William Shakespeare
(Ingliż, 1564-1616)
kif imqassra mill‑aħwa Charles u Mary Lamb
Madwar 5,100 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kapitli
Dedika speċjali
1. Waqt il‑Festin
2: Fil‑ġnejna tal‑Kapuleti
3: Fil‑Monasteru
4: Fit‑Toroq ta’ Verona
5: Iċ‑Ċella ta’ Fra Lawrenz
6: Għand Ġuljetta
7: Il‑Mistura
8: F’Mantova
9: Fil‑Kripta tal‑Kapuleti
10: Jinkixef kollox
11. Il‑Paċi tard wisq
Noti
Dedika speċjali
Nixtieq niddedika dan ix‑xogħol lit‑tim straordinarju
tal‑Cardiac Catheterisation Suite tal‑Isptar Mater Dei. Grazzi għall‑professjonalità u s‑simpatija tagħhom irnexxielhom jaqilbu esperjenza kerha f’waħda ħafna aktar tollerabbli milli stajt qatt nobsor. Kienu huma li talbuni biex inżid dan il‑ktieb fil‑Librerija.
Dr Robert George Xuereb
Matthew Mercieca-Balbi
Odette Scerri
Christina Grima
Duncan Munro
Natasha Cassar Sacco
Huma nies bħalhom li jqanqlu tama u joffru ġejjieni sabiħ lill‑umanità.
Iż‑żewġ familji ewlenin, l‑aktar sinjuri, fil‑belt ta’ Verona kienu l‑Kapuleti u l‑Monteggi. Kienet nibtet pika bejn dawn iż‑żewġ familji li biż‑żmien tant infirxet li laħqet lill‑ibgħad qraba, lill‑ħbieb u saħansitra lill‑impjegati tagħhom. Ma kienx ikun hemm waqt meta seftur tal‑Kaputeli ma jiltaqax b’kumbinazzjoni fit‑triq ma’ wieħed tal‑Monteggi u ma jaqgħux f’tgħajjir, jispiċċaw fl‑idejn u xi drabi saħansitra anki jitqatlu. Dawn il‑każijiet tant kienu qed isiru ta’ spiss li kisru għal kollox il‑paċi fit‑toroq ta’ Verona.
Ġurnata waħda l‑kap tal‑Kapuleti organizza festin u ikla kbira, fejn stieden lil ħafna żgħażagħ minn kull rokna ta’ Verona. L‑aqwa familji nobbli kollha tal‑belt kien mistieden, minbarra l‑familja tal‑Monteggi.
Fost dawn il‑mistednin kien hemm Rożalina. Din kienet tfajla maħbuba minn Romeo, it‑tifel tal‑kap tal‑Monteggi. Għalkemm it‑tfajla ma kinitx interessata fih, u bilkemm kienet tagħti kasu, il‑ġuvni kien miġnun warajha, u xtaq li jmur il‑festin bil‑moħbi biex jaraha, minkejja li jekk jinkixef seta’ jispiċċa fil‑għawġ. Il‑ħabib kbir ta’ Romeo, Benvoljo, ma xtaqx jibqa’ jara lil sieħbu mitluf wara Rożalina, u ħeġġu jmur għall‑festin b’maskra biex ma jagħrfuhx; mhux biex jara lil Rożalina, imma biex jurih li kien hemm tfajliet oħra sbieħ u li ħdejhom Rożalina kienet tidher bħal ċawla. Għalhekk, dik l‑għaxija, flimkien mal‑ħabib tagħhom l‑ieħor, Merkuzjo, marru għall‑festin lebsin il‑maskri.
Il‑kap ix‑xiħ tal‑Kapuleti laqagħhom b’idejh miftuħin u aċċertahom li kull mara żagħżugħa li kien hemm fil‑festin kienet lesta li tiżfen magħhom. Anki hu, meta kien żagħżugħ, qalilhom li kien iħobb jilbes maskra biex jipprova jaqbad ma’ xi tfajla.
Dlonk bdew jiżfnu mal‑kotra, u Romeo baqa’ mistagħġeb meta lemaħ tfajla sabiħa li għalih dehret qed tixgħel il‑lejl bi sbuħitha.
“Sabiħa wisq għal din id‑dinja,” beda jgħid minn taħt l‑ilsien. It‑tfajliet l‑oħrajn kollha kienu qishom ċawl madwar is‑sbuħija u l‑perfezzjoni tagħha.
Iżda kliemu, għalkemm minn taħt l‑ilsien, wasal f’widnejn Tebaldu, li kien fil‑qrib. Tebaldu kien in‑neputi tal‑kap tal‑Kapuleti. U Tebaldu għaraf lil Romeo minn leħnu. Tebaldu kellu demmu sħun, u ma setax iniżżilha li xi ħadd mill‑familja tal‑Monteggi kellu l‑wiċċ jiġi l‑festin tagħhom, liebes maskra, biex iżeblaħ (skont hu) lill‑familja tiegħu. Għalhekk beda jgħajjat ma’ Romeo, u kien joqtlu li kieku ma waqqfux zijuh. Is‑Sinjur Kapulet sikktu bil‑kwiet. Ma riedx li jinqala’ inwkiet waqt il‑festin, b’rispett tal‑mistednin, u anki għaliex Romeo kien imsemmi bħala ġuvni serju u bil‑għaqal.
Tebaldu kellu jiskot u jżomm il‑korla tiegħu, iżda ħalef li xi darb’oħra jsib iċ‑ċans li jpattiha lil Romeo.
Għalhekk ħallew lil Romeo jdur fost il‑mistednin l‑oħra. Ma’ tmiem iż‑żfin, Romeo resaq lejn it‑tfajla. Billi kien liebes il‑maskra, rabba l‑kuraġġ jaqbdilha idha. “Idek hija bħal tempju ta’ qaddis,” qalilha. “U qed nagħmel dnub immissha. Ħallini nbusha bħala pellegrin li jrid ipatti għal dnubietu.”
“Sinjur pellegrin,” wieġbet it‑tfajla, “kliemek huwa sabiħ wisq, imma l‑qaddisin għandhom idejn li l‑pellegrini jistgħu jmissu biss, iżda mhux ibusu.”
“Il‑qaddisin għandhom xofftejn; jewwilla l‑pellegrini mhux wkoll?” kompla Romeo.
“Tassew,” wieġbet hi, “imma xofftejn biex jitolbu bihom, mhux biex ibusu.”
“Mela għażiża qaddisa tiegħi,” qabeż Romeo, “isma’ t‑talba tiegħi u wettaqha, għax inkella niddispra.”
Kien f’dan il‑waqt li omm it‑tfajla sejħitilha, u din kellha titlaq. Romeo staqsa minn kienet ommha, u sar jaf li dik it‑tfajla li tant kienet laqtitu ma kienet ħadd ħlief Ġuljetta, it‑tifla tas‑Sinjur Kapulet u l‑eredi tal‑patrimonju kollu tal‑familja – l‑akbar għadu tal‑familja tiegħu.
Dan inkwetah, imma ma setax iżommu milli jħobb. Ġuljetta nkwetat daqsu meta saret taf li dak iż‑żagħżugħ kien Romeo, tal‑familja tal‑Monteggi, għaliex hi wkoll ħasset fiha dik l‑istess ġibda lejh. X’destin kellu jkun dan, li kellha ssir tħobb lill‑għadu tal‑familja tagħha, meta suppost kellha tobogħdu!
Sadanittant kien sar nofsillejl, u l‑ħbieb ta’ Romeo telqu l‑festin. Madankollu, malajr intebħu li Romeo ma kienx aktar magħhom. Tant kienet laqtitu Ġuljetta, li ma setax ineħħiha minn ħsibijietu. Għalhekk, bil‑moħbi, qabeż iċ‑ċint tal‑ġnejna tas‑siġar tal‑frott li kien wara d‑dar tal‑Kapuleti, u minn fejn seta’ jara lit‑tfajla fil‑gallarija ta’ kamritha. Meta ħarġet tittawwal fil‑gallarija, Romeo tgħaxxaq b’wiċċha sabiħ. Għalih, wiċċha kien jiddi daqs xemx li tfiet id‑dija tal‑qamar fuq il‑ġnejna.
F’mument minnhom poġġiet idejha ma’ ħaddejha. “Kemm nixtieq li kont ingwanti f’dawk l‑idejn ħalli nkun nista’ mmiss ħaddejha!” ħaseb bejnu u bejn ruħu Romeo.
Ġuljetta ma ratx lil Romeo moħbi wara s‑siġar, imma mument minnhom ħadet nifs twil, qisha se taqbad titkellem. Romeo kellu kilba kbira biex jisma’ leħinha, u kompla, minn taħt l‑islien, “O tkellem, anġlu tiegħi mibgħut mis‑smewwiet!”
Ġuljetta wkoll kienet intilfet thewden dwar il‑ġuvni li kienet iltaqgħet miegħu waqt il‑festin, u li dak il‑ħin kien fi ħsibijietha wkoll; u waqt li kienet mingħaliha qegħda waħidha u ħadd ma seta’ jismagħha, bdiet titkellem b’vuċi għolja.
“O Romeo, Romeo! Fejn qiegħed bħalissa? Nitolbok, iċħad lil missierek u isem familtek għalija. Jekk ma tagħmilx hekk inti, wegħidni li tkun il‑maħbub tiegħi, u jiena lesta li ma nibqax Kapulet.”
Dan il‑kliem qawwa qalb Romeo aktar, u kien ħerqan biex iwieġeb lura. Madankollu xtaq jisma’ aktar, hekk kif it‑tfajla kompliet titkellem waħidha (mingħaliha) u ċċanfar lil Romeo talli kien Romeo u talli kien tal‑Monteggi, u kemm xtaqet li kellu isem ieħor jew jiċħdu ħalli b’hekk ikun tagħha għal dejjem.
Ma’ dan l‑aħħar kliem Romeo ma setax jiflaħ iżomm sieket, u kompla fuq kliemha daqs li kieku kienet qegħda tkellem lilu. Talabha ssejjaħlu ‘Maħbub’ jew kwalunkwe isem ieħor li kien jogħġobha, għax kien lest li jiċħad l‑isem Romeo ladarba dan kienet tistmerru.
Ġuljetta nħasdet malli semgħet leħen raġel isejħilha mill‑ġnejna, għax għall‑bidu ħasbet li s‑sigriet tagħha kien inkixef; iżda bilkemm semgħet mitt kelma minn dak il‑fomm li ma ntebħitx li kien il‑maħbub tagħha Romeo, u dlonk avżatu bir‑riskju li kien ħa malli qabeż iċ‑ċint u daħal fil‑ġnejna, għax ladarba kien Montegg, il‑qraba tagħha żgur kienu joqtluh jekk isibuh hemmhekk.
“Jaħasra!” qabeż Romeo, “hemm aktar riskju f’għajnejk milli f’għoxrin xabla tagħhom. Kun ħanina miegħi, u ma nqishomx għedewwa tiegħi. Nippreferi mmut minħabba l‑mibegħda tagħhom milli nibqa’ ngħix mingħajr imħabbtek.”
“Kif ġejt hawnhekk, u min ġabek hawn?” staqsiet Ġuljetta.
“L‑imħabba ġabitni hawn,” wieġeb Romeo. “Baħri m’iniex, imma jekk inti tinsab fuq in‑naħa l‑oħra tal‑ibgħad oċeanu, lest li nissogra l‑vjaġġ għalik.”
Dak il‑ħin wiċċ Ġuljetta sar aħmar nar, għalkemm Romeo ma setax jaraha minħabba d‑dlam, hekk kif intebħet li stqarret l‑imħabba tagħha lejn Romeo. Xtaqet li kieku treġġa’ lura dak li lissnet, imma issa kien tard wisq. Xtaqet li kieku setgħet iżżommu ’l bogħod minnha kif kien xieraq minn tfajla għaqlija, biex ma taċċettax mill‑ewwel il‑proposti tiegħu; jew tagħmel tabirruħha mhux interessata biex jaħseb li kien diffiċli jirbaħ l‑imħabba tagħha. Imma issa ma setgħetx tagħmel dan, għax Romeo kien semagħha tistqarr ħsibijietha.
Għaldaqstant qatgħetha li tkun onesta, sejħitlu “Għażiż Montegg”, u talbitu biex ma jaħsibx li kienet xi tfajla mingħajr skrupli, u li t‑tort (jekk kien tort) kien tal‑lejl li kixfilha l‑ħsibijiet tagħha. Madankollu dak li qalet kien sinċier u mingħajr ebda ħażen.
Romeo kien se jibda jaħlef li xejn minn dak kollu ma kien għadda minn moħħu, iżda Ġuljetta ħatfitu fi kliemu biex ma jaħlef xejn, għax għalkemm kienet kuntenta b’dak li ġara dak il‑lejl, xorta waħda kien ġara malajr wisq, mingħajr ħsieb ta’ xejn; twettaq ħesrem. Hekk jew hekk, kien diġà semagħha tistqarr imħabbitha lejh f’dik id‑dalma tal‑lejl. L‑imħabba tagħha kienet tant kbira li xtaqet tirtira dak li qalet biex tkun tista’ ttennieh.
Kien dak il‑waqt li n‑ners tagħha sejħitilha, billi kienet torqod magħha u dehrilha li kien sar il‑ħin biex tidħol. Iżda Ġuljetta riedet tgħid l‑aħħar erba’ kelmiet ta’ malajr lill‑maħbub tagħha biex, jekk dak li stqarr kien sinċier u xtaq tassew li jiżżewwiġha, tibgħatlu messaġġier l‑għada filgħodu ħalli jiffissaw id‑data u l‑post u titlaq kollox warajha u tmur miegħu kull fejn kien jixtieq.
Sakemm kienet qed tipprova tgħid dan lil Romeo, Ġuljetta bdiet dieħla u ħierġa fil‑gallarija, bejn ħaltejn tobdix lin‑ners jew tibqax barra. Romeo wkoll bilkemm ried jieqaf jisma’ l‑leħen ħelu tat‑tfajla. Imma fl‑aħħar kellhom jitilqu, hekk kif xtaqu lil xulxin lejl hieni.
Fil‑fatt meta nfirdu kien kważi tlugħ ix‑xemx, u Romeo, li kien għadu moħħu biss fit‑tfajla li kienet tajritlu n‑ngħas kollu, minflok irħielha lejn daru, qabad it‑triq lejn il‑monasteru fejn kien hemm Fra Lawrenz. Il‑patri, li kien diġà bakkar u mehdi fit‑talb tiegħu, waqaf malli lemaħ lil Romeo, u mad‑daqqa t’għajn seta’ jobsor li ż‑żagħżugħ kien għadda lejl imqajjem. Seta’ jobsor ukoll li x’aktarx kienet l‑imħabba li kienet ċaħditu mill‑irqad. Madankollu ħaseb li Romeo kien għadu mitluf wara Rożalina.
Għaldaqstant Fra Lawrenz stagħġeb meta, minflok, Romeo semma lil Ġuljetta, wara li kien ilu jistqarr l‑imħabba tiegħu lejn Rożalina.
“Din tagħkom mhijiex imħabba ħierġa mill‑qalb, imma biss infatwazzjoni,” qallu Fra Lawrenz.
“Mhux anki inti stess kemm‑il darba għedtli biex ninsa lil Rożalina ladarba mhux interessata fija?” wieġeb Romeo.
Il‑Fra dlonk qallu li tiegħu ma kinitx imħabba ġejja mill‑qalb, iżda sempliċement kapriċċ tal‑qalb mingħajr għaqal ta’ xejn.
Iżda malli Romeo beda jinsisti li xtaq li jgħaqqadhom fiż‑żwieġ, ħsieb ieħor nibet f’moħħ Fra Lawrenz, hekk kif beda jaħseb li l‑għaqda bejn iż‑żewġ żagħżagħ setgħet b’xi mod twaqqaf l‑għira u l‑pika t‑twila li kien hemm bejn iż‑żewġ familji u li kienet kisret wisq il‑paċi fit‑toroq tal‑belt. Bejn din ir‑raġuni, u anki għaliex kien ħabib taż‑żagħżugħ u ma xtaqx jaqsamlu qalbu, fl‑aħħar aċċetta li jżewwiġhom.
Issa Romeo kien tassew fis‑seba’ sema, u malli ltaqa’ mal‑messaġġiera li kienet bagħtitlu Ġuljetta, taha l‑aħbar sabiħa, bil‑ħin u l‑post fejn kellhom jiltaqgħu ma’ Fra Lawrenz biex jorbothom fiż‑żwieġ. Dik l‑għodwa stess, Fra Lawrenz żewwiġhom bil‑moħbi, bix‑xewqa qawwija li din l‑għaqda fl‑aħħar kienet iġġib darba għal dejjem il‑paċi u l‑hena bejn il‑Kapuleti u l‑Monteggi.
Malli ntemmet iċ‑ċerimonja, Ġuljetta marret tiġri lura d‑dar, fejn baqgħet fuq ix‑xwiek il‑jum kollu sakemm wasal il‑ħin biex terġa’ tiltaqa’ ma’ Romeo fil‑ġnejna tagħhom. Għaliha, kien jum twil u tedjanti, u ma setgħetx tiflaħ l‑istennija, qisha tifla żgħira li rċeviet libsa ġdida għall‑festa u kellha seba’ mitt sena biex tfittex tippruvaha.
Lejn nofsinhar ta’ dik l‑istess ġurnata, il‑ħbieb ta’ Romeo, Merkuzjo u Benvoljo, kienu qegħdin jippassiġġaw fit‑toroq ta’ Verona meta sabu ruħhom wiċċ imb wiċċ ma’ grupp ta’ Kapuleti mmexxija minn Tebaldu. Dan kien l‑istess Tebaldu li kien lest li jiġġieled ma’ Romeo waqt il‑festin tal‑Kapuleti. Malli lemaħ lil Merkuzjo, resaq lejh bir‑rabja u akkużah li kien kompliċi tal‑Monteggi. Merkuzjo ma kienx ta’ ras sħuna inqas minn Tebaldu, u fil‑pront beda jgħajru lura. Waqt li Benvoljo beda jagħmel l‑almu tiegħu biex iwaqqafhom, Romeo tfaċċa minn wara kantuniera fuq in‑naħa l‑oħra tat‑triq. Tebaldu minnufih nesa lil Merkuzjo u dar lejh bil‑korla u jsejjaħlu b’kull xorta ta’ ismijiet.
Romeo issa nqabad bejn ħaltejn. Tebaldu kien il‑kuġin ta’ Ġuljetta, u ma ried jillitiga miegħu bl‑ebda mod. Barra minn hekk, Romeo qatt ma kien indaħal fil‑pika bejn iż‑żewġ familji minħabba l‑karattru kwiet u għaqli tiegħu. Fuq kollox, l‑isem tal‑Kapuleti, isem il‑maħbuba l‑ġdida tiegħu, issa kien qisu mużika għal widnejh, aktar milli ħoss li kien iqanqal mibegħda fih.
Għaldaqstant beda jipprova jieħu lil Tebaldu bil‑ħlewwa u jsejjaħlu “Għażiż Kapulet” daqslikieku kien l‑akbar ħabib tiegħu. Madankollu, Tebaldu, li ma setax jara Montegg b’għajnejh, ħaseb li Romeo kien qiegħed jiġbidlu saqajh, u dlonk ħareġ ix‑xabla biex jibda jiddwellalu. Mill‑banda l‑oħra, Merkuzjo, li ma kien jaf xejn dwar ir‑relazzjoni bejn sieħbu u bejn Ġuljetta, ma setax jifhem l‑imġiba ta’ Romeo, u għalih dak il‑kliem ħelu ma kien xejn għajr sinjal ta’ dgħjufija għax kien qed jibża’ mill‑Kapulet, u reġa’ qabad jgħajjar lil Tebaldu. Ħareġ ix‑xabla hu wkoll, u f’ħakka t’għajn għamel għall‑Kapulet.
Iżda Tebaldu kien ħafif iktar bix‑xabla, u f’qasir żmien, minkejja l‑isforzi ta’ Romeo u ta’ Benvoljo biex iwaqqfuhom, Merkuzjo waqa’ mejjet fl‑art.
Malli Romeo ra lil ħabibu jintelaq mejjet, nesa kull raġuni, ftakar biss fil‑kliem offensiv li Tebaldu kien għajru bih ftit mumenti qabel, ħataf ix‑xabla minn id il‑mejjet Merkuzjo, u għamel għal Tebaldu b’korla liema bħalha. Ma kienx hemm mod kif iwaqqaf dik ir‑rabja tal‑biża’ li kienet ħakmet lill‑Montegg, u fl‑aħħar mess lil Tebaldu li jaqa’ mejjet fl‑art.
L‑aħbar ta’ din it‑taqbida malajr ġriet fit‑toroq ta’ Verona, u f’qasir żmien ħarġu ħafna nies biex jaraw x’kien li qala’ dak il‑pandemonju. Fosthom kien hemm il‑kapijiet tal‑familji Kapuleti u Monteggi, bil‑qraba tagħhom kollha, u l‑biċċa kienet se tikber hekk kif iż‑żewġ fazzjonijiet bdew joħorġu l‑armi tagħhom. Iżda laħaq wasal fuq il‑post il‑Prinċep ta’ Verona, ħerqan biex iwaqqaf darba għal dejjem din il‑pika bejn iż‑żewġ familji li kienet qed teqred il‑paċi f’beltu.
Benvoljo kien l‑uniku xhud li kien laħaq it‑tilwima mill‑bidu nett, u l‑Prinċep ordnalu jirrakkonta dak li kien ġara u għaliex kien inqala’ dak l‑inkwiet. Benvoljo hekk għamel. Kemm seta’, lissen dak kollu li seħħ bl‑onestà kollha mingħajr ma jitfa’ dell ikrah fuq Romeo, billi spjega kif liż‑żagħżugħ kienu daħħluh fil‑bixkla kontra qalbu.
Omm Tebaldu, li dak il‑ħin kienet mitlufa fid‑disprament li kien ħakimha malli sabet lil binha minxur mejjet fit‑triq, ma setgħetx iżżomm fiha l‑mibegħda u r‑rabja li kellha. Bdiet tgħajjat li Benvoljo kien qiegħed jigdeb biex jgħatti l‑ħtija tal‑ħabib tiegħu, u ħeġġet lill‑Prinċep biex jikkastiga lil Romeo kif kien xieraq, mingħajr ma kienet taf li issa ż‑żagħżugħ Kapulet kien miżżewweġ lil bintha. Fuq in‑naħa l‑oħra kien hemm omm Romeo, li, daqstant iddisprata, bdiet titlob bil‑ħerqa kollha biex il‑Prinċep ikollu ħniena minn binha. Wara kollox, Romeo għamel dak li kien ġust meta qatel lil Tebaldu, il‑qattiel ta’ Merkuzjo.
Għalkemm il‑Prinċep qagħad jisma’ t‑talbiet iddisprati taż‑żewġ ommijiet, ma tahomx widen, u minflok ħaseb sew x’kastig kellu jagħti lil Romeo bil‑kalma kollha, bil‑fier u mingħajr preferenzi. Għaldaqstant qatagħha li Romeo kellu jieħu l‑eżilju, jitlaq minn Verona għal kollox u qatt ma jiġi lura.
Din kienet aħbar kerha wisq għaż‑żagħżugħa Ġuljetta, miżżewġa għal ftit sigħat u issa ddivorzjata għal għomorha! Għall‑ewwel, malli saret taf bil‑bxara, infexxet tirrabja ma’ Romeo talli kien qatel lil kuġinuha. Bdiet issejjaħlu tirann sabiħ, anġlu mxajtan, ħamiema ġellieda, nagħġa bl‑imġiba ta’ lupu, fjura bil‑qalb ta’ serp, u ħafna ismijiet oħra mimlija kuntradizzjonijiet, bħal dak li kienet qed tħoss f’qalbha u taħseb f’moħħha; taħwida ta’ mibegħda u mħabba fl‑istess ħin.
Minkejja dan kollu kienet l‑imħabba li fl‑aħħar spiċċat minn fuq, u d‑dmugħ li xerrdet b’sogħba għall‑mewt ta’ Tebaldu bil‑qajla tbiddlu f’ferħ għax żewġha l‑maħbub kien għadu ħaj. U wara, reġgħu tbiddlu f’sogħba, hekk kif ftakret li issa Romeo kien imkeċċi minn Verona. Dan il‑ħsieb biss kien biżżejjed biex inessiha l‑mewt ta’ bosta kuġini.
Sadanittant, Romeo kien sab kenn fiċ‑ċella ta’ Fra Lawrenz, fejn waslitlu l‑aħbar li l‑Prinċep kien eżiljah. Għalih din is‑sentenza kienet ħafna aktar terribbli mill‑mewt. Għalih ma kien hemm l‑ebda dinja barra minn Verona, ’il bogħod minn Ġuljetta. Il‑Ġenna kienet hemm, fejn kienet tgħix Ġuljetta, u lil hinn ma kien hemm xejn għajr torturi, purgatorju u infern. Fra Lawrenz ipprova jsib il‑kliem biex jikkunslah, iżda ma kien hemm xejn li seta’ jtaffi l‑miżerja ta’ Romeo. Iż‑żagħżugħ beda jqatta’ xagħru u ntefa jitkaxkar mal‑art, biex ikejjel, qal lill‑Fra, id‑daqs tal‑qabar fejn xtaq jindifen.
Kienet il‑wasla ta’ messaġġ mingħand l‑għażiża martu li ġabitu ftit f’sikktu, u Fra Lawrenz sab ix‑xoqqa f’moxtha biex jipprova jikkalmah u jġiegħelu jirraġuna. Tassew kien qatel lil Tebaldu, imma x’kien se jsir minn Ġuljetta jekk kien jintelaq u jmarrad lilu nnifsu bid‑dwejjaq u d‑dispjaċir? Kien joqtol lilha wkoll bis‑sogħba u d‑disprament. Kellu bżonn iżomm il‑kuraġġ kemm għaliha kif ukoll għalih innifsu. Il‑liġi kienet ħanina miegħu meta l‑Prinċep ma qatagħhilux għall‑mewt, u minflok kien keċċieh biss minn Verona. Tassew kien qatel lil Tebaldu, imma kieku ma ġarax hekk, Tebaldu kien joqtol lilu. Ġuljetta kienet għadha ħajja, u issa kienet martu wkoll, u għaldaqstant kellu jħossu kuntent.
Minkejja dan il‑kliem kollu ta’ faraġ, Romeo ma riedx jisma’. Fra Lawrenz avżah li b’dik l‑imġiba kien se jispiċċa f’miżerja kbira li setgħet twasslu għall‑qabar. Malli Romeo kkalma ftit, il‑Fra tah il‑parir imur isib lil Ġuljetta bil‑moħbi biex isellmilha l‑aħħar darba qabel ma jitlaq għal Mantova. Il‑Fra kien qed jittama li Romeo jibqa’ f’dik il‑belt għal ftit żmien sakemm hu jsib il‑mezz kif ixandar l‑aħbar li ż‑żewġ żagħżagħ kienu miżżewġin. B’hekk forsi ż‑żewġ familji kienu jagħmlu paċi u l‑Prinċep jaħfer lil Romeo u jħallih jerġa’ jiġi lura Verona. Għalhekk Romeo seta’ jerġa’ lura kuntent mitt darba aktar milli jkun telaq kollu mdejjaq.
Dan il‑kliem fl‑aħħar ikkalma lil Romeo, li mexa fuq il‑parir ta’ Fra Lawrenz. Filgħaxija mar iqatta’ l‑lejl ma’ Ġuljetta bil‑moħbi, u l‑għada ma’ tlugħ ix‑xemx irħielha waħdu lejn Mantova. Fra Lawrenz wiegħedu li jibda jibgħatlu ittri biex iżommu aġġornat ta’ dak li kien għaddej f’Verona.
Bħas‑soltu, Romeo daħal bil‑moħbi f’kamret Ġuljetta mill‑ġnejna tal‑Kapuleti. Għalkemm il‑maħbubin kienu kuntenti li qattgħu il‑lejl flimkien, xorta waħda kienu mnikktin minħabba s‑sitwazzjoni tagħhom, minħabba dak kollu li kien ġara lejliet u minħabba l‑fatt li Romeo kellu jitlaq l‑għada filgħodu. Il‑lejl tar, u l‑għodwa l‑misħuta dehrilhom li waslet kmieni wisq. Meta Ġuljetta semgħet l‑għana tal‑alwetta ma’ sbieħ il‑jum, għamlet tabirruħha li kienet dik tar‑rużinjol, li kien jgħanni billejl, iżda ma setgħetx iddum tqarraq biha nnifisha, u għaliha l‑għanja ħelwa nstemgħet bħal ħoss ikrah stunat, li kien qed iħabbar il‑firda kattiva taż‑żewġ maħbubin.
Romeo telaq lil martu b’qalbu maqsuma, imma mhux qabel ma wiegħedha li kien se jiktbilha minn Mantova kull siegħa ta’ kull ġurnata li kienu se jqattgħu mifrudin. Malli Ġuljetta ratu nieżel mill‑gallarija għal ġol‑ġnejna, bid‑dwejjaq li kellha stħajlitu kadavru f’qiegħ ta’ qabar. Romeo kien imdejjaq ukoll, imma issa kellu joqgħod b’seba’ għajnejn biex ma jinqabadx, għax żgur mhux forsi, kienet tfisser il‑mewt għalih jekk jarah xi ħadd wara tlugħ ix‑xemx.
Imma dan kollu kien għadu biss il‑bidu tat‑traġedja ta’ dawn iż‑żewġ maħbubin.
Ftit jiem wara li Romeo telaq minn Verona, missier Ġuljetta ħaseb li jagħżel għarus għal Ġuljetta. Kien mingħalih li ma kinitx miżżewġa, u għażel għaliha lill‑Konti Paride, żagħżugħ qalbieni, ta’ familja nobbli, u li żgur kien jogħġob lil Ġuljetta, li kieku din ma kinitx taf lil Romeo.
Ġuljetta twerwret malli tawha l‑aħbar, u bdiet tara kif iġġib skużi lil missierha biex tbiddillu l‑ħsieb: kien għadu kmieni wisq wara l‑mewt ta’ Tebaldu u kienet għadha bil‑vistu b’rispett tiegħu; kienet għadha żgħira wisq biex taħseb fiż‑żwieġ. Qalgħet kull skuża oħra minbarra naturalment ir‑raġuni l‑vera – li kienet diġà miżżewġa.
Imma missierha ma tahiex widen, anzi insista li kellha tibda tipprepara biex tiżżewweġ nhar il‑Ħamis ta’ wara. Kellha xorti li kien sabilha ġuvni li tkun kburija bih, u li kien ġej minn familja sinjura. Għaldaqstant ma kienx se jaċċetta li tgħid le sempliċement fuq kapriċċ.
F’din is‑sitwazzjoni mwiegħra, Ġuljetta marret tfittex lil Fra Lawrenz biex tara setax jagħtiha xi parir. Wara li ħasibha sew, Fra Lawrenz saqsieha x’kienet lesta li tagħmel biex issib soluzzjoni, u Ġuljetta minnufih wieġbet li kienet lesta anki li tmut biex ma tiżżewwiġx lill‑Konti Paride. Għalhekk Fra Lawrenz taha parir biex tmur lura darha u tagħmel tabirruħha li kienet kuntenta biż‑żwieġ, u li kienet lesta li taċċetta lil Paride, biex ma tinkwetax lil missierha. Iżda qabel ma telqet, taha wkoll kunjett bi ftit mistura fih. Qalilha biex tixrob il‑mistura lejlet it‑tieġ. Dan kien se jraqqadha għal madwar tnejn u erbgħin siegħa, u jbaxxilha nifisha tant li għal kulħadd kienet tidher qisha mejta.
L‑idea ta’ Fra Lawrenz kienet li malli jarawha hekk, il‑ġenituri tagħha kienu jħassru t‑tieġ, u bħalma kienet l‑użanza dak iż‑żmien, iġorru ġisimha sal‑kripta tal‑familja u jħalluh hemm sakemm tindifen. Fra Lawrenz aċċertaha li sa dak il‑ħin l‑effett tal‑mistura kien imur, u kienet terġa’ tqum bħallikieku minn raqda twila. Sadanittant, hu kien isejjaħ lil Romeo biex jiġi bil‑moħbi, u joħodha lura miegħu Mantova. Fra Lawrenz reġa’ saqsa liż‑żagħżugħa kinitx lesta li tagħmel dan. Iżda Ġuljetta tant kienet deċiża, li mingħajr telf ta’ żmien, ħatfet il‑kunjett minn id il‑Fra u wiegħditu li tagħmel eżatt kif qalilha.
Waqt li kienet sejra lura darha ltaqgħet mal‑Konti Paride, u minnufih qaltlu li kienet lesta li tiżżewġu. Għall‑ġenituri tagħha, din kienet aħbar sabiħa. Wara l‑qatgħa li kienet tat lil missierha meta ċaħdet l‑ordni li tiżżewweġ, issa deher qisu reġa’ kiseb il‑ħajja, u reġa’ beda jkellimha bil‑ħlewwa. Minnufih id‑dar kollha mtliet b’għagħa u storbju hekk kif kulħadd beda jħabrek biex jippreparaw għat‑tieġ. Is‑Sinjur Kapulet ma żammx lura milli jonfoq kulma kien hemm bżonn biex jorganizza tieġ li l‑belt ta’ Verona qatt ma kienet se tara ieħor bħalu.
Kif miftiehem, meta sebaħ l‑Erbgħa, Ġuljetta kellha tixrob il‑mistura. Għal xi mument kellha d‑dubji f’rasha. Dak li taha Fra Lawrenz kien tassew sempliċi mistura? Jew kien velenu? Forsi Fra Lawrenz ħaseb biex joqtolha ħalli hu ma jinqabadx li kien żewwiġha bil‑moħbi. Imma dan il‑ħsieb malajr għeb minn moħħha hekk kif ftakret kemm Fra Lawrenz kien bniedem tajjeb u onest. Imma mbagħad bdiet tinkwieta li setgħet tqum qabel ma jasal Romeo, u jkollha tistenna hemm, fil‑kripta, qalb l‑għadam ta’ dawk il‑mejtin kollha tal‑familja Kapuleti, u fejn kien hemm ukoll il‑ġisem ta’ kuġinuha Tebaldu. Ftakret fl‑istejjer li kienet tisma’ dwar l‑ispirti u l‑erwieħ li kienu jimirħu fiċ‑ċimiterji billejl. Imma mbagħad ftakret fil‑maħbub tagħha Romeo, u reġgħet ftakret kemm ma riditx tiżżewweġ lil Paride, u mingħajr aktar telf ta’ żmien belgħet il‑mistura f’nifs wieħed.
L‑Għada filgħodu, meta ż‑żagħżugħ Konti Paride wasal fid‑dar tal‑Kapuleti, bi grupp ta’ mużiċisti biex iferraħ lill‑għarusa l‑ġdida tiegħu, sab minflok baħar ta’ tinwiħ u biki, u konfużjoni liema bħalha mad‑dar kollha. Dak kollu li kien ippjana spiċċa fix‑xejn hekk kif tawh l‑aħbar li l‑mewt kienet serqitlu lill‑għażiża għarusa tiegħu, iddivorzjata minn miegħu qabel ma żżewġu. Imma iktar ta’ qsim il‑qalb kien id‑disprament tal‑ġenituri Kapuleti, li nħatfet minnhom l‑unika tifla, il‑mimmi t’għajnejhom, f’dak il‑waqt li kienet se tibda ħajja għaliha ma’ familja nobbli.
Il‑preparazzjonijiet għat‑tieġ issa, ħesrem, tbiddlu f’dawk għal funeral iswed. Il‑kant li kienu qed jippreparaw għall‑festa issa kien se jinqaleb fi krib, l‑istrumenti ferrieħa issa kienu se jdoqqu n‑niket u s‑sogħba, u l‑fjuri li kienu lesti biex iwarrdu t‑triq minn dar il‑ġenituri tagħha għad‑dar il‑ġdida, issa kienu se jiksu l‑mogħdija mill‑knisja għaċ‑ċimiterju. Issa, l‑qassis, minflok jgħaqqadha fiż‑żwieġ, kellu jmexxi l‑funeral tagħha. Minflok iżżid fil‑ferħ tal‑familja, Ġuljetta issa kienet se tingħaqad mal‑kotra tal‑erwieħ.
Issa kulħadd jaf li aħbar ħażina tiġri malajr aktar minn waħda tajba, u l‑messaġġier li kellu jġorr l‑aħbar tal‑mewt ta’ Ġuljetta wasal f’Mantova qabel il‑messaġġier li Fra Lawrenz bagħat lil Romeo biex javżah dwar il‑pjan tiegħu u biex jgħidlu li l‑funeral ma kien se jkun xejn ħlief reċta qarrieqa, u li fil‑fatt il‑maħbuba Ġuljetta tiegħu kienet biss rieqda, qed tistenna l‑wasla tiegħu.
B’kumbinazzjoni, qabel ma l‑aħbar tal‑mewt ta’ Ġuljetta waslet f’widnejn Romeo, iż‑żagħżugħ kien ferħan. Kien għadu kemm kellu ħolma li fiha kien miet, u li Ġuljetta ġiet u tant għannqitu u bisitu li reġgħet tatu l‑ħajja. Imma issa, kif wasal il‑messaġġier bl‑aħbar il‑ħażina, Romeo qatagħha li dik il‑ħolma ma kienet xejn għajr profezija kerha tal‑mewt tal‑għażiża martu. Dlonk ordna biex ilestulu liż‑żiemel tiegħu ħalli jmur bilġri maġenb il‑qabar ta’ Ġuljetta. Minkejja l‑liġi li kienet iżżommu milli jmur Verona, qatagħha li jmur dik il‑belt misħuta xorta waħda. Madankollu, qabel dan, ġietu idea. Ftit żmien qabel kien tkellem ma’ spiżjar u kien saqsieh kienx hemm xi tip ta’ velenu li l‑liġi kienet tippermettilu jbiegħ.
Ftakar f’dan l‑ispiżjar u qatagħha li jżuru biex jixtri l‑velenu. L‑ispiżjar għall‑ewwel għamel tabirruħu li ma xtaqx ibiegħhulu, imma wara li Romeo baqa’ jinsisti u saħansitra joffrilu d‑deheb, tah velenu qawwi.
Dlonk irħielha lejn Verona. L‑intenzjoni tiegħu kienet li jmur jara lil Ġuljetta fil‑qabar tagħha u wara jixrob il‑velenu ħalli jindifen magħha. Wasal Verona f’nofsillejl, u mar dritt fiċ‑ċentru taċ‑ċimiterju fejn kien hemm il‑kripta tal‑Kapuleti. Ħa miegħu virga ħalli jkun jista’ jiżgassa l‑bieb tal‑kripta. Hekk kif kien se jagħmel dan, sema’ leħen warajh jgħajru .
“Villan ta’ Montegg!”
Dan waqqfu minn dak li kien biħsiebu jagħmel.
Kien il‑Konti Paride, li f’dak il‑ħin ftit li xejn normali kien ġie bil‑fjuri biex jolfoq fuq il‑qabar ta’ dik li kellha tkun martu. Paride ma kien jaf xejn dwar ir‑relazzjoni ta’ Romeo ma’ Ġuljetta, imma kien jaf li kien mill‑familja tal‑Monteggi, li kienu għedewwa tal‑Kapuleti, u assuma li Romeo kien mar fuq il‑post biex jagħmel xi vandaliżmu. Kien għalhekk li għajjat miegħu. Qallu biex jieqaf minn dak li kien qiegħed jagħmel u sejjaħlu kriminal. Qallu wkoll li kellu d‑dritt jaqbdu u jitfgħu il‑ħabs ladarba, skont il‑liġi ta’ Verona, Romeo kien imkeċċi mill‑belt u kien jinsab hemm kontra l‑liġi.
Romeo talbu bil‑ħerqa biex iħallih jitlaq, u avżah li ma riedx jagħmel delitt ieħor billi joqtlu bħalma kien qatel lil Tebaldu f’saħna ta’ rabja. Iżda Paride ma beżax minn dan, u għamel biex jaħtaf lil Romeo. Fis qabdu jissaraw sakemm Paride fl‑aħħar waqa’ mejjet fl‑art.
Issa dan kollu ġara fid‑dlam, għalhekk Romeo xegħel fanal biex ikun jista’ jara ma’ min kien iġġieled. Għaraf li kien Paride, u mill‑aħbarijiet li kien sema’ f’Mantova, kien jaf li kellu jkun hu li jiżżewweġ lil Ġuljetta. Romeo mall‑ewwel iddispjaċih li kien qatlu, għax ħass li kienu marbutin permezz ta’ mħabbithom lejn Ġuljetta, u li minħabba f’hekk batew l‑istess svintura. Għaldaqstant ħalef li jidfnu fl‑istess qabar ma’ Ġuljetta.
Romeo daħal fil‑kripta u sab lil Ġuljetta mimduda fil‑qabar miftuħ. Kienet għadha sabiħa daqs qatt qabel. Il‑mewt kienet għadha ma ħassritx id‑dehra tagħha, u kienet tidher bħallikieku rieqda, għallinqas hekk kien qiegħed jaħseb Romeo, li ma kellu l‑ebda idea li fil‑fatt il‑mistura li kienet ħadet ma kinitx qatlitha, imma xeħtitha biss f’raqda fonda. Maġenb il‑qabar tagħha kien hemm dak ta’ Tebaldu. Ħares lejh, talbu maħfra, u saħansitra sejjaħlu “kuġin” hekk kif wiegħedu li l‑għadu tiegħu dalwaqt kien se jkun mejjet ukoll.
Dlonk Romeo bies lil Ġuljetta fuq xofftejha għall‑aħħar darba, u xorob il‑velenu. Dan ma kienx il‑mistura li Fra Lawrenz kien ta lil Ġuljetta, u malajr ħalla l‑effett fatali tiegħu fuq iż‑żagħżugħ, li ntelaq mejjet ma ġenb il‑qabar fi ftit sekondi. Kien riesaq il‑mument li Ġuljetta tiġi f’sensieha.
Sadanittant, Fra Lawrenz kien sar jaf li, minħabba d‑dewmien tal‑messaġġier tiegħu, l‑ittra li kien kiteb lil Romeo ma kinitx waslitlu. Għaldaqstant kien irħielha lejn iċ‑ċimiterju armat b’fanal u b’virga biex jidħol fil‑kripta u jgħin lil Ġuljetta tqum. Qalbu ħebbritu li kien hemm xi ħaġa mhux flokha malli mill‑bogħod lemaħ dawl ieħor fil‑kripta, u kif wasal, ra lil Paride u lil Romeo minxurin mejta fl‑art, bix‑xwabel mitluqin ħdejhom.
Qabel ma kellu ċ‑ċans jifhem x’kien ġara, stenbħet Ġuljetta. Hekk kif lemħet lill‑Fra, it‑tfajla ftakret minnufih fejn kienet tinsab u għalfejn kienet hemm, u mill‑ewwel saqsiet għal Romeo. Kien f’dak il‑waqt li Fra Lawrenz sema’ xi ħsejjes barra l‑kripta, u ntebaħ li kienu resqin xi nies. Bil‑ħatfa qal lit‑tfajla li kienu nqalgħu ċirkustanzi li ma setgħux jikkontrollaw, u li kien jaqblilhom jaħarbu minn hemm malajr kemm jista’ jkun. B’dan il‑kliem, ħarab jiġri minn hemm.
Imma Ġuljetta kienet iffriżat fuq il‑post hekk kif rat lill‑maħbub tagħha mixħut mal‑art. F’ħakka t’għajn lemħet il‑kunjett li kellu Romeo f’idu, u li kien xorob il‑velenu minnu. Mill‑ewwel fehmet x’kien ġara, u b’disprament liema bħalu, ħatfet il‑kunjett u ppruvat tixrob xi taqtir li seta’ baqa’ mill‑velenu. Imma Romeo kien xorbu kollu. Għalhekk poġġiet xofftejha ma’ tiegħu biex forsi tilgħaq xi velenu li kien baqa’ hemm. Issa setgħet tisma’ l‑passi tan‑nies li kienu kważi waslu fejn il‑kripta, u ddisprata aktar minn qabel, ħarset madwarha biex tara x’setgħet tagħmel.
Lemħet l‑istallett li Romeo kellu mdendel ma qaddtu. Ħatfitu, u nifded lilha nnifisha. Fis waqgħet mejta maġenb il‑maħbub tagħha.
Ftit ħin wara, waslu fuq il‑post is‑suldati tal‑Prinċep. Paġġ li kien ġie fiċ‑ċimiterju mal‑Konti Paride kien rah jiġġieled ma’ Romeo, u għalhekk kien mar jiġri lura l‑belt biex iġib l‑għajnuna. L‑aħbar kienet infirxet malajr, u ħafna nies bdew jiġru fit‑toroq isemmu lil Paride, lil Romeo u lil Ġuljetta, għalkemm ħadd ma kien jaf eżatt x’kien inqala’. Dan ġibed ukoll l‑attenzjoni tal‑Kapuleti u tal‑Monteggi, li kellhom iqumu f’nofs ta’ lejl u joħorġu minn djarhom biex jaraw f’kien qiegħed jiġri.
Xi suldati sabu lil Fra Lawrenz riesaq bla nifs min‑naħa taċ‑ċimiterju u waqqfuh minnufih malli rawh jixher u jolfoq. F’qasir żmien folla nġabret madwar il‑kripta tal‑Kapuleti, u l‑Prinċep saqsa lil Fra Lawrenz x’kien jaf dwar dik it‑traġedja.
Fra Lawrenz qal l‑istorja kollha: kif Romeo u Ġuljetta kienu saru jinħabbu u kif iżżewġu bil‑moħbi għax kienu jafu li l‑ġenituri tagħhom ma kinux se jħalluhom. Hu kien żewwiġhom għax kien ittama li b’hekk il‑pika bejn iż‑żewġ familji sa fl‑aħħar kienet tintemm għal kollox. Iżda qabel ma kellu l‑ħin ixandar iż‑żwieġ tagħhom, missier Ġuljetta kien laħaq ippjana l‑għerusija tagħha mal‑Konti Paride, u sadanittant Romeo ġie mkeċċi minn Verona. Ġuljetta xorbot il‑mistura biex tidher li mietet, u Fra Lawrenz kiteb lil Romeo biex jiġi minn Mantova u joħodha miegħu. X’ġara wara dan Fra Lawrenz ma kienx jaf eżatt, hekk kif irrakkonta li malli wasal fil‑kripta biex jgħin lil Ġuljetta tqum mir‑raqda tagħha, sab lil Romeo u lill‑Konti Paride mejtin.
Kien il‑paġġ li kien mal‑Konti Paride li seta’ jkompli l‑istorja, kif ukoll seftur mill‑familja tal‑Monteggi, li sostna li Romeo kien ħallielu xi ittri għal missieru fil‑każ li kellu jinqala’ xi ħaġa lilu. Fihom Romeo stqarr l‑istess kliem li sostna Fra Lawrenz, ammetta li kien iżżewweġ lil Ġuljetta bil‑moħbi, li kien xtara l‑velenu u li kien biħsiebu jmur fil‑qabar ta’ Ġuljetta. Dan kollu kien biżżejjed biex jeħles lil Fra Lawrenz minn kull ħtija, u juri li dak li l‑Fra kien għamel kien wettqu bl‑itjeb intenzjoni.
Il‑Prinċep dar fuq il‑kapijiet tal‑familji Kapuleti u Monteggi u ċanfarhom l‑ikbar qilla għal dik il‑pika terribbli u l‑mibegħda li ġabet magħha, saħta li waqqgħu fuqhom infushom u fuq belthom, u li ġabet fuq uliedhom l‑innoċenti mewta daqshekk kiefra u bla sens.
Kienet din iċ‑ċanfira, imma fuq kollox it‑traġedja li ġarrbu ż‑żewġ żagħżagħ, li fl‑aħħar ressqet liż‑żewġ familji qrib xulxin. Is‑Sinjur Kapulet talab lis‑Sinjur Montegg joħodlu b’idu u jsejħu lil xulxin aħwa, b’tali mod li t‑tnejn għarfu u aċċettaw iż‑żwieġ taż‑żewġ maħbubin. It‑tnejn ħalfu li jidfnu l‑mibegħda tagħhom fl‑oqbra ta’ uliedhom.
Is‑Sinjur Montegg wiegħed li jwaqqaf statwa tad‑deheb fil‑pjazza ewlenija ta’ Verona għas‑sbejħa Ġuljetta, waqt li s‑Sinjur Kapulet wieġbu li jagħmel l‑istess għal Romeo. Kien fix‑xjuħija tagħhom, u issa li kien tard wisq, li dawn iż‑żewġ nobbli ta’ Verona, wara ħafna snin, saru ħbieb. Minħabba l‑pika tagħhom kienu mietu ħafna nies matul is‑snin, iżda l‑ebda waħda ma kienet daqshekk traġika daqs is‑sagrifiċċju ta’ Romeo u Ġuljetta, vittmi ta’ l‑għira u l‑mibegħda tal‑familji tagħhom.
Infatwazzjoni: Meta persuna tintilef wara persuna oħra mingħajr kontroll u għaqal. [Lura]
Fazzjoni: Grupp, klikka jew għaqda ta’ nies li jaqsmu l‑istess gosti jew ideat politiċi. [Lura]
Kunjett: Vażett, flixkun żgħir jew stoċċ tal‑ħġieġ. [Lura]
Kuntradizzjoni: Meta tlissen idea u ftit wara tgħid il‑kuntrarju. [Lura]
Paġġ: Paġġ kien qaddej, jew assistent. Kull prinċep u nobbli kellu l‑paġġ tiegħu biex jgħinu jieħu ħsieb l‑affarijiet tiegħu, kif ukoll biex jagħmillu qadjiet oħra. [Lura]
Pellegrin: Persuna li tagħmel vjaġġ lejn post reliġjuż b’turija ta’ devozzjoni.[Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja