Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 1,100 kelma
Merlin Publishers (2025)
Din hija silta qasira mill-ktieb It-Torri l-Griż miktub minn Norman C. Borg u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Sibt minnhom ċempel it‑telephone fuq tavolina fil‑kurutur f’xi s‑sebgħa ta’ filgħodu u qajjimni. Bqajt imgezzez taħt friexi hekk kif smajt lil missieri jwieġeb.
“Agius hawn. Min inti?” staqsa missieri. Billi kont għadni bi ngħas u l‑bieb ta’ kamarti kien magħluq, bilkemm kont qed nisma’ sew.
“Kif? Ma fhimtx!” kompla missieri.
Ftit sekondi wara smajtu jpoġġi r‑riċevitur f’postu u jgerger xi ħaġa li ma qbadthiex. Tqallibt fis‑sodda u għattejt rasi bl‑imħadda, forsi għajni terġa’ tmur bija u norqod ftit minuti oħra qabel ma tiġi ommi tgerger biex inqum.
“Min kien, Henry?” smajtha ssaqsi mill‑istudju tagħha taħt it‑taraġ.
“Ma nafx. Ma qalitx,” wieġeb missieri. “Xi tifla li m’għandhiex x’tagħmel dalgħodu. Bdiet tgħid li l‑patata l‑forn inħarqet. Ma qalet xejn aktar u qatgħet.”
Malli jien, minn ġo kamarti, imgezzez komdu komdu taħt dak il‑friex, smajt lil missieri jgħid dan, kien bħallikieku xi ħadd waddabli barmil ilma kiesaħ f’wiċċi, għax qomt b’salt, u n‑ngħas li kelli tarli kollu.
Il‑patata l‑forn inħarqet! Il‑patata l‑forn inħarqet!!
Qbiżt minn ġos‑sodda u bdejt nilbes malajr kemm jista’ jkun.
Għax għandek tkun taf li il‑patata l‑forn inħarqet kien messaġġ sigriet li stajna nifhmu biss jien u seħibti Brianna. U jekk Brianna ċemplitli fis‑sebgħa ta’ filgħodu b’dak il‑messaġġ, sinjal li kien inqala’ xi każ.
Kelli nilbes is‑slipper darbtejn, għax, l‑ewwel darba, fil‑fixla, ilbistu bil‑maqlub. Inżilt it‑taraġ tlieta tlieta. Dħalt fil‑kċina mingħajr ma tajt l‑għodwa t‑tajba lil ħadd. Il‑bajda mgħollija kiltha f’belgħa waħda, it‑toast fi tnejn. It‑te kien għadu jaħraq wisq, għalhekk ma xrobtux.
“Jien ħiereġ, ma!” għedt hekk kif ħriġt sparat mill‑kċina u bilkemm ma tajjartx lil oħti.
“Fejn, Karl?” għajtet ommi.
“Is‑soltu. Nilgħab il‑futbol mal‑ħbieb,” weġibt jien minn ħdejn il‑bieb ta’ barra. Ġbidt il‑bieb warajja u qsamt għan‑naħa l‑oħra tat‑triq. Kont għoddni dort il‑kantuniera meta smajt lil missieri jgħajjat mit‑tieqa.
“Sejjer tilgħab il‑futbol mingħajr ballun?!”
Moħħ il‑ballun kelli! Seħibti Brianna Cassar fl‑iskola kienet magħrufa bħala l‑ġenju1. Fl‑iskola kienet tiġi l‑ewwel f’kollox — lingwi, somom, xjenza u x’naf jien. Id‑dar kellha kamra sħiħa kollha kotba, u kull meta ma kienx ikollha x’tagħmel, kont issibha taqra hemm.
Xi sena qabel kienet qaltli li riedet twaqqaf miegħi għaqda ta’ investigaturi privati biex nippruvaw insolvu każijiet ta’ serq fil‑belt tagħna jew fl‑iskola. Iżda sa dak iż‑żmien qatt ma kien inqala’ każ xi nsolvu.
L‑għaqda tagħna kienet sigrieta. Ħadd ma kien jaf biha ħliefna t‑tnejn, lanqas il‑ġenituri tagħna stess2. Għalhekk konna ddeċidejna li nagħmlu messaġġi sigrieti li konna nkunu nistgħu nifhmu aħna biss — bħal tal‑patata l‑forn, insomma.
Bħala għaqda sigrieta kellna wkoll il‑moħba sigrieta tagħna — għar imwarrab li Brianna kienet sabet xi ftit żmien qabel viċin l‑irdumijiet ta’ Wied Ħemda. Aktar milli għar, kienet speċi ta’ daħla żgħira, fonda biss daqs kamra tas‑sodda mdaqqsa. U ’l hemm kont sejjer bil‑ġirja dak is‑Sibt filgħodu.
Malli wasalt, sibt li Brianna kienet diġà waslet qabli. Il‑bieb tal‑injam li konna bnejna biex jagħlaq id‑daħla tal‑għar kien imsakkar minn ġewwa3.
Ħabbatt bħas‑soltu — tok tok tok, toktoktok.
Leħen Brianna weġibni minn ġewwa.
“Kif kien it‑temp is‑sena l‑oħra?”
“Mirżuħ f’Awwissu u jikwi fi Frar,” weġibt jien pront pront.
“Kollox sew.” Brianna fetħet il‑bieb u ħallietni nidħol.
Għax Brianna kienet magħmula hekk. Kienet iffissata fuq ir‑rumanzi tad‑detectives u d‑007. Din tat‑temp kienet l‑idea tagħha għall‑password biex min ikun ġewwa ma jdaħħalx xi barrani bi żball. Niftakar li l‑ewwel darba li konna użajnieha kont weġibt ħażin għall‑mistoqsija tagħha, u kienet ħallietni barra nofstanhar qabel ma tajt tweġiba tajba u daħħlitni — u dan minkejja li kienet għarfet leħni!
Dħalt bla nifs, għax kont ħadtha bil‑ġirja mid‑dar.
“Xi nqala’?” staqsejtha mal‑ewwel.
“Ikkalma, Karl,” weġbitni b’dik il‑kalma tagħha. “L‑ewwel ħaġa nixtieq navżak li wasalt minuta u tlieta u għoxrin sekonda tard.”
“Ma bsartx li se ċċempilli daqshekk kmieni!” ipprotestajtilha. “Lanqas it‑te ma ħallejtni nieħu bil‑kwiet! U x’fettillek ma ċempiltlix fuq il‑mowbajl?”
U bħas‑soltu, Brianna ma ħallitlix waħda tgħaddi. Ħarset lejja minn fuq in‑nuċċali li kellha m’għajnejha. “L‑ewwel nett għandek il‑mowbajl mitfi jew mhux iċċarġjat, ħmar. U anki jekk ma ħadtx te, il‑bajda u l‑ħobż ħadthom żgur.”
Il‑biċċa tal‑mowbajl ħallejtha tgħaddi, għax fil‑fatt fakkritni li kont deffistu fil‑but mingħajr ma ċċarġjajtu qabel ħriġt mid‑dar. Imma kont kurjuż bil‑biċċa tal‑bajda u l‑ħobż. “Fejn taf?” staqsejtha mistagħġeb.
“Mar‑rokna ta’ xofftejk għandek farka rqiqa tal‑isfar tal‑bajd,” spjegat Brianna. “U ma’ wiċċek għandek il‑butir imċappas. Qed nara li kilt bil‑għaġla u lanqas biss użajt sarvetta.”
Malli qaltli hekk għollejt idi awtomatikament u msaħt ħalqi mal‑komma tal‑qmis4.
“Issa li osservajt kollox,” komplejt jien ftit irritat, “tista’ tgħidli għalfejn ġibtni hawn daqshekk kmieni?”
“Taf li missieri rama teleskopju fuq il‑bejt tagħna?” bdiet Brianna.
“Iva, naf.”
“U taf li jiena togħġobni l‑astronomija.”
“Hemm xi ħaġa li ma togħġbokx?” komplejtilha jien.
Ma tatx kas il‑kumment. “Tajjeb. Ilbieraħ filgħaxija bdejt nużaha biex nosserva xi stilel …”
“… U rajt xi aljeni jxejrulek minn fuq ilqamar,” qtajtilha jien biex noħodha biċ‑ċajt.
“Le. Isfel, viċin l‑irdumijiet.”
“Kif? Rajt xi aljeni jxejrulek mill‑irdumijiet!?” għajjatt jien b’għajnejn imberrqin.
“U le, x’aljeni, ħallik miċ‑ċajt,” qabżet Brianna, kemxejn irritata. “Isserja ftit!”
“Kollox sew. Issa qiegħed serju,” weġibt pront pront.
“Ġibduli l‑attenzjoni xi dwal li rajt xi mkien fil‑Wied. Bit‑teleskopju stajt nara mill‑bogħod mhux ħażin.”
“X’rajt?”
“Id‑dwal kienu ġejjin mit‑Torri l‑Griż.” Qalbi għamlet tikk. It‑Torri l‑Griż. “Dan mhux każ għalina,” lissint bil‑ħatfa.
“Għaliex?” staqsietni, bħallikieku ma kien hemm xejn barra mis‑soltu.
“Għaliex?!” tennejt. “Kulħadd jaf li dak ittorri ilu mwarrab mijiet ta’ snin u mimli daqs bajda b’kull ħares daqsiex, u tiġi ssaqsini għaliex?!”
“Mhu veru xejn. Taf li mhux veru li hemm l‑erwieħ hemm ġew. Dawk kollha ħrejjef.”
Jekk Brianna kienet iddaħħal xi ħaġa f’rasha, ħadd ma kien ineħħihielha kif ġieb u laħaq. Miskin jien li ppruvajt nikkonvinċiha li t‑torri kien perikoluż. Kemm tisma’ ġebla? Daqshekk semgħetni Brianna.
“Hemm bżonn immorru naraw hemmx xi ħadd fih,” qaltli.
“Għalfejn? Forsi ġejjin joqogħdu xi nies hemm. Xi barranin li jixtiequ jibdew joqogħdu hawn Malta u xtraw il‑post.”
“Dan l‑aħħar smajt lil ommok jew xi ġirien jitkellmu dwar dan?” staqsietni.
Kellha punt. “Le,” kelli nammetti. Bilfors kien hemm xi raġuni oħra5.
Imma jien ma kontx kuntent. It‑Torri l‑Griż kien biss xi kilometru ’l bogħod mill‑moħba tagħna. Kien hemm ħafna stejjer dwar dan it‑torri, u kollha kellhom x’jaqsmu ma’ xi iħirsa jew xi erwieħ. F’dak il‑mument bdejt inġib quddiem għajnejja dawk l‑istejjer kollha tal‑waħx.
Hemm il‑ġrajja tal‑kavallier bla ras, li kien ġie maqtul fit‑torri u li sal‑lum jgħidu li għadu hemm ġew ifittex rasu. Meta kont żgħir kont noħlom bih u b’dik l‑imbierka ta’ ras.
Hemm l‑istorja tal‑qattus l‑iswed b’għajnejh ħomor nar, li min iħares lejh isir qattus bħalu. Fil‑fatt hemm min jgħid li minħabba f’hekk it‑torri mimli qtates — imma qatt ma interessajt ruħi nara kienx veru jew le.
Hemm imbagħad l‑istorja tar‑ruħ b’saqajha kollha kallijiet u li tibda twaħwaħ bl‑uġigħ f’nofsillejl preċiż.
Insomma, hemm stejjer oħra dwar it‑ Torri l‑Griż, imma dawn it‑tlieta kienu diġa biżżejjed biex iġegħluni ma nersaq qatt lejn dak l‑imniefaħ ta’ post.
“Brianna, jien mingħalija li l‑għaqda tagħna hija għaqda ta’ detectives, mhux il‑klikka ta’ Scooby Doo!”
Imma naturalment dak ma kienx argument sod biżżejjed biex iċaqlaq id‑deċiżjoni ta’ Brianna. Baqgħet siekta hekk kif rabtet ix‑xagħar iswed tuta li kellha wara rasha u tefgħet fi affarijiet ġo barżakka.
Għalhekk, meta tlaqna mill‑moħba tagħna u bdejna mixjin lejn it‑torri, imsarni bil‑qajla bdew niżlin lejn saqajja.
1 Jekk ma tafx il‑kelma xi tfisser, m’intix ġenju! Fittixha fid‑dizzjunarju! [Lura]
2 Speċjalment il‑ġenituri tagħna! [Lura]
3 Kull għaqda sigrieta għandha bżonn il‑moħba sigrieta tagħha, u din għandha tkun imsakkra tajjeb. Fil‑każ tagħna kellna nagħlquha sew għax il‑klieb ġerrejja u l‑qtates tal‑inħawi kienu jimlewhielna pipì u kokò. Ma rridx niftakar l‑intiena taqsam li kien hemm l‑ewwel darba li dħalna fil‑moħba qabel ma bdejna nnaddfuha ... [Lura]
4 Ommi kemm‑il darba tgħidli biex ma nużax il‑komma tal‑qmis bħala sarvetta jew (oħroġ aktar il‑għaġeb) bħala maktur. Imma ġeneralment dik l‑eqreb ħaġa li jkolli! [Lura]
5 Neħduha bħala regola ġenerali li n‑network ta’ ġirien hija l‑aktar font ta’ informazzjoni effiċjenti u immedjata għal dawk l‑inħawi. Lanqas il‑ġurnali ma jlaħħqu magħha. Minn dak li nisimgħu m’għand sħabna l‑iskola, jidher li f ’kull raħal u belt jeżistu dawn in‑networks. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Poeżija | Rumanzi Klassiċi | Storja