Kitba ta’ Ġorġ Mallia
Madwar 1,200 kelma
Merlin Publishers (2024)
Din hija silta qasira mill-ktieb L-Istejjer tal-Professur Għasfur miktub minn Ġorġ Mallia u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Qed inħossni stramb ħafna nikteb dan il‑kliem. Imma forsi tajjeb li nispjegalkom kif sirt naf bl‑istejjer li se taqraw f’dan il‑ktieb.
Nista’ ngħidilkom minn issa li jien ma kontx hemm waqt li kienu qed iseħħu. Għall‑ebda waħda minnhom. Dawn l‑istejjer qaluhomli. Sirt naf bil‑Professur Għasfur mill‑kotba li kitbu fuqu Katrin u Pawlu, u għall‑ewwel ħsibt li dal‑Professur eċċentriku kien frott l‑immaġinazzjoni fertili tagħhom. Għalhekk kienet sorpriża kbira ħafna meta sirt nafu jien ukoll. U miegħu sirt naf lit‑tfal u anke lill‑Professur Gremxula, simpatika għall‑aħħar … meta ma jkollhiex xi senter f’idejha. Imbagħad trid iżżomm ’il bogħod minnha.
Kien Għasfur stess li introduċieni ma’ Pawlu, darba waħda, meta kont qiegħed fil‑laboratorju tiegħu u Pawlu ġie jittawwallu. Waħda minn dawn l‑istejjer qalhieli Pawlu nnifsu, fil‑fatt, meta kont mistieden għandhom darba waħda. Sirt naf lil niesu sew wara dakinhar li kont il‑laboratorju, u kull meta mmur sar‑raħal għal xi raġuni, inżurhom. Nies sew ħafna, u Pawlu ħelu. M’għandux sabar f’ġismu. Joqmos il‑ħin kollu, imma bravu aktar milli jaħseb hu dwaru nnifsu. U meta qalli l‑istorja li fiha kellu x’jaqsam, bellahni.
Mingħandu ħadt l‑indirizz tal‑iSkype ta’ Katrin, għax dik għadha l‑Awstralja ma’ niesha, u rranġajt magħha biex niskajpjaw, għax kelli kurżità kbira nkun naf il‑verżjoni tagħha tal‑Professur. Kont qrajt il‑ktieb li kitbet hi fuqu, u immaġinajt li kienet se tirrakkontali dik il‑ġrajja. Tistgħu timmaġinaw kif bqajt meta sirt naf li kien hemm aktar stejjer xi tgħidli, fosthom waħda li qed nirrakkonta hawn għalikom.
Il‑bqija tal‑istejjer li tistgħu taqraw hawn ħadthom mill‑fomm stess tal‑Professuri Għasfur u Gremxula. Ma smajthomx kollha f’daqqa … donnhom kienu jżommu wħud minnhom biex ikollhom x’jirrakkontawli kull darba li narahom. Fil‑fatt, ma għandi l‑ebda dubju li għad hemm ammont kbir ta’ stejjer x’jgħiduli dwar il‑ħafna avventuri tagħhom, u dwar l‑invenzjonijiet meraviljużi li ħarġu miż‑żewġ imħuħ brillanti.
Xtaqt ukoll kellimt lill‑fekruna, imma veru li hemm fil‑kotba ta’ Katrin u Pawlu … dik tikkomunika biss mal‑Professur, jekk ma jkunux qed jaqsmu minn xi dimensjoni għal oħra, jew ikunu fl‑ispazju, meta l‑oħrajn ukoll ikunu jistgħu jisimgħuha. U jien la kont f’waħda, u lanqas fl‑ieħor. Barra minn hekk, kull darba li żort, il‑fekruna ma kinitx hemm, jiġifieri għad irrid niltaqa’ magħha xi darba.
Ara jien ukoll … ilni nkellimkom u lanqas biss introduċejt ruħi. Kultant ma nafx x’għamilt bihom il‑manjieri li tant tanbruli fuqhom l‑għalliema. Jien jisimni Ġorġ, u spiċċajt bħal speċi l‑bijografu mhux uffiċjali tal‑Professur. Tal‑anqas hekk qed inħossni bħalissa, għax qed nirrakkontalkom minn xiex għadda seħibna f’dawn l‑aħħar xhur.
Tkellimt biżżejjed jien. Intom mhux fuqi tridu taqraw, imma dwar x’għamlu l‑Professuri. U, ħalli ngħidilkom minn issa … stennew ħafna invenzjonijiet ta’ barra minn hawn, u avventuri li jien nemminhom biss għax qaluhomli huma stess. Ma nafx intom hux se temmnuhom. Ma nistax naħlef għalihom la ma kontx hemm, imma ma qtajthomx nies li jigdbu Għasfur, Gremxula, Katrin u Pawlu.
Insomma. Hawn huma. Kunu ppreparati. Dawn ġrajjiet eċitanti u li se jżommukom taqraw.
U jien hekk inkun kuntent.
Il‑fekruna ħarset ’il fuq.
U hemm, maqtugħ daqs żewġ metri mill‑art, kien hemm il‑Professur Għasfur, li kien qed jitbissem u b’għaġla kbira jikteb in‑noti fil‑mowbajl.
“L‑esperiment suċċess,” qal b’eċitament f’leħnu.
Il‑fekruna wkoll dehret donnha qed titbissem. Kienet hi li għenitu fil‑matematika kkumplikata li kien hemm bżonn biex jibni ż‑żarbun li kien liebes. Kien jidher żarbun pjuttost normali, għalkemm xi ftit kbir. Imma normali kienet l‑inqas ħaġa li kien.
“Iż‑żarbun antigravitali jaħdem!” qal il‑Professur, u t‑tbissima ċarrtitlu wiċċu minn tarf sa ieħor. Taptap xi ħaġa fuq app fil‑mowbajl, u bil‑mod il‑mod niżel lura fl‑art. “Iċ‑ċippa li bnejna ġoż‑żarbun tnaqqas il‑ġibda tal‑gravità u tħallini nimxi mal‑arja. Il‑possibbiltajiet għal din it‑teknoloġija huma infiniti,” qal xħin saqajh reġgħu straħu fuq il‑madum tal‑laboratorju tiegħu. “Jekk jirnexxili nċekken iċ‑ċippa anke aktar milli hi, nistgħu noħolqu lifters apposta biex jgħinu lil dawk li jġorru tagħbijiet tqal. Nies tax‑xatt, jew dawk li jġorru l‑għamajjar.”
Bħalma s‑soltu jiġrilu kull darba li jivvinta xi ħaġa, il‑Professur kien entużjażma ruħu … iħares fil‑futur lejn l‑użu tal‑invenzjoni l‑ġdida tiegħu.
Imma l‑fekruna ma kinitx qed tisma’.
Waħda mill‑abbiltajiet tagħha kienet li taħtaf mill‑ajru sinjali li jkunu ġejjin minn imkejjen differenti. Tat‑televixin, tar‑radju … kollha kienu jolqtuha. Darba anke kienet semgħet is‑sinjali tar‑radju ġejjin mill‑ispazju, li wasslithom għal avventura liema bħalha. Kultant kienet tieqaf u tixtarr xi wieħed mis‑sinjali li jolqotha partikolarment. Issa kienet qed tissemma’ trasmissjoni ta’ radju tal‑pulizija li kienet qed tgħid li waqgħet blata kbira fuq dar in‑naħa l‑oħra tal‑wied fejn kellhom ir‑razzett‑laboratorju.
Qalet b’dan lill‑Professur. U qaltlu wkoll li mid‑dehra s‑sitwazzjoni kienet serja, għax il‑pulizija nstemgħu inkwetati.
“Mhux ’il bogħod minn hawn,” qalilha. “Imxi naraw nistgħux ngħinu.”
Ġab il‑barżakka li fiha kien iġorr lill‑fekruna, u ħarġu bil‑ħeffa minn hemm ġew. Bl‑istess għaġla, il‑Professur ma kellux ħin ibiddel iż‑żarbun antigravitali ma’ wieħed normali, imma b’daqshekk ma kien ġara xejn, għax daż‑żarbun kien tajjeb għall‑mixi daqs kull żarbun ieħor.
Malajr waslu fejn ġara l‑inċident. U li raw hemm ħasadhom bl‑ikrah.
Tarf mill‑wied kien qed jinbena. Diġà kienu telgħu xi blokok ta’ appartamenti u ħdejhom kienu qed iħaffru biex iqiegħdu l‑pedamenti ta’ blokka oħra. U x’aktarx li l‑vibrazzjonijiet tal‑makkinarju kienu qanqlu blata daqs dinja, forma kwadra, donnha kantun ġgantesk, minn ma’ naħa waħda fonda tal‑wied, li waqgħet fuq parti minn dar li kien hemm taħtha.
“Hemm xi nies maqbuda fid‑dar u ma jistgħux joħorġu,” qalet waħda mara li kien hemm mal‑folla tħares lejn dak li kien qed jiġri.
“Ħajjin?” staqsiet oħra.
“Iva, għax kellmuhom bil‑mowbajl, imma l‑blata qasmet id‑dar min‑nofs u qed timblukkahom milli joħorġu.”
“Jekk mhux se jneħħu dik il‑blata malajr, kapaċi tikkrolla d‑dar u teħodhom magħha,” qal wieħed raġel b’leħen jirtogħod.
“Imma kif se jneħħuha?” qalet l‑ewwel mara. “Dik trid krejn daqsiex biex tneħħiha … minn dawk li trid tarmahom l‑ewwel. Mhux se jlaħħqu.”
Kien f’dak il‑punt li l‑Professur waqaf jissemma’ u ddeffes qalb il‑folla biex jipprova jgħaddi minnha. Irnexxielu jasal fuq quddiem, imma hemm sab pulizija jimblukkalu t‑triq.
“Kuntistabbli,” qallu, “jekk tħallini ngħaddi, naħseb li nista’ ngħin.”
Imma l‑kuntistabbli ma riedx jaf. “Hemm perikoluż, Sinjur,” qallu, u żammu lura.
U kien hawn li l‑fekruna qabżet mill‑barżakka, u tant inħasad il‑pulizija li għal mument dawwar dahru lejn il‑folla u l‑Professur ħa l‑opportunità biex jiżgiċċa lejn fejn il‑blata enormi kienet qed tistrieħ f’nofs id‑dar. U rnexxielu jevita lil kulħadd, tant li ma damx ma kien eżatt fejn il‑blata straħet mal‑art bla ma rawh il‑ħaddiema tas‑salvataġġ li kien hemm, iħarsu bla tama ’l fuq u jiddiskutu x’jistgħu jagħmlu.
Kellu pjan. Minn ġol‑barżakka ħareġ ħabel irqiq tan‑nylon. Neħħa ż‑żarbun u għadda l‑ħabel mit‑toqob tal‑lazzijiet. Inkiss inkiss tefa’ l‑ħabel madwar il‑blata. Ħadem min‑naħa ta’ wara, bogħod mill‑ħaddiema, u ħadd minnhom ma rah fil‑konfużjoni li kien hemm. Ma damx ma dawwar il‑ħabel xi tliet darbiet mal‑blata, biż‑żarbun marbut sew taħtha. Imbagħad rabat it‑trufijiet b’ħafna għoqiedi b’saħħithom.
U dak il‑ħin rah wieħed mill‑ħaddiema. “Dak x’qed jagħmel hemm?” staqsa lil wieħed minn sħabu. Raw lill‑Professur, ħafi, joħroġ il‑mowbajl mill‑but tal‑ġlekk u jittajpja fuqu. U nħasdu. B’ħalqhom miftuħ beraħ raw il‑blata tiċċaqlaq bil‑mod il‑mod, togħla ftit mill‑art u, bħal bis‑sħarijiet, tiżżerżaq ħelu ħelu minn fejn kienet waqgħet, timxi għal maġenb id‑dar, fejn bil‑mod il‑mod niżlet fl‑art.
Ma setgħux jemmnu lil għajnejhom, imma kienu professjonali, u malli raw id‑dar żgumbrata għajtu lil xulxin u ġrew kemm felħu biex joħorġu lin‑nies maqbuda.
U hekk għamlu, u tant kien hemm għagħa huma u jsalvawhom (u rnexxielhom isalvawhom kollha) li lanqas biss raw lill‑Professur in‑naħa l‑oħra tal‑blata, iħoll il‑ħabel, jieħu ż‑żarbun lura, jilbsu, jiġbor lill‑fekruna minn fejn kienet tistkenn wara siġra, u jisparixxi qalb il‑folla.
U dan kollu fis‑skiet, imma bi tbissima kbira fuq wiċċu.
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja