Sejħa lill-pubblikaturi
u ’ll-kittieba

Għalkemm dan il‑proġett jiffoka fuq xogħlijiet klassiċi internazzjonali li huma ta’ dominju pubbliku, ma jistax jonqos li jħeġġeġ ukoll il‑qari ta’ kitba bil‑Malti aktar moderna, minn awturi lokali.

Għaldaqstant, Kotba fil‑But jistieden lill‑awturi u l‑pubblikaturi lokali jikkontribwixxu siltiet biex jiżdiedu fil‑Librerija tas‑sit.

Bħala awtur, tista’ toffri silta qasira jew kapitlu ta’ xogħol ippubblikat. B’dan il‑mod, qarrejja tas‑sit ikollhom l‑opportunità jibdew jaqraw ix‑xogħol bit‑tama li jitħajru jfittxuh fil‑libreriji jew jixtruh.

Ix‑xogħol jista’ jkun kemm proża kif ukoll poeżija, immirat għall‑etajiet tal‑aħħar sena tal‑iskola Primarja u l‑ewwel snin tal‑iskola Sekondarja (bejn l‑għaxar u l‑erbatax‑il sena). Is‑silta tista’ tkun minn xogħol diġà stabbilit li kien ħareġ żmien ilu, wieħed li ħareġ riċentement jew ġie ppubblikat mill‑ġdid, kif ukoll xi xogħol li se joħroġ dalwaqt.

Bħala pubblikatur, tista’ tippromwovi sensiliet sħaħ ta’ kotba li ħarġu jew li se joħorġu dalwaqt. Hemm it-tendenza li pubblikatur jippromwovi l-pubblikazzjoni li jkunu għadhom kemm joħorġu. Madankollu wieħed m’għandux jinsa dawk it-titli li forsi issa huma out of print. Dawn ukoll għadhom jinsabu fil-librerija pubbliċi, u ta’ min wieħed jippromwovihom xorta waħda.

Kif wieħed jista’ jara mill‑materjal tas‑sit, il‑kotba huma ppreżentati l‑ewwelnett bħala test biss, biex iderru lit‑tfal jaqraw testi twal mingħajr illustrazzjonijiet. Madankollu, bosta mill‑kotba għandhom ħoloq għal stampi li wieħed ikun jista’ jara għalihom. Il‑kontribuzzjonijiet tagħkom mhux bilfors ikunu test biss, u jekk tixtiequ tippromwovu pubblikazzjoni fejn il‑kelma u l‑istampa jaħdmu flimkien dawn nistgħu ninkluduhom ukoll b’mod kemm kemm differenti.

Mas‑silta tidher ukoll ħolqa għas‑sit elettroniku minn fejn il‑qarrejja jkunu jistgħu jiksbu x‑xogħol sħiħ. Tista’ tara eżempju ta’ kif is‑siltiet ikunu ppreżentati fuq is‑sit billi tara s‑sezzjoni Agħti daqqa t’għajn fil‑Librerija.

Għaldaqstant, jekk inti interessat/a tagħti kontribuzzjoni, imla din l‑formola. Il‑kontribuzzjoni tiegħek tkun apprezzata tassew u se tgħin biex l‑interess fil‑qari bil‑Malti jinxtered u jissaħħaħ aktar.

***** ***** stat_3 ***** *****