Leġġendi | Mitoloġija

Leġġenda Medjevali
Madwar 1,458 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Kapitli
1: Is‑Saħħara tal‑Muntanja
2: Fidwa mis‑Seħer
3: L‑Għanja tal‑Imħabba l‑Falza
4: Il‑Pellegrinaġġ lejn Ruma
5: Il‑Paċi fl‑Aħħar
Noti

1: Is‑Saħħara tal‑Muntanja

Darba waħda kien hemm fieres żagħżugħ jismu Tannhauser, li kien jgħix fil‑palazz tar‑re ta’ Wartburg, fil‑pajjiż ta’ Thuringia. Dan kien żmien meta d‑daqqaqa tal‑arpi, mużiċisti oħrajn, u għannejja kienu aktar popolari mill‑ifirsa ġellieda li dari kienu magħrufin għad‑dwelli li kienu jagħmlu, u Tannhauser kien wieħed minn dawn id‑daqqaqa u għannejja. Kien bl‑għana tiegħu li seraq qalb in‑neputija tar‑re, il‑Prinċipessa Elisabeth.

Madankollu, għalkemm Tannhauser kien iħobb lill‑prinċipessa u kellu ħajja komda fil‑palazz, ma kienx kuntent għalkollox. Xtaq li jkollu xi ħaġ’oħra f’ħajtu, u kien ċert li, kienet x’kienet, seta’ jsibha lil hinn mill‑palazz ta’ Wartburg.

Għaldaqstant, wara ħafna ħsieb, qatagħha li jitlaq il‑palazz, mgħobbi biss fl‑arpa maħbuba tiegħu, biex isib id‑destin tiegħu fid‑dinja ta’ barra. Sellem lill‑prinċipessa u lill‑ħbieb tiegħu, u reħielha fi triqtu—mingħajr ebda destinazzjoni partikolari—ifittex avventuri ġodda.

Ftit żmien wara wasal qalb il‑muntanji fejn kienet tgħix l‑alla tal‑imħabba Venere, fil‑qalba ta’ muntanja fil‑Ġermanja li kienet imsejħa Venusberg. Venere kienet marret tgħix hemm għaliex in‑nies ma baqgħux jadurawha bħala alla tagħhom. Mimlija mrar u korla għaliex in‑nies kienu warrbuha, kienet saret saħħara li tonsob lill‑irġiel u żżommhom ilsiera tagħha għal għomorhom, ġewwa l‑muntanja, taħt seħer li kien jagħmilhom kuntenti, tant li ma kinux iridu jitilqu minn hemm.

Tannhauser ma kien jaf xejn dwar dan hekk kif terraq qalb dawk il‑muntanji. F’daqqa waħda, infetħet blata quddiemu. Fid‑daħla mdallma lemaħ tfajla sabiħa.

Kienet Venere, u setgħet taqra l‑imħuħ tal‑irġiel. “Ejja miegħi,” qaltlu, “fl‑art tal‑ferħ u l‑kuntentizza.”

Imsaħħar, Tannhauser mexa warajha ġewwa l‑muntanja. Malli għamel hekk, il‑blata ngħalqet warajh, u qatgħetu għalkollox mid‑dinja ta’ barra. Kien hekk li Tannhauser daħal fir‑renju tas‑saħħara Venere.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Fidwa mis‑Seħer

Malli l‑blata ngħalqet warajh, is‑seħer ta’ Venusberg nessieh għalkollox il‑memorji li kellu ta’ ħajtu barra mill‑muntanja. Kull ħaġa li kien jaf qabel għebet minn moħħu, u issa seta’ jħoss biss ferħ u pjaċir kbir. Venere mexxietu lejn il‑qalba tal‑muntanja, ħdejn xmajjar imsaħħrin fejn kien hemm ħafna sireni jgħumu fl‑ilma.

Minkejja dan kollu, Tannhauser xorta waħda beda jħoss li kien maħkum minn xi għamla ta’ seħer, u ħassu li kien ilsir ta’ Venere. Venere ntebħet b’dan, u li Tannhauser ma kienx kuntent għalkollox daqskemm riedet hi. Għaldaqstant organizzat ħafna festi għalih. Kull siegħa kienet issir xi attività biex iżżommu kuntent: kunċerti, wirjiet, ikliet u żfin.

Venere tant iffukat is‑seħer tagħha fuqu li fl‑aħħar Tannhauser intilef warajha għalkollox. Kull darba li kienet titolbu jikkomponi għanja għaliha, kien jagħmilha minnufih.

Madankollu, għal darb’oħra, meta kien jgħanni xi melodija għaliha, beda jerġa’ jħossu skomdu hemmhekk, u beda jixtieq li seta’ jitlaq minn hemm: jaħrab minn dak il‑ħabs sabiħ.

“Nitolbok,” qalilha darba wara li waqaf jgħanni, “agħtini l‑ħelsien. Inwiegħdek li kull fejn immur, ngħanni biss innijiet f’ismek.”

“Jekk huwa dak li tixtieq,” wieġbet Venere b’vuċi magħduba, “mela itlaq! Imma ftakar. Kulħadd se jistmerrek malli jkunu jafu li żort dan il‑post. Issa itlaq!”

Tat daqqa mal‑art b’sieqha, u ħesrem Tannhauser sab ruħu bilqiegħda f’għalqa. Minflok is‑soqfa għolja ta’ Venusberg, issa fuqu kien hemm is‑sema kaħlanija. Fil‑qrib kien hemm ragħaj jirgħa n‑nagħaġ, iħares lejh imbellah.

F’daqqa waħda, ftakar f’dak kollu li kien għadda minnu tul ħajtu qabel ma daħal f’Venusberg. Ħassu ferħan hekk kif fil‑bogħod lemaħ il‑palazz ta’ Wartburg, fejn kien għex tant kuntent fl‑imgħoddi.

Ftit ħin wara ntebaħ li seta’ jisma’ xi kant fil‑qrib, u dlonk ra purċissjoni ta’ pellegrini li kienu fi triqithom lejn Ruma biex iżuru lill‑Papa bħala penitenza għad‑dnubiet tagħhom. Tannhauser intefa’ għarkopptejh u beda jitlob għalihom. Ma kellu l‑ebda idea li f’qasir żmien kellu jagħmel dak il‑vjaġġ huwa wkoll.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: L‑Għanja tal‑Imħabba l‑Falza

Ftit wara, Tannhauser sema’ tipi ta’ ħsejjes oħra, differenti ħafna. Kienu d‑daqq ta’ qarn tal‑kaċċa u n‑nebħiet ta’ ħafna klieb. F’qasir żmien tfaċċaw ir‑re u xi ifirsa tiegħu, rikbin fuq iż‑żwiemel.

“Ara Tannhauser!” lissen ir‑re malli lemħu. “Fl‑aħħar, ġejt lura, mela!”

“Jekk inti lest li tilqagħni lura, Maestà,” wieġeb Tannhauser.

Ir‑re laqgħu bi ħġaru, kif għamlu l‑prinċipessa u n‑nobbli l‑oħra. Biex jiċċelebraw il‑miġja lura tiegħu, organizzaw kompetizzjoni tal‑għana. Qabel ma daħal għall‑kompetizzjoni, Tannhauser mar jara lill‑prinċipessa.

“Aħfirli talli tlaqtek,” qalilha, hekk kif inxteħet għarkopptejh quddiemha.

“M’hemmx x’naħfirlek,” wieġbet Elisabeth. “L‑importanti li erġajt ġejt lura.”

F’qasir żmien dwew it‑trombi b’sinjal li l‑kompetizzjoni kienet se tibda. Wieħed wara l‑ieħor, l‑ifirsa warrbu x‑xwabel tagħhom u qabdu l‑arpi, sellmu lir‑re, u bdew l‑għana. Wieħed minn dawn l‑ifirsa kien Wolfram von Eschenbach, ħabib tal‑qalb ta’ Tannhauser.

Is‑suġġett tal‑kompetizzjoni kellu jkun “L‑Imħabba Sinċiera”, u dak il‑fieres li kellu l‑ħila jgħanni spirtu pront l‑aħjar għanja dwar dan is‑suġġett, seta’ jagħżel dak li jixtieq bħala premju. Mess lil Wolfram jgħanni l‑ewwel, u b’vuċi soda u sabiħa, kanta dwar l‑unur u d‑devozzjoni sinċiera.

Wara dan, kien imiss lil Tannhauser li jkanta. U kulħadd baqa’ skantat hekk kif Tannhauser beda jgħanni dwar xewqat personali, minflok imħabba bla qies lejn ħaddieħor. Li ħadd ma kien jaf—lanqas Tannhauser innifsu—kien li l‑fieres kien għadu maħkum mis‑seħer ta’ Venere.

Kulħadd beda jgerger, u xi wħud saħansitra qamu rrabjati. Fl‑aħħar, wieħed mill‑għannejja l‑oħra qam bilwieqfa.

“Dak li qed tkanta hija mħabba falza,” qal lil Tannhauser. “Lilek ma rridux nisimgħuk tgħanni aktar.”

Iżda Tannhauser ma tax kas l‑għagħa li qajjem madwaru, u baqa’ jgħanni bħallikieku ma ġara xejn. Dan għaddab lill‑udjenza aktar, tant li fl‑aħħar l‑għannejja kollha qamu għalih.

“Dak kien f’Venusberg, u huwa maħkum mis‑saħħara l‑ħażina!” bdew jakkużawh. Minnufih, reġgħu ħatfu l‑armi tagħhom. “Jixraqlu l‑mewt!”

Il‑prinċipessa f’ħakka t’għajn qamet minn fejn kienet u waqfet quddiem Tannhauser biex tħarsu mix‑xwabel tal‑ifirsa.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Il‑Pellegrinaġġ lejn Ruma

“Qiegħda nordnalkom biex titilqu x‑xwabel tagħkom,” għajtet Elisabeth. “Jekk tassew huwa maħkum mis‑seħer ta’ Venusberg, se toqtluh waqt li għad għandu d‑dnub f’qalbu?”

“Dak xejjen l‑unur tal‑ifirsa,” qabeż wieħed mill‑għannejja. “Jixraqlu jmut!”

“Ma naċċettax li nisma’ dan il‑kliem minn dawk li warrbu x‑xabla biex iħaddnu l‑arpa,” kompliet Elisabeth.

Kien hawn li fl‑aħħar ir‑re ta l‑fehma tiegħu. “Ma nippermetti l‑ebda qtil fil‑palazz tiegħi,” lissen. “Madankollu, Tannhauser, għandek bżonn issalva ruħek. Mur Ruma u itlob maħfra lill‑Papa. Għadd ta’ pellegrini qegħdin jippreparaw biex jitilqu għal Ruma llejla. Mur magħhom.”

Dak il‑lejl, Tannhauser telaq flimkien mal‑pellegrini.

Għaddiet sena, u reġa’ wasal iż‑żmien meta l‑pellegrini kienu mistennija jiġu lura Wartburg. U matul dik is‑sena sħiħa, il‑Prinċipessa Elisabeth marret quddiem is‑salib tal‑ġebel li kien quddiem tal‑palazz u talbet għal Tannhauser.

U kien waqt li kienet għarkopptejha quddiem is‑salib, flimkien ma’ Wolfram, li semgħu fil‑bogħod l‑għanja tal‑pellegrini li kienu waslu lura minn Ruma. Malli qorbu, kollha kienu jidhru kuntenti, għaliex issa qalbhom kienet ħielsa mid‑dnubiet tagħhom.

Iżda Elisabeth intebħet li Tannhauser ma kienx magħhom. B’qalbha maqsuma, il‑prinċipessa marret f’kamritha. Hekk kif Wolfram raha titlaq, siekta, qalbu ħebbritu li ma kienx se jerġa’ jaraha ħajja. Wolfram baqa’ jitnikker maġenb is‑salib sakemm dalam. Fis‑sema lemaħ kewkba tiddi aktar mill‑oħrajn, u fehem li ruħ Elisabeth issa kienet telgħet hemm fuq, fis‑smewwiet. B’qalbu maqsuma, beda jkanta l‑għanja “Il‑Kewkba fil‑Għabex”.

Iżda bilkemm laħaq spiċċa l‑għanja li ma rax pellegrin riesaq lejh, bi lbiesu kollha mtertqin. Kien Tannhauser, u kien ġie lura bi storja ta’ qsim il‑qalb; storja li beda jirrakkonta lil Wolfram.

Meta l‑Papa kien sema’ li Tannhauser kien mar Venusberg, kien irrifjuta li jaħfirlu.

“Għalhekk, ħabib,” Tannhauser spiċċa l‑ġrajja tiegħu, “jien issa ninsab misħut għal dejjem.”

Għolla bastun li kien qiegħed iżomm. “Se nibqa’ misħut sakemm ma jinbtux fjuri minn dan il‑bastun.”

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Il‑Paċi fl‑Aħħar

“Tama waħda biss għad għandi,” kompla jgħid lil Wolfram. “Ladarba d‑dinja mhix se tilqagħni aktar, ikolli mmur lura Venusberg u nitlob lil alla Venere tgħinni hi.”

Għolla rasu lejn is‑sema, u sejjaħ lil Venere b’vuċi għolja.

Minnufih, id‑dlam tal‑għaxija għeb taħt dija roża qawwija, li tfaċċat bejn il‑qċaċet tal‑muntanji u niżlet dritt fejn saqajhom.

F’dik id‑dija bdew jidhru x‑xbihat ta’ ħafna tfajliet, li bdew isejħu lil Tannhauser imur magħhom. F’daqqa waħda tfaċċat Venere stess quddiemhom; dehra ta’ sbuħija u fl‑istess ħin ta’ waħx.

Tannhauser dar lejn il‑ħabib tiegħu. “Sliem għalik, ħabib,” qallu. “Issa hemm bżonn li titlaqni inti wkoll.”

“Ħares!” qabeż Wolfram, imbikkem. “Nieżel anġlu mill‑ġenna biex jeħilsek.” Ipponta lejn purċissjoni oħra ta’ dawk li kienu jidhru pellegrini resqin lejhom.

Iżda malli qorbu, iż‑żewġt iħbieb raw li n‑nies kienu qed iġorru ġisem mejjet magħhom fuq katalett. Kien il‑ġisem ta’ Elisabeth. Wolfram waqqaf il‑purċissjoni, u Tannhauser niżel għarkopptejh maġenb Elisabeth.

“Elisabeth,” lissen b’leħen miksur, “anġlu fis‑sema, itlob għalija.”

Kien hemm mument ta’ skiet perfett. Iżda ma damx wisq, għax il‑vuċi ta’ Wolfram dwiet mistagħġba. “Ħares, Tannhauser!” għajat. “Mill‑bastun tiegħek qed jinbtu l‑fjuri! Dak sinjal li dnubietek huma maħfurin!”

Kien mument ta’ ferħ tant qawwi, li kiser qalb Tannhauser. Mingħajr ebda kelma, inxteħet fuq il‑ġisem ta’ Elisabeth. U Wolfram fehem mill‑ewwel li l‑Fieres tal‑Għana kien mar jingħaqad mal‑maħbuba tiegħu, kuntent li kienet salvatlu ruħu.

***** ***** stat_3 ***** *****

TMIEM

Noti

Fieres: Kelma oħra għal kavallier, suldat li kien jiġġieled fuq iż‑żiemel. [Lura]

Katalett: Speċi ta’ barella li fuqha jġorru nies feriti jew mejtin. [Lura]

Spirtu pront: Meta toħloq għanja f’dak il‑waqt, mingħajr ma tippreparaha qabel. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****