafna aktar minn hekk. Għal xi raġuni d‑dettalji ħarbuli issa, għax il‑qatgħa li ħadt dak il‑ħin nessietni kollox.
’Il fuq mill‑bejt tar‑razzett tal‑Professur Għasfur kien hemm vettura, bi dwal qawwija jixegħlu taħtha. U naħlef fuq li naħlef li naf x’kienet.
Dik il‑vettura kienet spaceship!
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja