Kitba ta’ Victor Fenech
Madwar 1,000 kelma
© Victor Fenech
Meħuda mill-ktieb Leġġendi minn Malta u Għawdex (Kotba Merill, 2004) bil-permess tal-awtur.
Fuq talba ta’ Lauren Buttigieg
Qari tal-provi: Therese Vella
Din l-istorja hija waħda mill-ġabra Leġġendi minn Malta u Għawdex, ta' Victor Fenech, u ppubblikata minn Kotba Merill (2004)
Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja u taqra l-oħrajn li hemm fil-ġabra. Jekk trid, tista’ tixtri l-ktieb mill-ħwienet tal-kotba jew online mingħand BDL Books.
Taħt sies ftit ’il bogħod mill‑Għarb, f’Għawdex, kien lejl maħluq għas‑sajd.
Johnny kien qed iħares lejn medda baħar ftit lil hinn mid‑dgħajsa tagħhom.
“Pa,” qal Johnny lil missieru. “Ara dik ir‑roqgħa ħadra kemm tagħmel sabiħ! Dik x’inhi? Qisha dawl tiela’ minn qiegħ il‑baħar ...”
Missieru Nikol tbissem u għemeż lil Gawdenz.
Nikol u Gawdenz kienu żewġ aħwa sajjieda mill‑Għarb. Mhux l‑ewwel darba li ħarġu għall‑passa tat‑tumbrelli f’dawk l‑inħawi.
Did‑darba Nikol ħa miegħu lil ibnu Johnny biex jgħinhom ikalaw l‑għażel.
Il‑missier wieġeb:
“Ibni, dak id‑dawl ġej mill‑knisja ta’ San Dimitri, li tinsab mgħarrqa fil‑fond tal‑baħar.
L‑istorja ta’ San Mitri hi storja sabiħa ħafna ...
“Jingħad li darba filgħodu kmieni daħal fil‑qala xini bil‑bandiera tan‑Nofs Qamar.
Ċorma Torok qabżu l‑art u telgħu jgħaġġlu lejn il‑knisja ċkejkna fuq il‑kap – il‑kappella ta’ San Dimitri.
F’dawk l‑inħawi kienu joqogħdu biss xi erba’ familji tas‑sajjieda. Għalihom il‑knisja kienet wens kbir.
Lit‑Torok ħadd ma rahom telgħin. Malli waslu, sfrundaw il‑bieb tal‑knisja u dlonk bdew jisirqu kulma raw b’għajnejhom.
B’xorti tajba, il‑kwadru ta’ San Mitri kien marbut fil‑għoli u ma messewhx. L‑inkwatru kien juri lil San Mitri bix‑xabla f’idu u riekeb fuq żiemel sabiħ.
Wara li ħadu li riedu, kissru li kien baqa’ u ħejjew imorru lura lejn ix‑xini.
Wieħed minnhom qal, “Hawn ma baqa’ xejn x’nieħdu. Qed taraw dik l‑għorfa? Għax ma naslux s’hemm u naraw xi nsibu?”
Sħabu ma qalux ‘le’ u lkoll flimkien irħewlha lejn l‑għorfa.
F’dik l‑għorfa kienet toqgħod l‑armla Żgugina ma’ binha Mattew. Lil Mattew kienet tħobbu daqs id‑dawl t’għajnejha.
Dik l‑għodwa li l‑furbani ġew jisirqu u jkissru l‑knisja ta’ San Mitri, Żgugina kienet sejra tqajjem lil Mattew.
Kif daħlet f’kamartu, rat mit‑tieqa miftuħa ċorma Torok resqin lejn l‑għorfa.
Kienu ħamsa, kienu mgħaġġlin, u kienu armati sa snienhom.
Malli rathom qabditha rogħda ma’ ġisimha kollu. M’għarfitx x’taqbad tagħmel. Riedet tmur tagħlaq il‑bieb bil‑firrol, imma riġlejha żammewha.
It‑Torok taw daqqtejn ta’ sieq fuq il‑bieb u tefgħuh ġewwa. Sabu lil Żgugina u lil Mattew, wiċċhom lewn il‑qarsa tax‑xema’.
Żgugina kellha dirgħajha madwar binha u bdiet trossu magħha. L‑oħrajn bdew jidħku biha. Wieħed minnhom ħataf it‑tifel bil‑herra u ġibdu lejh.
Wieħed mill‑furbani beda jgħajjat minn barra. Mar ieħor jara x’ġara. Ġie lura jgħajjat ukoll u juri lejn il‑bajja.
Dak li kien ġibed lil Mattew waddbu fuq spalltu, u lkoll telqu jgħaġġlu ’l isfel.
Żgugina ħarġet warajhom tgħajjat u tixher: “Mattew! Mattew! Fejn se tieħdu ’l Mattew tiegħi? Le! Tuni lura ’l Mattew tiegħi!”
It‑Torok bdew jidħku biha u bdew jimbxuha biex tilħaqhom. Imma Żgugina kienet imdaħħla fiż‑żmien. Fin‑niżla waqgħet għal wiċċha.
Baqgħet bħal mibluha tħares lejn ix‑xini ankrat fil‑qala. Wara ftit rat lit‑Torok telgħin fuqu b’Mattew tagħha.
Rat ix‑xini jaqla’ qajl qajl. Rat l‑imqadef jaqtgħu l‑ilma bħal skieken. Rat il‑qlugħ miftuħ u ż‑żiffa miegħu. U ħasset id‑demm tiela’ għal rasha.
Bir‑rogħda li qabditha waqgħet gozz fl‑art, tolfoq u tixher. Imbagħad ftakret f’San Mitri, u telqet tgħaġġel lejn il‑knisja.
Waslet il‑knisja tirtogħod fuq riġlejha u nxteħtet għarkupptejha quddiem il‑kwadru fuq l‑artal.
“San Mitri,” bdiet titolbu bl‑akbar ħrara. “Idħol int għalija f’din is‑siegħa tal‑biża’. Agħmel li b’xi mod ibni jiġi lura. Roddli ’l Mattew lura u sakemm immut ma jgħaddix jum bla qasba żejt tixgħel quddiemek.”
Żgugina talbet fuq li talbet. Għajnejha mtlew bid‑dmugħ. Bdiet tara kollox jiċċaqlaq.
Dehrilha li rat lil San Mitri jinqala’ mill‑inkwatru biż‑żiemel b’kollox.
Ratu għaddej minn ħdejha u ħiereġ mill‑bieb, u ratu jsuq iż‑żiemel lejn ix‑xini tas‑sibbien.
Żgugina ħasset l‑art iddur biha, u ħassha ħażin.
Meta stejqret, rat lil Mattew ħdejha u għannqitu bil‑ħerqa ta’ omm li taf tħoss u taf tħobb.
Imbagħad ħarset fuq l‑artal. Il‑kwadru ta’ San Mitri kien għadu hemm.
X’kien ġara sewwasew?
Mattew qalilha, “Meta x‑xini kien tbiegħed ġmielu, it‑Torok bdew juru lejn xi ħaġa ġejja lejhom fuq il‑baħar.
“Jien ħarist ukoll. Rajt żiemel abjad jofroq il‑mewġ u rajt rikkieb bix‑xabla f’idu. Għidt f’qalbi, dak qisu San Mitri!
“Xi ħadd ġibidni lura u ma rajt xejn iżjed ħlief il‑furbani jiġru ’l hawn u ’l hemm; kienu mifxulin sew.
“Imbagħad ħassejt min jaqbadni u jiġbidni għal żaqqi fuq żiemel. Kont wiċċi ’l isfel u r‑rikkieb ma stajtx narah sew. Imma jkolli ngħid, kien San Mitri.
“Dan baqa’ jniggeż iż‑żiemel bl‑ixpruni, u ż‑żiemel baqa’ jofroq il‑baħar, sa ma tlajna l‑art u rġajt sibt ruħi hawn!”
Żgugina ħarset lejn il‑kwadru. Mill‑qiegħ ta’ qalbha ħarġet kelma waħda biss: “Grazzi!”
U l‑wegħda tagħha żammitha. Kemm damet ħajja, qatt ma naqset li tixgħel qasba żejt quddiem il‑kwadru ta’ San Mitri.”
“Sewwa għidt, pa,” qal Johnny wara ftit. “Storja sabiħa din ta’ San Mitri. Imma, ngħid jien, x’għandha x’taqsam mad‑dawl fil‑baħar?”
“Għandek raġun,” qabeż zijuh Gawdenz. “Għandek taf li xi żmien wara, l‑art fejn kienet il‑knisja niżlet waqt terremot u għebet fil‑baħar.
“Dik il‑knisja li tara fuq il‑kap hi oħra li bnew ir‑raħħala aktar tard. Il‑knisja tal‑leġġenda tinsab mgħarrqa fil‑baħar, sewwasew fil‑post fejn qed tara d‑dawl.
“In‑nannu niftakru jgħid li xi bugħaddasa darba niżlu jaraw id‑dawl mnejn ġej. Meta telgħu qalu li l‑knisja l‑antika ta’ San Mitri għadha sħiħa, ilma ma fihiex, u l‑qażba żejt tal‑armla għadha taqbad lejl u nhar.
“Hu dak id‑dawl li kultant jidher f’lejliet mudlama bħal tal‑lum.”
Johnny ma lissinx kelma oħra. Baqa’ jħares lejn id‑dawl ħadrani jixgħel u jilgħab mal‑mewġiet maġenb id‑dgħajsa.
Fis‑skiet tal‑lejl deherlu wkoll li sema’ t‑tokki ta’ xi qanpiena ċkejkna telgħin minn qiegħ il‑baħar.
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja