Avventura

Jack London
(Amerikan, 1876 – 1916)
Madwar 5,500 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Kapitli
1: Buck misruq
2: Buck u Spitz
3: Buck u John Thornton
4: Buck u x‑Xmara
5: Buck u l‑Lupu
6: Buck u l‑Foresta
Noti

1: Buck misruq

Kieku Buck kien jista’ jaqra l‑gazzetti, kien ikun jaf li ġej l‑inkwiet – mhux għalih biss, imma għal kull kelb kbir, imdaqqas u bil‑pil folt fit‑Tidewater, minn Puget Sound sa San Diego.

Għaliex il‑bniedem, fil‑kilba tiegħu biex jesplora l‑partijiet mhux magħrufin tal‑Artiku, sab il‑metall isfar, u għaliex il‑kumpaniji tal‑vapuri u tat‑trasport bdew japprofittaw mill‑kummerċ li kiber f’salt, ħafna nies bdew jiġru lejn l‑artijiet tat‑Tramuntana.

Dawn in‑nies kellhom bżonn il‑klieb, u l‑klieb li riedu, kellhom ikunu goffi, ta’ saħħa kbira u b’pil folt biex iħarishom mill‑kesħa qalila tal‑post.

Missier Buck kien tar‑razza ta’ San Bernard, u minn dejjem kien jgħix mal‑Imħallef Miller fil‑villa tiegħu f’Santa Clara Valley, u Buck twieled hemm u baqa’ jgħix hemm ukoll bħal missieru. Ma kienx kbir ħafna – madwar 140 libbra – għaliex ommu kienet kelba tar‑ragħaj Skoċċiża. Madankollu l‑ġiri u l‑kaċċa kienu żammewh irqiq u saħħulu l‑muskoli. Il‑ħajja għal Buck kienet sabiħa, ma kellu inkwiet ta’ xejn u kien maħbub ħafna mill‑familja kollha tal‑Imħallef Miller.

Imma Buck ma kienx jaqra l‑gazzetti, għax kieku għajnu għokritu meta Manuel, il‑ġardinar, ħadu għal passiġġata dakinhar li l‑Imħallef kellu bżonn joħroġ. Meta waslu fl‑istazzjon tal‑ferrovija, tah lil raġel hemmhekk li Buck ma kienx jaf.

Buck ħalla lill‑ġardinar idawwarlu ħabel m’għonqu bil‑kalma kollha – kien tgħallem jafda lin‑nies li kien jaf – iżda malli l‑ġardinar ta l‑ħabel lir‑raġel l‑ieħor, Buck minnufih qabad jinbaħ bil‑korla u jhedded lir‑raġel. Stagħġeb meta r‑raġel issikka l‑ħabel aktar m’għonqu tant li bilkemm seta’ jieħu nifs.

Buck tant irrabja li qabeż fuq ir‑raġel. Ir‑raġel ħatfu sod minn għonqu u tefgħu lura b’daqqa qawwija, u Buck waqa’ dahru mal‑art. Il‑ħabel m’għonqu ssikka aktar. Tilef is‑saħħa, għajnejh iżżellġu u kważi ntilef minn sensieh sakemm xeħtuh f’wieħed mill‑vaguni tal‑bagalji fuq it‑tren.

o

Meta ġie f’tiegħu, sab ruħu ġewwa kaxxa kbira tal‑injam li stħajjilha qisha gaġġa. Kien għadu fuq it‑tren, li kienet miexja, u ma kienx jaf fejn kienet sejra. Għal ħafna drabi fil‑jiem ta’ wara ġarrewh minn tren għal ieħor, fuq vapur, u mbagħad fuq tren ieħor.

Matul dan iż‑żmien kollu kien qiegħed jaħżen tant rabja fih li jekk xi ħadd kien iħaqqaqha miegħu, żgur li kien se jkun ħażin għalih. Għajnejh saru ħomor nar, u bil‑qajla tbiddel minn kelb mans għal bhima feroċi. Kieku l‑Imħallef Miller kellu jarah issa, lanqas biss kien jagħrfu. Il‑lavranti tat‑tren ħadu r‑ruħ meta fl‑aħħar niżżluh fl‑istazzjon ta’ Seattle.

Raġel kemxejn qawwi ffirma l‑karti, u l‑kaxxa b’Buck fiha poġġewjha f’bitħa mdawra b’ħajt għoli. Hekk kif ir‑raġel qawwi pprova jiftaħ il‑kaxxa, l‑erbat irġiel li kienu niżżluha mit‑tren resqu lura.

“Issa,” lissen il‑qawwi, hekk kif ħataf biċċa għuda “ejja ’l haw’, jaf xifajk tal‑għajnejn ħomor.”

U Buck tassew kellu għajnejh ħomor nar, hekk kif qomos fil‑pont fuq ir‑raġel. Iżda f’nofs il‑qabża, hekk kif ħalqu kien kważi se jaħtaf lir‑raġel, l‑għuda niżlet fuq rasu b’qawwa kbira, u dawritu dawra mejt fl‑arja. Buck ma qatax qalbu. Reġa’ attakka, darba wara l‑oħra. Kull darba, qala’ daqqa liema bħalha bl‑għuda li sabbtitu mal‑art.

Attakka għall‑aħħar darba, u r‑raġel fajjar daqqa qawwija li waqqgħet lill‑kelb tulu fl‑art, barra minn sensieh.

“Dak jaf kif iqiegħed lill‑klieb,” lissen wieħed mill‑irġiel li kienu qed josservaw kollox minn fuq il‑ħajt.

Buck ġie f’sensieh, imma kien għadu dgħajjef wisq, u baqa’ mimdud mal‑art.

Ir‑raġel il‑qawwi ħares lejn karta li kienet waslet ma’ Buck fil‑kaxxa. “Jismu Buck,” qal. “Mela, sieħbi,” kompla b’vuċi ferrieħa, “kellna tilwima żgħira jien u int issa, imma issa ħalli ninsewha, tridx?”

Malli qal hekk, poġġa idu mingħajr biża’ ta’ xejn fuq ras Buck u mellishielu. Għalkemm xagħar Buck qam xewk xewk malli ħassu, issaportieh u ma pprotestax aktar.

Għalkemm Buck kien megħlub, l‑ispirtu tiegħu kien għadu mhux miksur. Tgħallem darba għal dejjem li ma’ raġel armat b’għuda ma kellu l‑ebda ċans. Ħa tagħlima li ma nesa qatt. Kienet l‑introduzzjoni għal ħajja mmexxija mil‑liġi tan‑natura.

o

Fil‑jiem ta’ wara ġew klieb oħrajn, u kollha kemm huma rahom jgħaddu minn taħt l‑id iebsa tar‑raġel qawwi. Ġew aktar irġiel ukoll, u wara li kienu jgħaddu xi flus lir‑raġel il‑qawwi, kienu jitilqu u jieħdu magħhom xi kelb jew tnejn.

Fl‑aħħar mess lilu wkoll. Raġel kemxejn anzjan feġġ darba, u għajnejh mill‑ewwel xegħlu malli lemaħ lil Buck. Perrault kien jifhem fil‑klieb, u malli ra lil Buck intebaħ minnufih li dan il‑kelb kien wieħed f’elf.

Il‑flus għaddew minn id għal oħra, u Buck, flimkien ma’ kelb ieħor tar‑razza Newfoundland bl‑isem ta’ Curly, telqu mar‑raġel anzjan. Dik kienet l‑aħħar darba li ra lir‑raġel il‑qawwi, u, hekk kif ħares lura minn fuq il‑gverta tan‑Narwhal, lejn Seattle li kienet qed titbiegħed, kienet ukoll l‑aħħar darba li ra l‑art sħuna tan‑Nofsinhar.

Perrault niżżel lil Buck u lil Curly isfel, fejn għaddiehom lil ġgant bl‑isem ta’ François. Perrault kien Franco‑Kanadiż mibrum sew, imma François kien Franco‑Kanadiż ta’ razza mħallta, u mibrum id‑doppju. Buck kien se jara ħafna aktar bħalhom fil‑ġejjieni qarib.

Abbord il‑vapur, Buck u Curly ltaqgħu ma’ żewġt iklieb oħra. Wieħed minnhom kien kelb kbir, bil‑pil abjad karti, minn Spitzbergen, simpatiku imma mhux ta’ min jafdah. L‑ieħor, bl‑isem ta’ Dave, kien serju u dejjem bil‑geddum, u wera ċar u tond li l‑unika ħaġa li ried kienet li nħalluh u ma ndejquhx.

Lejl u nhar il‑vapur kompla jbaħħar, u għalkemm il‑jiem kollha dehru l‑istess, Buck beda jinnota li t‑temp kien qed jiksaħ ftit ftit.

o

Fl‑aħħar, għodwa waħda, il‑mutur tan‑Narwhal waqaf, u l‑vapur kollu mtela bl‑eċċitament. Buck ħassu wkoll, bħal kull kelb ieħor li kien abbord. Seta’ jobsor li xi ħaġa kienet se tinbidel. François rabathom u tellagħhom fuq il‑gverta.

Mal‑ewwel pass li Buck għamel barra, saqajh rifsu xi ħaġa ratba, umda, li kienet tidher qisha tajn. Resaq lura, xxukkjat. Din il‑ħaġa bajda kienet anki nieżla mis‑sema. Ipprova jfarfarha minn fuq ġismu, imma baqgħet nieżla u nieżla. Beda jxommha u jilgħaqha b’ilsienu. Għall‑ewwel ħassha taħraq, imma s‑sensazzjoni malajr għebet. Dan beda jħawdu. Reġa’ pprova, u reġa’ ħass l‑istess sensazzjoni. Sadanittant, in‑nies li kienu qegħdin josservawh bdew jidħqu, u ħassu jistħi, għalkemm ma kienx jaf għalfejn. Din kienet l‑ewwel darba li ra l‑borra.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Buck u Spitz

Buck kien jitgħallem malajr. Billi josserva lill‑oħrajn, tgħallem li waqt ġlieda ma setax iħallihom jaqilbuh, għax inkella l‑huskies kienu joqtluh; tgħallem kif iħaffer ħofra fis‑silġ ħalli jkun jista’ jitgezzez fiha billejl; u tgħallem kif isib postu fit‑tim li kien jiġbed is‑slitta.

Fil‑bidu, poġġewh quddiem Dave, l‑aħħar mid‑disat iklieb, u Sol‑leks, husky xwejjaħ li kien twil, irqiq u magħlub, b’wiċċ kollu mibrux bil‑ġlied u b’għajn waħda biss. Il‑kumplament tal‑klieb kienu kollha marbutin quddiem. Spitz kien fil‑bidu nett.

Perrault, ir‑raġel li kien xtrahom, kien pustier għall‑Gvern Kanadiż, u kien fuq ix‑xwiek biex ifittex jibda l‑vjaġġ. Bħala regola, kien jimxi quddiem it‑tim, biex jgħattan is‑silġ biż‑żarbun bix‑xibka tiegħu ħalli l‑klieb isibuha eħfef biex jimxu fuqu. François, li kien isuq is‑slitta, xi drabi kien ipartat il‑post miegħu. Madankollu dan ma kienx ta’ spiss, għax Perrault kien l‑iktar wieħed minnhom li kien jaf sew it‑tip ta’ silġ li kienu jimxu fuqu l‑aktar.

Jum twil wara l‑ieħor, Buck ħadem iebes. Il‑muskoli tiegħu saru aktar sodi, u bil‑kallijiet li rabba maż‑żmien ma baqax iħoss aktar uġiegħ f’saqajh. Dara wkoll jiekol minn kollox, anki jekk l‑ikel kien ħażin u indiġeribbli. Il‑ħars u x‑xamm żviluppaw tajjeb ħafna, u s‑smigħ tiegħu tant sar mirqum, li anki waqt l‑irqad kellu l‑ħila jaqbad l‑iċken ħoss.

Spitz dejjem kien isib l‑opportunità biex jikxiflu snienu jew jisfidah għal xi ġlieda. Buck kellu l‑impressjoni li Spitz ma kienx jista’ għalih, għax kien jaħseb li xi darba kien joħodlu postu bħala l‑mexxej tat‑tim. Madankollu, Buck kien rabba biżżejjed għaqal biex jagħmel dan bil‑mod mingħajr ma jipprovoka konfront dirett.

o

Kien impossibbli li xi darba ma kinux se jiġu fl‑idejn, madankollu dan ma sarx waqt dan il‑vjaġġ, u waslu Dawson mingħajr inkwiet.

Hawnhekk kien hawn ħafna rġiel u ħafna iktar klieb, kollha jaħdmu iebes. Rahom ikaxkru zkuk ħoxnin għall‑gabbani, u friegħi għan‑nar lejn il‑minjieri. Hawnhekk il‑klieb kienu jagħmlu x‑xogħol li f’Santa Clara Valley kienu jagħmluh iż‑żwiemel. Minn xi daqqiet kien jiltaqa’ ma’ klieb min‑Nofsinhar, iżda l‑biċċa l‑kbira tagħhom kienu mir‑razza tal‑ilpup husky slavaġ.

Sebat ijiem wara li waslu Dawson kienu fit‑triq lejn il‑Yukon. Perrault kien qed iwassal messaġġi aktar urġenti minn qabel; u xtaq jikser ir‑rekord tas‑sena.

Fl‑ewwel ġurnata koprew ħamsin mil; u t‑tieni jum kisbu suċċess akbar hekk kif waslu f’Yukon fl‑iqsar ħin. Iżda dan ir‑riżultat ma nkisibx mingħajr frustrazzjoni għal François. Qamet il‑pika bejn Buck u Spitz, u dan tal‑aħħar ma baqax il‑mexxej tat‑tim.

François kien jinfexx jgħid kliem ħażin, jagħti fuq is‑silġ bis‑sieq meta jkun irrabjat, u saħansitra xi drabi anki jqatta’ xagħru. Kien juża l‑frosta fuq iż‑żewġt iklieb kważi l‑ħin kollu, iżda malli kien jagħtihom dahru, arahom jerġgħu jinfexxu f’xulxin.

Lejla minnhom, wara l‑ikel, kienu kollha qed jistrieħu, meta wieħed mill‑klieb lemaħ fenek. F’ħakka t’għajn it‑tim kollu beda jiġri warajh, b’Buck quddiem nett.

Buck kien kważi rnexxielu jaqbdu, iżda Spitz sab rotta aktar qasira, u ħataf lill‑fenek kemm kemm qabel ma laħqu Buck. Biex tikber il‑konfużjoni, ħamsin husky minn kamp fil‑qrib daħlu fil‑bixkla.

Buck ma baqax lura, u baqa’ dieħel fuq Spitz. Kien wasal il‑waqt. Din id‑darba kienet se tkun għall‑mewt.

o

Spitz kellu esperjenza kbira fil‑ġlied. Fi żmienu kien irnexxielu jħaqqaqha ma’ kull tip ta’ kelb fit‑Tramuntana, u għalkemm dak il‑waqt kien irrabjat, ma ħalliex il‑korla tegħlbu.

Buck għalxejn ipprova jigdem lil Spitz f’gerżumtu, Spitz kien jiżgiċċalu kull darba u kien jigref lilu minflok. Għalhekk Buck ipprova jagħmel għal għonq Spitz b’finta ħalli minflok jolqtu fi spalltu, iżda Spitz baqa’ jaħrablu, u kull darba jisloħ l‑ispalla ta’ Buck.

Issa, waqt li Spitz kien mingħajr ferita, Buck kien mimli selħiet u demm iċarċar. Buck kien iddisprat. Sadanittant, il‑klieb l‑oħra qagħdu kollha f’ċirku madwarhom, lesti biex jaqbżu u jiżbranaw lil dak il‑kelb li kien jitlef.

Spitz baqa’ jattakka bla waqfien u jżomm lil Buck il‑ħin kollu minn taħt. Mument minnhom Buck inqaleb żaqqu ’l fuq u s‑sittin kelb l‑oħra qamu fuq saqajhom biex jagħmlu għalih; imma Buck reġa’ dar fuq saqajh minnufih, u l‑klieb reġgħu niżlu bilqiegħda fuq saqajhom ta’ wara biex ikomplu jistennew.

Buck kellu ħaġa waħda favurih – l‑immaġinazzjoni. Għalkemm kien l‑istint li kien qiegħed imexxih fil‑ġlied, kien qed juża rasu wkoll. Reġa’ għamel il‑finta lejn l‑ispalla ta’ Spitz, imma fl‑aħħar mument tbaxxa. Gidem is‑sieq ix‑xellugija ta’ quddiem ta’ Spitz. Instemgħet l‑għadma tinkiser, u f’daqqa waħda l‑għadu tiegħu sab ruħu jiġġieled fuq tliet saqajn.

Buck kompla jattakka, u Spitz ipprova jżommlu. Iżda issa Buck ma tahx nifs. Baqa’ jigdmu sakemm fl‑aħħar Spitz intelaq mal‑art għall‑aħħar darba.

o

L‑għada filgħodu François ra li Spitz ma kien jinstab imkien, waqt li Buck kien miksi kollu bil‑feriti. Mill‑ewwel induna x’kien ġara.

Perrault osserva l‑feriti ta’ Buck. “Dak Spitz iġġieled daqs xitan.”

“U Buck iġġieled daqs żewġt ixjaten,” kompla François. “Issa se nkomplu fil‑kwiet. Xejn Spitz, xejn inkwiet.”

Imma kien imqarraq. Għax meta rranġaw l‑ordni tal‑klieb u poġġew lil Sol‑lek fuq quddiem, Buck irrifjuta li jieħu l‑pożizzjoni li tawh. Beda jiġri madwar il‑kamp kollu u Perrault u François damu siegħa jiġru warajh. Heddewh, għajtu miegħu, issuttawlu ġebel u qasab, imma kien kollu għalxejn.

Fl‑aħħar François xejjer rasu u tbissem. Ħall iċ‑ċineg ta’ Sol‑lek, poġġieh fil‑pożizzjoni tiegħu oriġinali, u sejjaħ lil Buck.

Issa Buck ġie jiġri mill‑ewwel, jinbaħ bil‑ferħ. Sab postu waħdu fuq quddiem tat‑tim. Dan kien postu.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Buck u John Thornton

Ma kien hemm l‑ebda għawġ wara dan. Buck kien tajjeb ħafna biex imexxi lill‑kumplament tat‑tim. Il‑klieb tgħallmu jaħdmu sew flimkien tant li qishom saru kelb wieħed.

“Għadni qatt ma rajt kelb aħjar minn Buck,” qal François, darba waqt li Buck kien qed iħarreġ żewġ huskies ġodda. “Qatt! Jiswa mal‑elf dollaru! X’taħseb, Perrault?”

Perrault mejjel rasu. Kien qiegħed ħafna ’l quddiem mill‑ħin tar‑rekord, li kien qiegħed jitjieb minn ġurnata għall‑oħra. It‑triq kienet f’kundizzjoni eċċellenti, is‑silġ kien iebes u sod, u ma kienx hemm borra ġdida ttellifhom.

F’ġirja waħda rnexxielhom jagħmlu sittin mil fejn is‑soltu kienet teħdilhom għaxart ijiem. Ġrew u ġrew tant li r‑raġel li kien imissu jimxi kellu jintrabat b’ħabel wara t‑tim biex jiġbdu ’l quddiem.

U fl‑aħħar lejl tat‑tieni ġimgħa setgħu jaraw id‑dwal tal‑post ta’ Skaguay. Kienet ġirja rekord. Għal erbatax‑il ġurnata wara xulxin kienu għamlu madwar erbgħin mil kull darba.

o

Iżda ma kellhomx ħafna żmien biex jistrieħu. Fi ftit żmien Buck u t‑tim tiegħu kellhom jibdew il‑vjaġġ lura lejn Dawson flimkien ma’ żewġ sewwieqa ġodda. Din id‑darba ma kinux daqshekk ħfief, għax kellhom tagħbija kemxejn tqila. Din kien it‑tagħbija mit‑tren tal‑posta, li kienet mimlija bil‑messaġġi li l‑irġiel li kienu qed jaħdmu fil‑Pol kienu jibagħtu lill‑familji tagħhom.

U baqgħu sejrin hekk. F’inqas minn ħames xhur għamlu madwar 2,500 mil, u meta fl‑aħħar reġgħu waslu lura fi Skaguay, kienu meqrudin bl‑għeja.

Kieku kellhom żmien biżżejjed biex jistrieħu sew, żgur li kienu jiġu f’tagħhom u jerġgħu jimtlew enerġija, imma ma kellux ikun hekk. Biddluhom ma xi klieb friski, u lilhom biegħuhom lil żewġt irġiel u mara, aħwa mill‑Istati Uniti.

Issa dawn it‑tlieta ma kienu jafu assolutament xejn dwar it‑tip ta’ ħajja f’dan il‑pajjiż. Għabbew is‑slitta tant li mhux biss kienet tqila, imma l‑klieb lanqas kellhom is‑saħħa jiġbduha. Fl‑aħħar, wara li l‑irġiel qatgħuha li jneħħu nofs it‑tagħbija, il‑klieb setgħu jibdew il‑vjaġġ.

Il‑vjaġġ kien diżastru mill‑bidu nett. Il‑mara riedet bilfors tirkeb is‑slitta, u dan żied it‑toqol; l‑ikel beda jonqos malajr, u kellhom jagħmlu r‑razzjon; ta’ spiss kellhom jieqfu biex jerġgħu jirranġaw it‑tagħbija, għalhekk m’għamlux iktar minn għaxar mili s‑siegħa.

o

Sakemm laħqu l‑kamp ta’ John Thompson, fuq in‑naħa tat‑Tramuntana tal‑White River, il‑klieb kienu saru għadma u ġilda, u kien għad baqa’ ħamsa biss mill‑erbatax li kienu bdew il‑vjaġġ. Malli waslu, il‑klieb intelqu mal‑art qishom mejtin.

“Ma nirriskjax naqsam is‑silġ issa,” qalilhom John Thornton. “Issa li waslet ir‑rebbiegħa, is‑silġ se jibda jinqasam. “Qed niskanta kif wasaltu s’hawn. Jew inthom boloh jew ixxurtjati ħafna.”

“Xorta biħsiebna naslu Dawson.”

Is‑sewwieq beda jfajjar il‑frosta fuq il‑klieb li kienu għadhom mal‑art bla nifs. Sol‑lek kien l‑ewwel wieħed li qam, u bil‑qajla, l‑oħrajn bdew iqumu fuq saqajhom ukoll. Buck ma ċċaqlaqx. Baqa’ mimdud fejn kien inxteħet.

Beda jħoss il‑frosta tisloħlu dahru darba wara l‑oħra, imma la gerger u lanqas għamel mossa biex iqum. Wara dan, is‑sewwieq fajjarlu daqqa b’għuda. Iżda l‑kelb tant kien batut, li bilkemm ħassha. Is‑sens tal‑uġigħ kien telqu għal kollox.

U mbagħad, f’daqqa waħda, mingħajr ħadd ma kien qed jistennieha, John Thornton ġera ’l quddiem, jgħajjat bħal annimal u jlissen kliem li ma bediex jiftiehem. Laħaq lis‑sewwieq u mbuttah mal‑art b’qawwa liema bħalha.

“Jekk terġa’ tmiss lil dak il‑kelb, noqtlok,” qallu Thornton b’vuċi maħnuqa. Niżel għarkopptejh u ħall iċ‑ċineg ta’ Buck.

Ftit minuti wara, iż‑żewġt irġiel u l‑mara telqu u rħewlha lejn ix‑xmara. Madwar kwart ta’ mil ’il bogħod, it‑tagħbija ta’ wara waqgħet minn fuq is‑slitta. Bit‑toqol, is‑silġ taħtha minnufih inqasam, u n‑nies u l‑klieb kollha għebu fl‑ilma ffriżat.

John Thortnon u Buck ħarsu lejn xulxin. “Povru xifajk,” qal John Thornton, u Buck beda jilgħaqlu idu.

o

John Thornton kienu ffriżawlu saqajh f’Diċembru ta’ qabel, u sħabu, il‑kollegi tiegħu Hans u Pete, kienu ħallewh f’post komdu fejn ikun jista’ jfiq. Issa li kienet ir‑rebbiegħa, ma kienx qed izappap iktar, u kien qed jistenna lil sħabu jaslu fuq ċattra ħalli jkunu jistgħu jinżlu lejn Dawson fuq ix‑xmara.

Sadanittant, Buck kien qed jirkupra wkoll, u kien qed jikseb saħħtu lura. Il‑feriti tiegħu kienu għebu. Il‑muskoli issa reġgħu tlaħħmu, u l‑għadam ta’ ġismu ma baqax jidher. U aktar ma beda jrabbi s‑saħħa, aktar bdiet tikber l‑imħabba tiegħu lejn sidu l‑ġdid.

Għal ħafna żmien wara li John Thornton kien qabeż għalih, il‑kelb ma ħalliehx jitlaq minn quddiem għajnejh. U matul ir‑rebbiegħa u s‑sajf ta’ wara, anki meta sħab Thornton kienu waslu, il‑kelb u sidu kienu saru ħobża u sikkina.

Xejn ma kien iżomm lil Buck milli jagħmel kulma Thornton kien jgħidlu. Darba minnhom, waqt li t‑tliet irġiel u l‑kelb kienu fuq il‑quċċata ta’ rdum xi 300 pied għoli, Thornton ħaseb f’ġennata, u spjega lil sħabu x’ġieh f’rasu li jagħmel.

“Aqbeż, Buck!” għajjat lill‑kelb, u Buck qabeż mingħajr ma qagħad jaħsibha. Thornton ma basarx li l‑kelb kien lest li jobdih daqshekk malajr, u ħatfu f’nofs l‑arja biex ma jħallihx jaqa’ għal isfel. It‑tnejn irrumblaw sa xifer l‑irdum, u sħab Thornton kellhom jissaraw qatigħ biex ikaxkruhom lura mix‑xifer.

“Tal‑għaġeb,” qal wieħed minnhom, wara li ħadd ma kien għadu fil‑periklu. “B’kelb li lest li jobdik daqshekk, John, ma rridx li nkun xi ħadd li jipprova jagħmel għalik.”

o

Dak li qal ħabib Thornton ġara f’dik l‑istess sena f’Circle City. Prospettur li kien kemxejn ġellied qabad tilwima ma’ skawt, u Thornton daħal bejniethom biex jipprova jikkalmahom. Il‑prospettur dar fuq Thornton u fajjarlu daqqa li sabbtitu mal‑art.

Minnufih Buck qabeż fuq ir‑raġel u għamel biex jigdimlu għonqu. Li kieku ma kienx għan‑nies fil‑qrib li kienu pronti u qabdu lill‑kelb mill‑kullar, dak il‑prospettur żgur li kien imut fuq il‑post. Minn dakinhar kulħadd sar jaf b’Buck, u ismu sar magħruf madwar il‑kampijiet kollha tal‑Alaska.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Buck u x‑Xmara

Aktar tard dik is‑sena, Buck reġa’ salva ħejjet Thornton, imma b’mod ieħor. It‑tliet kollegi kienu qed iniżżlu d‑dgħajsa tagħhom tul parti mix‑xmara li kienet raffa u ġerrejja ħafna. Hans u Pete kienu qed iżżommuha dritta bil‑ħbula minn fuq ix‑xatt, waqt li Thornton baqa’ fuq id‑dgħajsa jikkontrollaha permezz ta’ lasta twila.

Ħin minnhom, Hans ta skoss bil‑ħabel, u Thornton waqa’ fl‑ilma. Il‑kurrent ħatfu mill‑ewwel u beda jkaxkru ’l isfel, lejn parti kollha blat u perikoluża ħafna.

Buck inxteħet fl‑ilma minnufih, u għam xi tliet mitt metru sakemm laħaq lil Thornton. Hekk kif ħass lil sidu jaqbadlu denbu, il‑kelb beda jgħum bil‑qilla lejn ix‑xatt.

Dan ma kienx faċli ħafna. Il‑kelb beda jagħmel ftit li xejn progress, minħabba l‑kurrent qawwi li issa kien qiegħed ikaxkarhom it‑tnejn flimkien. L‑ilma ġieri beda jitkisser mal‑blat u jtajjar ħafna sprej, u l‑ħoss qawwi tal‑ilma f’widnejn il‑kelb kien tal‑biża’.

Thornton intebaħ li kien impossibbli li jilħqu x‑xatt. Ħataf waħda mill‑blat f’nofs ix‑xmara, u telaq denb Buck.

“Itlaq, Buck! Mur!” beda jgħajjat.

Malli sidu telaqlu denbu, Buck ma setax imur lura, u hekk kif sema’ lil Thornton jinsisti biex jitilqu hemm, Buck obdieh u beda jgħum lejn ix‑xatt.

Imma kien ovvju li Thornton ma setax idum ħafna ggranfat ma’ dik il‑blata, kollha mxarrba u tiżloq, u bil‑kurrent qawwi tal‑ilma jħabbat miegħu. Hans u Pete ġrew tul ix‑xatt sakemm sabu post ftit ’il quddiem minn fejn Thornton kien iggranfat, u rabtu ħabel ma’ qadd Buck. Fil‑pront Buck reġa’ qabeż għal ġo l‑ilma. Madankollu ma qabiżx dritt biżżejjed kontra l‑kurrent.

Induna li kien ikkalkula ħażin hekk kif tkaxkar minn ħdejn Thornton, u ma laħqux għal ftit.

Hans reġa’ ġibed lill‑kelb lura għal fuq ix‑xatt. Biex wasal, il‑kelb għamel ħafna sekondi taħt l‑ilma, u malli kaxkruh lura fuq l‑art, Hans u Pete kellhom jagħfsulu l‑istonku ħafna drabi biex ikun jista’ jerġa’ jibda jieħu n‑nifs sew. Ftit wara, ipprova jqum fuq saqajh, imma minnufih reġa’ waqa’ tulu fl‑art.

Il‑vuċi dgħajfa ta’ Thornton setgħu jisimgħuha minn fejn kienu, u għalkemm ma setgħux jifhmu x’kien qiegħed jgħid, kien jidher ċar li ma setax jiflaħ iktar. Dan kien bħallikieku ta xokk elettriku lil Buck, għax malli sema’ l‑leħen iddisprat ta’ sidu, qam bilġri mill‑ġdid, ġera lejn il‑post minn fejn kien qabeż l‑ewwel darba, u reġa’ nxteħet fl‑ilma.

Din id‑darba m’għamilx l‑istess żball ta’ qabel meta pprova jgħum f’linja dritta kontra l‑kurrent lejn fejn Thornton kien għadu ggranfat mal‑blata f’nofs ix‑xmara. Din id‑darba ħalla l‑kurrent imexxieh sakemm wasslu ħdejn John Thornton.

F’dak il‑mument dar, u beda jgħum lejn ir‑raġel.

Bil‑qawwa tal‑kurrent Buck baqa’ dieħel ġo Thornton, u dan kellu ċ‑ċans jitlaq il‑blata malajr u jiggranfa mal‑pil tal‑kelb. F’dak il‑waqt, il‑ħabel madwar Buck issikka, u ġibidhom taħt l‑ilma.

Hans rabat il‑ħabel madwar siġra u beda jiġbed kemm jiflaħ. Il‑kelb u sidu bil‑qajla bdew resqin lejn ix‑xatt, imma mhux qabel ma l‑ħabel kważi għallaq lil Buck; l‑ilma kważi għarraq lit‑tnejn, kaxkarhom taħt l‑ilma, u nstelħu mal‑blat f’qiegħ ix‑xmara qabel ma reġgħu telgħu fil‑wiċċ.

Thornton spiċċa bi ftit selħiet, imma Buck kellu tliet kustilji miksurin.

o

Matul dik ix‑xitwa, Buck għadda minn ġrajja oħra, għalkemm mhux daqshekk eċċitanti. Kollox beda fil‑Bar El Dorado, f’Dawson, fejn l‑irġiel bdew jiftaħru kemm kellhom klieb b’saħħithom.

F’waqt minnhom wieħed mill‑irġiel beda jiftaħar li l‑kelb tiegħu seta’ jiġbed faċilment slitta mgħobbija b’xi 500 libbra. Ieħor qal li l‑kelb tiegħu seta’ jiġbed 600; u ieħor qal li tiegħu kien jiflaħ jiġbed mas‑700.

“Ċuċati!” qabeż Thornton. “Buck jista’ jiġbed sa elf libbra!”

“Mela nagħmillek imħatra ta’ elf dollaru li ma jistax,” qabeż wieħed mill‑irġiel. Malli qal dan xeħet xkora mimlija trab tad‑deheb fuq il‑mejda.

Ħadd ma tniffes. Issa Thornton kellu jilqa’ l‑isfida. Ħass raxx ta’ demm sħun tiela’ għal rasu. Kien ħalla lsienu jikkmandah. Kellu fiduċja kbira f’Buck. Imma elf libbra! Tunnellata sħiħa!

Barra minn hekk ma kellux elf dollaru x’jilgħab, u lanqas Hans u Pete. Għarbel il‑bar b’għajnejh, u lemaħ ħabib antik.

“Għandek elf dollaru x’tislifni?” staqsieh, kważi minn taħt l‑ilsien.

“Mela le,” wieġeb sieħbu, “għalkemm m’għandix fiduċja kbira li l‑kelb tiegħek se jirnexxilu.”

F’ħakka t’għajn, mijiet ta’ rġiel kienu nġabru barra l‑bar biex jaraw kif kienet se tispiċċa l‑biċċa. Armaw slitta b’mitt libbra ta’ xkejjer tad‑dqiq. Ix‑xfafar tas‑slitta kienu ffriżati bil‑kesħa – madwar 60 grad taħt iż‑żero – u prattikament imwaħħlin fis‑silġ iebes.

Dan kien se jagħmel l‑isfida aktar diffiċli, għalhekk l‑imħatri komplew telgħin, sakemm fl‑aħħar waslu għal tlieta kontra wieħed li Buck ma jirnexxilux iċaqlaq is‑slitta.

Thornton ħares lejn it‑tim ta’ għaxart iklieb, u lejn is‑slitta mkaħħla fis‑silġ. Kienet se tkun impossibbli.

“Tlieta kontra wieħed,” tenna l‑ewwel raġel li kien sfida lil Thornton. “Ħalli nżid elf dollaru ieħor ma’ dak. Xi tgħid, Thornton?”

Dan aktar nibbex l‑ispirtu tal‑logħob ta’ Thornton, spirtu li kien ixejjen dak li kien impossibbli u trux għal kull tip ta’ raġuni.

Tkellem ma’ Pete u Hans. Bejniethom setgħu jiġbru 200 dollaru; il‑flus kollha li kellhom. Qatgħuha li jilagħbuhom mingħajr ma qagħdu jaħsbuha.

o

Ħallew lit‑tim tal‑għaxra, u rabtu lil Buck mas‑slitta waħdu. Il‑kelb seta’ jħoss dak l‑eċċitament kollu madwaru, u b’xi mod intebaħ li kellu bżonn jagħmel xi ħaġa importanti lil John Thornton.

Waqa’ skiet perfett qalb il‑folla, hekk kif Thornton niżel għarkopptejh ħdejn Buck. Poġġa jdejh it‑tnejn madwar ras il‑kelb, u messew ħadd ma’ ħadd. Thornton ma qagħadx joqgħod iżiegħel bih jew jgħidlu xi kliem ta’ ħlewwa. Minflok, qallu xi kliem f’widintu minn taħt l‑ilsien.

“Urini kemm tħobbni, Buck. Urini kemm tħobbni,” kienu l‑kliem li qallu. Buck qabad jingħi bil‑ħerqa.

Malli Thornton qam fuq saqajh, Buck ħataflu jdejh b’ħalqu. Għafas ftit bi snienu, u telaqhom bil‑mod, kważi nofs qalb. Kienu sinjali, mhux kliem, ta’ mħabba. Thornton mexa lura.

“Issa, Buck,” għajjat.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Buck u l‑Lupu

“Itlaq!” għajjat Thornton.

Buck beda miexi. It‑tagħbija fuq is‑slitta tbandlet kemm kemm. Għagħa qamet fost il‑folla.

“Isa!” Thornton kompla jħeġġeġ.

Din id‑darba, Buck għamel sforz akbar. Is‑silġ madwar ix‑xfafar tas‑slitta nstema’ jfaqqa’ hekk kif ċeda taħt l‑isforz tal‑kelb, u s‑slitta ċċaqalqet ’il quddiem bi skoss.

“Isa, Buck! Isa!”

Buck intefa’ ’l quddiem u beda jiġbed b’kemm kellu saħħa. It‑tagħbija reġgħet tbandlet ftit. Mument minnhom, waħda minn saqajn il‑kelb żelqet, u reġa’ kien hemm għagħa qalb il‑folla hekk kif kulħadd żamm in‑nifs. Wara dan, is‑slitta bdiet miexja ’l quddiem bl‑iskossi, pulzier wara pulzier. Fl‑aħħar, bdiet miexja dritt u regolari.

Il‑folla reġgħet bdiet tgħajjat. Thornton mexa wara l‑kelb, il‑ħin kollu jinkuraġġih bil‑kliem, u f’qasir żmien, Buck laħaq il‑marka tal‑mitt jarda. Il‑folla splodiet f’aktar storbju, u ħafna bdew itajru l‑kpiepel tagħhom fl‑arja. Thornton niżel għarkopptejh maġenb Buck u beda jgħannqu. Buck kien irnexxielu jagħmel dak li ħafna ħasbu li kien impossibbli.

o

L‑elf u sitt mitt dollaru li Buck kien qallagħhom f’dawk il‑ħames minuti taw lil Thornton u ’l sħabu ċ‑ċans li jmorru lejn il‑Lvant ifittxu minjiera tad‑deheb mitlufa. Ħafna kienu marru jfittxuha qabel, imma ftit kienu dawk li sabuha, u ħafna aktar kienu dawk li ma ġew lura qatt.

Il‑mixja kienet twila. Thornton kien kapaċi jiflaħ l‑isfidi tan‑natura. Użaw is‑slitta sax‑xmara Yukon u mbagħad ilwew lejn ix‑xmara Stewart sakemm telgħu il‑qċaċet tal‑muntanji fil‑qrib.

Fi drabi kienu jagħmlu ġranet sħaħ mexjin bla waqfien, u xi drabi oħra kienu jieqfu jistrieħu għal ġranet sħaħ. Meta kienu jwaqqfu l‑kamp, il‑klieb kienu jinxteħtu mal‑art jistrieħu, waqt li l‑irġiel kienu jagħmlu l‑faċendi tagħhom, jaħslu l‑ħwejjeġ u l‑għodod u jnixxfuhom maġenb in‑nar.

Għaddew ix‑xhur, u tul dan iż‑żmien baqgħu jimirħu f’dik id‑deżolazzjoni, fuq l‑istess rotot li kienu qabdu fittiexa oħrajn qabilhom, sakemm reġgħet waslet ir‑rebbiegħa.

U fl‑aħħar sabuha. Mhux il‑minjiera l‑mitlufa, imma medda ta’ ramel fil‑qiegħ ta’ wied fond, fejn id‑deheb kien jidher fil‑wiċċ qisu kisja ta’ butir f’taġen. Ma kellhomx għalfejn ikomplu jfittxu.

Kull ġurnata xogħol kienet qed tqallagħhom eluf ta’ dollari f’forma ta’ trab jew ċagħaq tad‑deheb, u baqgħu jaħdmu kuljum. Id‑deheb li ġabru bdew jistivawh fi xkejjer tal‑ġild tal‑annimali.

F’dan il‑perjodu l‑klieb ma kellhomx x’jagħmlu ħlief jiġbdu xi karkassi tal‑annimali li Thornton kien jikkaċċja għall‑ikel, u Buck qatta’ ħafna siegħat bilqiegħda ħdejn in‑nar. U sakemm qagħad hekk, beda jħoss ix‑xenqa għal affarijiet strambi, donnu ried xi ħaġa li ma kienx jaf x’kienet.

Kienu qed jaħkmuh ħafna impulsi. Filli jkun qiegħed kwiet, mimdud mistrieħ fil‑kamp, filli f’daqqa waħda jgħolli rasu u widnejh, joqmos bil‑wieqfa u jlebbet qalb is‑siġar, bla waqfien għal sigħat sħaħ, jiġġerra fil‑beraħ.

Kien jieħu gost l‑aktar jiġri fil‑għabex ta’ nofsillejl fl‑iljieli sajfin, jisma’ l‑ħsejjes tal‑foresta, jifhem is‑sinjali u l‑messaġġi f’dawk il‑ħsejjes bħalma bniedem jifhem dak li jkun qed jaqra fi ktieb, u l‑ħin kollu jfittex dik il‑ħaġa misterjuża – li qiegħda ssejjaħlu, qiegħda tiġbdu lejha lejl u nhar, kemm waqt li jkun imqajjem, kemm waqt li jkun rieqed.

o

Lejl minnhom stenbaħ f’daqqa f’nofs raqda, għajnejh imberrqin, imnifsejh miftuħin beraħ, is‑suf fuq dahru mqajjem xewk. Sema’ dik is‑sejħa mill‑foresta (messaġġ wieħed minn ħafna), ċara daqs il‑kristall kif qatt ma kien semagħha qabel. Kienet karba twila u soda, waħda li qatt ma kien sema’ minn l‑ebda kelb husky li kien jaf.

Qasam il‑kamp bil‑qajla u fis‑skiet, u rħielha lejn il‑foresta. Aktar ma beda joqrob lejn l‑għajta, aktar beda miexi bil‑mod, attent għal kull ċaqliqa li jagħmel, sakemm wasal f’fetħa qalb is‑siġar, u hemm lemaħ, wieqaf b’geddumu ’l fuq lejn is‑sema, lupu griż.

Għalkemm Buck m’għamel l‑ebda ħoss, il‑lupu ħass il‑preżenza tiegħu u waqaf jokrob. Buck ħareġ bil‑qajla fil‑beraħ, kważi jitkaxkar mal‑art, imma b’pass sod.

Kienet il‑pożizzjoni li annimal tal‑priża kien jieħu meta jlesti għall‑kaċċa jew meta jersaq lejn annimal tal‑priża ieħor. Imma malli lemħu, il‑lupu telaq jiġri. B’passi mgħaġġlin u twal, Buck ġera warajh sakemm laħqu u għalqu ġewwa wied żgħir minn fejn ma setax joħroġ.

Il‑lupu beda jdur żugraga, igorr u jikxef snienu b’theddida.

Buck m’attakkahx, u minflok beda jdur madwaru. Il‑lupu ra ċ‑ċans tiegħu u ħatfu, u telaq jiġri, u Buck reġa’ mar jiġri warajh. U baqgħu sejrin hekk. Kull darba, Buck kien jirnexxilu jagħlaq lill‑lupu f’rokna, imma qatt ma jagħmel għalih.

Fl‑aħħar il‑lupu fehem li Buck ma riedx iweġġgħu, għalhekk poġġa mnieħru ma’ geddum il‑kelb biex ixommu. F’qasir żmien saru ħbieb, u bdew jiġru flimkien, jilagħbu u jduru madwar xulxin.

Ftit ħin wara l‑lupu tbiegħed, u wera biċ‑ċar li kien biħsiebu jmur xi mkien. Buck telaq miegħu, u mxew ma’ ġenb xulxin, siegħa wara siegħa, bix‑xemx tielgħa ssaħħan il‑jum.

Buck kien qed iħossu kuntent. Issa kien ċert li fl‑aħħar tassew kien qiegħed iwieġeb għal dik is‑sejħa li tant kien qed jisma’, maġenb ħuh tal‑foresta.

Waqfu fejn xmajra biex jitrejqu, u f’daqqa waħda Buck ftakar f’John Thornton. Waqt li l‑lupu kompla miexi, Buck baqa’ wieqaf. Dar bil‑qajla, u qabad t‑triq lura l‑kamp.

Ħuh is‑salvaġġ baqa’ jdur miegħu għal xi siegħa, inewwaħ bil‑mod. F’daqqa waħda waqaf, għolla geddumu lejn is‑sema, u qabad jingħi. Kienet tnegħija ta’ dwejjaq. Imma Buck ma waqafx, u kompla miexi fi triqtu, u l‑karba semagħha tiddgħajjef u tiddgħajjef, sakemm fl‑aħħar intilfet fil‑bogħod.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Buck u l‑Foresta

John Thornton kien qed jieħu l‑kolazzjon meta Buck daħal jiġri fil‑kamp u qabeż fuqu f’freneżija ta’ affezzjoni – idur madwaru u jilgħaqlu wiċċu.

Għall‑jumejn ta’ wara, il‑kelb baqa’ dejjem ikkakkmat ma’ sidu, u ma ħalliehx jaħrab minn taħt għajnejh. Kien jiġri warajh kullimkien waqt xogħlu, waqt l‑ikel u anki waqt l‑irqad.

Madankollu, wara t‑tielet jum, dik is‑sejħa tal‑foresta beda jħossha tiġbdu mill‑ġdid, aktar qawwija minn qabel. Reġa’ beda jħossu eċċitat hekk kif beda jiftakar dawk il‑mumenti ma’ ħuh is‑salvaġġ, dak il‑lupu li kien ġera miegħu qalb is‑siġar. Billejl beda jorqod barra minflok maġenb sidu ġewwa l‑kamp, u binhar baqa’ mbiegħed mill‑kamp; anki waqt li Thornton u sħabu kienu jmorru jfittxu d‑deheb.

Darba telaq u mar jimraħ fl‑art fejn kien hemm ħafna xmajjar u fejn in‑nies kienu jaqtgħu is‑siġar. Dam ġimgħat hemmhekk, il‑ħin kollu jara jilmaħx lil ħuh il‑lupu.

Għall‑ikel, beda jaqbad is‑salmun minn ġox‑xmajjar. Darba minnhom irnexxielu joqtol ors li kien qed ifittex is‑salmun ukoll. Kienet taqbida twila u kiefra, u kienet din il‑ġrajja li ħarġet il‑kumplament tan‑natura salvaġġa li, sa dak il‑mument, kienet għadha mistura f’Buck.

Il‑kilba għad‑demm kibret u kibret. Beda jgħix waħdu u mingħajr għajnuna ta’ ħadd ħlief il‑ħila tiegħu stess li jibqa’ ħaj f’dak l‑ambjent iebes u perikoluż, fejn seta’ jgħix min kien b’saħħtu biss.

L‑istint tiegħu kien dak tal‑lupu u tal‑annimal li jgħix qalb in‑natura, filwaqt li l‑intelligenza tiegħu kienet dik tar‑ragħaj u tas‑San Bernard. U dawn kollha, flimkien mal‑esperjenza li kien kiseb fl‑ambjent aħrax tal‑Alaska, għamlu lil Buck wieħed mill‑aktar annimali formidabbli li kienu jgħixu fil‑foresta.

“Qatt ma kien hemm kelb bħal Buck,” qal John Thornton lil sħabu, waqt li raw lil Buck jimxi lejn is‑siġar.

Tassew rawh jitbiegħed mill‑kamp, iżda ma rawx il‑bidla tal‑għaġeb li ħakmitu hekk kif daħal fil‑foresta li satritu minn għajnejn il‑bnedmin. Ma baqax jimxi. Minnufih sar kreatura tan‑natura salvaġġa, jiċċaqlaq bil‑qajla, jgħib u jitfaċċa qalb id‑dellijiet.

o

Hekk kif qorbot il‑ħarifa iċ‑ċerv kbir beda jiżdied fin‑numru. Darba minnhom, merħla ta’ xi għoxrin, immexxija minn ċerv raġel aħrax u twil xi sitt piedi. Tħares lejh mill‑ġenb kont tistħajlu vleġġa, u forsi dan kien li tah id‑dehra ta’ annimali liema bħalu, formidabbli u ta’ min jibża’ minnu.

Kien eżatt l‑għamla ta’ annimal ma’ min Buck ried jaqbad biex jipprova s‑saħħa tiegħu. Beda billi qagħad idur madwar iċ‑ċerv u jinbaħlu, bogħod minnu biżżejjed biex iċ‑ċerv ma jolqtux b’saqajh jew bil‑qrun wesgħin tiegħu; baqa’ jaljenah b’dan il‑mod sakemm firdu mill‑kumplament tal‑merħla.

Għall‑bidu ċ‑criev l‑oħra, l‑aktar żagħżugħa, resqu biex jiddefendu liċ‑ċerv il‑kbir, imma billi t‑temp kien qed jiksaħ riedu jfittxu jsibu kenn mill‑aktar fis, u fl‑aħħar qatgħu qalbhom milli jkomplu jisfidaw lill‑kelb, u komplew sejrin mal‑kumplament tal‑merħla.

Minn dak il‑ħin, Buck baqa’ jittanta liċ‑ċerv u ma tah l‑ebda mistrieħ. Bil‑qajla, ras iċ‑ċerv bdiet titbaxxa iktar, u l‑mixja tiegħu bdiet tiddgħajjef iktar u iktar. Fir‑raba’ jum, Buck irnexxielu jiġbed liċ‑ċerv mal‑art. Wara, dawwar denbu lejn il‑kamp u John Thornton.

o

Xi tliet mili ’l bogħod mill‑kamp beda jxomm riħa fl‑arja li qajmitlu l‑pil xewk xewk. Kompla jersaq lejn il‑kamp, imma bil‑mod ħafna, u bil‑moħbi qalb is‑siġar – sakemm fl‑aħħar lemaħ lill‑Indjani jiżfnu madwar il‑kamp li kien imkisser u maħruq. Hemmhekk Buck ra l‑iġsma mejtin ta’ John Thornton u sħabu.

Għall‑aħħar darba f’ħajtu ħalla l‑passjoni tegħleb l‑għaqal u r‑raġuni li kellu, u kien kaġun tal‑imħabba tiegħu lejn John Thornton li tilef rasu.

Intefa’ fuqhom bħal uragan b’korla liema bħalha u bl‑intenzjoni li joqtol. Il‑feroċja tiegħu kienet tal‑biża’. L‑Indjani ppanikkjaw u telqu jiġru mwerwrin, jgħajtu li l‑Ispirtu l‑Ħażin kien niżel fid‑dinja.

U tassew Buck deher qisu dimonju, hekk kif baqa’ jiġri warajhom u jkaxkarhom mal‑art, wieħed wara l‑ieħor, bħalma kien għamel liċ‑ċerv il‑kbir. Għaddiet ġimgħa sakemm l‑Indjani reġgħu nġabru flimkien u raw kemm min sħabhom kienu tilfu.

o

Il‑ġurnata kollha, Buck baqa’ maġenb ix‑xmara. Seta’ jifhem x’kienet il‑mewt, u kien jaf li John Thornton kien mejjet. Kien qiegħed iħoss vojt kbir li qatt ma kien ħass qabel.

Wasal inżul ix‑xemx, u Buck beda jħoss tip ta’ enerġija ġdida bil‑ħajja tal‑lejl fil‑foresta madwaru. Beda jisma’. Kienet mill‑ġdid is‑sejħa tal‑foresta. U issa kien lest iktar minn qabel biex jismagħha. Issa John Thornton kien mejjet. Ma kien hemm xejn aktar li kien qiegħed jorbtu mal‑ħajja tal‑bnedmin. Il‑bniedem u dak kollu li kien tal‑bniedem ma kienx importanti iktar.

L‑inbiħ beda joqrob iktar sakemm fl‑aħħar il‑grupp sħiħ tal‑ilpup tfaċċa minn qalb is‑siġar u beda jdur dawra mejt madwar Buck, li baqa’ wieqaf bħal statwa. Kien hemm ftit sekondi ta’ skiet, u mbagħad l‑aktar wieħed qalbieni minnhom għamel għal Buck.

F’sekonda, Buck attakka lura u kisirlu għonqu. Tlieta oħra ppruvaw jagħmlu għalih, u wieħed wara l‑ieħor kellhom jirtiraw, bid‑demm ħiereġ bil‑feriti fejn laqathom il‑kelb, fl‑għonq jew fl‑ispalla.

Wara dan, il‑grupp kollu qabeż fuqu għalenija. Madankollu, grazzi għall‑ħeffa liema bħalha li kellu Buck, irnexxielu jżomm kontrihom kollha, idur fuqu nnifsu u jagħti b’saqajh ta’ quddiem u jigdem lil dawk l‑ilpup li kienu joqorbu lejh wisq. Bil‑qajla, beda miexi lura biex iżommhom kollha quddiemu u ma jkun jista’ jattakkah ħadd minn wara dahru.

Wara xi nofs siegħa, l‑ilpup bdew jirtiraw, qalbhom maqtugħa. Fl‑aħħar, wieħed minnhom beda joqrob lejh bil‑qajla, imma mhux b’theddida. Buck intebaħ li dan kien ħuh is‑salvaġġ, dak li kien ġera miegħu fil‑foresta l‑ewwel darba. Messew geddum xulxin, u bdew jingħu flimkien.

Fil‑pront, l‑ilpup kollha għollew geddumhom lejn il‑Qamar u bdew jingħu flimkien. U issa, anki Buck seta’ jingħi bl‑istess ton tagħhom. Hu wkoll, qagħad bilqiegħda fuq saqajh ta’ wara, u beda jingħi magħhom. U meta l‑ilpup, kollha flimkien, waqfu u ġrew qalb is‑siġar, Buck telaq jiġri magħhom.

o

U hawn nistgħu ngħidu li tintemm l‑istorja ta’ Buck. M’għaddiex ħafna żmien qabel ma l‑Indjani osservaw tibdila fl‑imġieba tal‑ilpup griżi; għax issa, xi ftit minnhom bdew jidhru bi tbajja’ bojod fuq rashom u geddumhom, u ftit pil abjad fuq sidirhom. U bdiet iddur fosthom il‑leġġenda tal‑Kelb Fantażma, li jmexxi l‑grupp tal‑ilpup; kelb li jibżgħu minnu għaliex jistmawh bħala għaqli iktar minnhom.

U kull ħarifa, meta l‑Indjani jivvjaġġaw mal‑merħliet taċ‑ċerv kbir, hemm ċertu wied fejn ma jinżlu qatt. Madankollu, fis‑sajf, jidher lupu wieħed kbir, bil‑pil folt, iżda ħafna isbaħ minn dak tal‑ilpup l‑oħra. Dejjem jimraħ waħdu, u jinżel mill‑foresta u sax‑xmara.

U jieqaf hemm għal ftit, jingħi waħda twila mnikkta, u jerġa’ jitlaq.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Artiku: Dak ir‑reġjun polari li jinsab fit‑Tramuntana tad‑dinja, fejn ikun hemm ħafna kesħa u silġ. [Lura]

Ċerv kbir: Speċi ta’ ċerv komuni ħafna fl‑artijiet tat‑Tramuntana fl‑Amerka ta’ Fuq. [Lura]

Husky: Kelma ġenerika li tirreferi għall‑klieb li jgħixu fl‑Artiku u li jintużaw biex jiġbdu l‑islitti. [Lura]

Jarda: Kejl tat‑tul li jintuża l‑Ingilterra u l‑Istati Uniti. Jiswa ftit inqas minn metru. [Lura]

Libbra: Kejl tat‑toqol li jintuża l‑Ingilterra u l‑Istati Uniti. Jiswa ftit inqas minn nofs kilogramma. [Lura]

Lupu griż: Speċi ta’ lupu komuni ħafna fl‑artijiet tat‑Tramuntana fl‑Amerka ta’ Fuq. [Lura]

Mil: Kejl tal‑bogħod li jintuża l‑Ingilterra u l‑Istati Uniti. Jiswa ftit aktar minn 1,600 metru. [Lura]

Newfoundland: Ir‑reġjun tal‑Lvant tal‑Kanada. [Lura]

Prospettur: Wieħed li jesplora l‑art għad‑deheb, minerali, eċċ. [Lura]

Pulzier: Kejl tat‑tul li jintuża l‑Ingilterra u l‑Istati Uniti. Jiswa bejn wieħed u ieħor 25 millimetru. Tnax‑il pulzier jagħmlu pied. [Lura]

Razzjon: Sistema biex tikkontrolla kemm tiekol ikel meta dan ikun skars. [Lura]

Slitta: Mirkeb li jiżżerżaq fuq is‑silġ, ġeneralment miġbud minn xi annimali bħal żwiemel jew klieb. [Lura]

Tidewater: Reġjun fl‑istat ta’ Virginia, fl‑Istati Uniti. [Lura]

Tunnellata: Kejl tat‑toqol li jintuża l‑Ingilterra u l‑Istati Uniti. Jiswa ftit iktar minn elf kilogramm. [Lura]

Xfafar: (Singular: xafra). Il‑partijiet taħt is‑slitta li jgħinuha tiżloq fuq is‑silġ. [Lura]

Żarbun bix‑xibka: Speċi ta’ żarbun li bih tkun tista’ timxi fuq is‑silġ mingħajr ma tiżloq. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****