Avventura | Fantasija | Letteratura għat-tfal

Kitba ta’ Patrick Sammut
Madwar 1,400 kelma
Horizons (2020)

Din hija silta qasira mill-ktieb Ix-Xwejjaħ tal-Ġugarelli u Stejjer Oħra miktub minn Patrick Sammut u ppubblikat minn

Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

Il‑Ġurdien tal‑Imramma Makakk

Iz‑zija Żarena kienet waħda minn dawk li fl‑antik kienu jaħżnu l‑ikel ġo kamra apposta fejn ma kienx ikun hemm la ħafna sħana u lanqas umdità. Dak kien żmien meta l‑imberkin fridges u freezers kienu għadhom ma ġewx ivvintati, u b’hekk missirijietna u ommijietna kellhom mod ieħor kif jaħżnu l‑ikel tagħhom.

Din il‑kamra speċjali taz‑zija Żarena kienet tinsab fuq in‑naħa ta’ ġewwa tad‑dar tagħha. Ġewwa kienet armata b’għadd ta’ xkaffi tal‑injam li fuqhom kont issib il‑barka ta’ Alla. Kien ikollha maħżunin ġobon ta’ kull tip, ħobż, laned tal‑bulubif u tal‑lanċimmit, xkejjer tad‑dqiq u taz‑zokkor, vażetti bil‑basal tal‑pikles, bit‑tadam imqadded, bil‑kappar u biż‑żebbuġ, u ħafna iktar. Imbagħad kien ikollha wkoll bħal grampuni mas‑saqaf li magħhom kien ikun hemm imdendlin qfieli differenti li magħhom kien ikun hemm imwaħħla zliezet ta’ kull tip u daqs. Hemm ġewwa kien kollox nadif u pulit, u dan biex iz‑zija Żarena taċċerta ruħha li l‑ikel tagħha jkun dejjem mill‑itjeb. Il‑kamra kienet tingħalaq b’bieb oħxon tal‑injam mastizz li hija kienet issakkar b’muftieħ kbir minn dawk li llum ftit għadna naraw.

Ġara li fid‑dar tagħha z‑zija Żarena ma kinitx waħedha. Bla ma taf kellha lil xi ħaddieħor joqgħod magħha. Kien ġurdien tal‑imramma li minn xi xhur qabel kien jgħix ġo toqba mwarrba qrib il‑kamra fejn iz‑zija Żarena kellha l‑maħżen tal‑ikel. Ġiġi, il‑ġurdien tal‑imramma, kien ilu li xamm xi ħaġa u għalhekk għal ġimgħat sħaħ kien joqgħodilha attent biex jistudja kull mossa li tagħmel. Ġiġi kien ġurdien makakk u kien jaf li jekk jidħol fil‑maħżen tal‑ikel u jingħalaq hemm ġewwa jkun qed iqiegħed rasu taħt mannara. Għalhekk kien tgħallem li bis‑sabar u bl‑attenzjoni wieħed seta’ jasal għat‑tir ta’ moħħu xorta waħda bla ma jweġġa’ jew iqiegħed ħajtu fil‑periklu.

Ta’ kuljum Ġiġi kien jistenna liz‑zija Żarena tmur torqod fil‑kamra ta’ fuq. Wara kien joħroġ mit‑toqba tiegħu inkiss inkiss u bi snienu ppuntati kien jiekol bil‑mod il‑mod waħda mill‑irkejjen tal‑bieb oħxon tal‑injam li kien jifirdu minn dak l‑ikel kollu. Ġiġi kien minn ħafna qabel xamm li hemm ġewwa l‑maħżen kien hemm kwantità kbira ta’ ġobon, u kulħadd jaf x’ma jagħmilx ġurdien biex jakkwista biċċa ġobon tajba!

Lejl wara lejl Ġiġi kien igerrem iktar ’il ġewwa fl‑injam tal‑bieb sakemm darba minnhom huwa rnexxielu jgħaddi għan‑naħa l‑oħra u jidħol f’dik il‑ġenna fejn kien hemm l‑ikel kollu li xtaq. Il‑jiem kienu jgħaddu bla ma z‑zija Żarena għaddielha l‑iċken dubju minn moħħha dwar dak li kien qed iseħħ matul il‑lejl fil‑maħżen tal‑ikel. Ġiġi kien ta’ kuljum jistennieha titla’ torqod u ftit wara erħilu jgħaddi mit‑tqajba ġewwa l‑bieb u jiekol xi biċċa ġobna minn dawk li kellha fuq in‑naħa ta’ wara tal‑ixkaffi, jew inaqqar ftit zokkor minn xkora li fiha kien taqqab toqba bilkemm tidher. Ġieli gerrem xi biskuttell jew xi galletta. Ġiġi kien moħħu jilħaqlu u għalhekk kien dejjem jiekol mill‑ikel li kien hemm fuq wara ħalli kemm jista’ jkun ma jagħtix fil‑għajn.

Imma ġara li dan il‑perijodu ta’ abbundanza u glorja bla inkwiet ta’ xejn ma tantx dam. Jum minnhom iz‑zija Żarena indunat li fil‑maħżen tagħha kien daħal xi xifajk żgħir! Kemm irrabjat u kemm sabbtet fuq il‑mejda tal‑ikel! Hija ħalfet li ma tħallihilux għaddejja lixxa, għalkemm ma skoprietx minn fejn kien qed jidħlilha. It‑toqba li kien gerrem fil‑bieb bilkemm kienet tidher.

L‑ewwel ħsieb li ġieha f’moħħha kien li tagħmel għadd ta’ nases. Imma Ġiġi kien ġurdien xiħ, minkejja li kien għadu lanqas għalaq sena. Kien jaf li n‑nases kienu ta’ periklu għalih u għalhekk ma kienx jersaq lejhom. Kien hemm wisq ikel bnin fil‑maħżen biex iħalli t‑tentazzjoni tal‑ikel tan‑nases tirbaħlu.

Meta z‑zija Żarena rat li n‑nases ma kinux qed jaħdmu u l‑ikel kien qed jonqos xorta waħda, ħasbet f’li ġġib qattus. U hekk għamlet! L‑għada ġabet dan il‑qattus lewn iswed li kont trid seba’ għajnejn biex tammirah. Kellu għajnejh mill‑isbaħ u l‑vantaġġ li fid‑dalma tal‑lejl ftit kien jidher. Għalhekk iz‑zija Żarena serrħet rasha li t‑tmiem tal‑ġurdien ħalliel kien fil‑qrib. Ma kinitx taf li l‑qattus li daħħlet ġo darha kien għażżien kbir.

Hekk ġara li matul l‑ewwel lejl, minflok qagħad jgħasses għall‑ġurdien ħalliel, l‑Iswed ittewweb waħda, sab qagħda komda fuq il‑pultruna, u raqad il‑lejl kollu. U Ġiġi għamel fattih bħal kull lejl ieħor.

Dak li seħħ il‑jum ta’ wara malli z‑zija Żarena indunat li l‑ġurdien xorta kien daħal fil‑maħżen u kompla jnaqqar mill‑ikel tagħha, l‑Iswed ma nesiehx faċilment. Ħamra nar bir‑rabja, iz‑zija Żarena ħarġet mill‑maħżen, ġriet direttament għall‑ixkupa li kellha f’rokna fil‑qrib u tgħidx kemm waħħlitlu lill‑Iswed. “Int x’qattus inti?!” bdiet tgħajjat filwaqt li tfajjarlu bl‑ixkupa. “Mela jiena ġibtek f’dari biex tiekol u torqod, ja kaxxa għażż!” reġgħet qaltlu filwaqt li faqqgħetlu daqqtejn oħra bl‑ixkupa.

Għall‑Iswed din kienet battikata li qatt ma stennieha! Mid‑dar‑toqba tiegħu, Ġiġi l‑ġurdien tal‑imramma tgħidx kemm daħak. Fehem, imma, li l‑lejl li kien ġej kien se jkun iktar diffiċli għalih biex jidħol fil‑maħżen bla ma jinqabad mill‑qattus. Għalhekk beda jaħseb x’jista’ jagħmel.

Wasal lejl ieħor u bejn ix‑xebgħa li kien qala’ u bejn li z‑zija Żarena kienet ħallietu bil‑ġuħ, l‑Iswed ma għalaqx għajn ma’ għajn. Ħalef li jaqbad lill‑ġurdien u jieklu biex ma jkollux iktar battikati. Imma Ġiġi kien iktar makakk minnu.

Matul il‑jum il‑ġurdien ħadem ġurdien‑pupazz bis‑suf li kien ġema’ matul il‑ġimgħat u rabtu ma’ qafla ftit twila. Imbagħad, sakemm l‑Iswed kellu għajnejh imwaħħlin fuq il‑bieb tal‑maħżen tal‑ikel, Ġiġi ħareġ inkiss inkiss u mar iwaħħal il‑ġurdien pupazz ġo post prominenti fil‑kċina faċċata, qrib dawl li z‑zija Żarena kienet tħalli jnemnem matul il‑lejl. Hekk meta d‑dawl kien jolqot lill‑ġurdien‑pupazz kien iħalli dell kbir fuq il‑ħajt qrib u dan kien bħal dak ta’ ġurdien jiċċaqlaq donnu ta’ veru!

Kif lesta din il‑biċċa xogħol, Ġiġi għamel ħoss ċkejken biex jiġbed l‑attenzjoni tal‑Iswed u minnufih telaq jiġri lejn it‑toqba tiegħu. L‑Iswed iddritta widnejh malli sema’ l‑ħoss u telaq jiġri lejn il‑kċina. Kemm ikkonfonda malli lemaħ id‑dell tal‑ġurdien fuq il‑ħajt! Beda jaqbeż u jogħla mal‑ħajt, jipprova jaqbad id‑dell, u kien żmien twil wara li induna minn fejn kien ġej dak id‑dell. Għall‑ewwel ħaseb li l‑ġurdien‑pupazz kien ta’ veru u tgħidx kemm qabeż u ssara miegħu. Imma meta għaraf li anki dan ma kienx ta’ veru, Ġiġi kien ilu li lesta minn dak li kellu jagħmel fil‑maħżen tal‑ikel.

It‑tieni jum għall‑Iswed ma kienx differenti mill‑ewwel wieħed. Tgħidx kemm ġriet warajh iz‑zija Żarena bl‑ixkupa, u tgħidx kemm fajritlu biha! “Ara x’se tagħmel bil‑ġurdien ħalliel illejla għax b’rasek idur!” qaltlu z‑zija Żarena bir‑ragħwa ħierġa minn ħalqha. L‑Iswed kellu sufu mqajjem xewk xewk u denbu dritt jipponta ’l fuq bil‑biża’ li kien ħass u l‑qatgħa li kien ħa. Fehem li kliem iz‑zija Żarena mhux lakemm tieħdu biċ‑ċajt. Għalhekk reġa’ daħħalha f’moħħu li l‑lejl li jmiss joqgħod attent ħalli jitfi x‑xemgħa tal‑ġurdien ħalliel darba għal dejjem.

Matul il‑lejl, l‑Iswed qagħad b’seba’ għajnejn ħalli jara li l‑ġurdien ma jersaqx lejn il‑bieb tal‑maħżen tal‑ikel. Imma x‑xebgħa li kien qala’ għat‑tieni darba u l‑ġuħ ta’ jumejn li kellu ma għenuhx ħafna miskin. Għalkemm għamel minn kollox biex jibqa’ mqajjem, għajnejh bdew jingħalqu kull tant żmien. Il‑ġuħ tant għamel bih li s‑sens tax‑xamm tiegħu bħal issaħħaħ u bħal beda jaqbad riħa partikolari. Kienet riħa ta’ perżut frisk u din kienet ġejja mill‑kċina.

L‑Iswed tant kellu ġuħ li fl‑aħħar iddeċieda jħalli l‑għassa għal ħin qasir biex imur jara minn fejn kienet ġejja dik ir‑riħa hekk tajba. Malli daħal fil‑kċina lemaħ biċċa perżut imdaqqsa mdendla mas‑siġġu. Kemm feraħ l‑Iswed malli raha! Nesa l‑għassa u mar jiekol dik il‑biċċa laħam tfuħ.

Minn fejn kienet ġiet dik il‑biċċa perżut? Kien Ġiġi li l‑lejl ta’ qabel kien ġabha miegħu mill‑maħżen tal‑ ikel u ftit qabel dak il‑lejl dilikha b’likwidu speċjali u dendilha mas‑siġġu tal‑kċina. Il‑likwidu li biha kien dilikha kellu riħa qawwija ta’ laħam, imma kien iraqqad lil dak li jkun malli jinbela’. Hekk ġralu l‑Iswed wara li kiel il‑biċċa perżuta. Kuntent u żaqqu mimlija, beda jittewweb waħda wara l‑oħra u raqad hemm stess taħt is‑siġġu fil‑kċina. Sadanittant, Ġiġi l‑ġurdien tal‑imramma għamel festa oħra fil‑maħżen tal‑ikel.

Kemm għajtet u sabbtet iz‑zija Żarena malli l‑għada filgħodu daħlet fil‑kamra fejn kien hemm maħżun l‑ikel u fehmet li l‑ġurdien ħalliel kien reġa’ għamel waħda minn tiegħu! Din id‑darba tant kienet irrabjata li fetħet il‑bieb ta’ barra u b’daqqa waħda ta’ xkupa tefgħet lill‑Iswed ’il barra. Qaltlu, “Ara ma terġax tersaq ’l hawn ladarba m’intix kapaċi taqbad ġurdien tal‑imramma!”

Din id‑darba z‑zija Żarena ħaddmet rasha. Ħasbet li jkun ħafna aħjar kieku hi u l‑ġurdien tal‑imramma jsiru ħbieb. Hekk ma jkollhiex għalfejn titma’ lill‑ebda qattus, u l‑ġurdien ma jkollux għalfejn iħarbtilha l‑maħżen tal‑ikel. Ta’ kuljum iz‑zija Żarena kienet tħalli biċċa ġobon u ftit ħobż iebes (kif kien iħobbu Ġiġi, ħalli jkun jista’ jgerrmu). Daqqiet oħra kienet tħallilu xi biċċa perzut, dejjem flimkien ma’ xi naqra ħalib jew ilma. Hekk kemm iz‑zija Żarena kif ukoll Ġiġi l‑ġurdien tal‑imramma gawdew ċerti vantaġġi, bdew jagħmlu kumpanija lil xulxin u għexu dejjem kuntenti u ferħanin.

***** ***** stat_3 ***** *****

Kapitlu 2
Pjanijiet u Preparamenti

Issa kelli seba’ mitt sena sakemm niftiehmu meta konna se mmorru. Imma ma tantx domt fuq ix‑xwiek.

“Min jaf li kieku mmorru s‑Sibt li ġej?” irċevejt messaġġ mingħand Mandy dakinhar filgħaxija stess.

Għal mument bħal tfixkilt, sakemm indunajt li dakinhar kien għadu t‑Tlieta. Għalhekk kien għad fadal żmien biżżejjed biex nara x’kont se nilbes u x’affarijiet kelli nieħu miegħi, u fuq kollox, sakemm nitlob il‑permess tal‑ġenituri tiegħi.

“X’jiġifieri? Se tmorru żewġ tfajliet waħedkom? Daqskemm hu diżabitat u ’l bogħod min‑nies hemm fuq! Issa jekk jiġrilkom xi ħaġa kif se nilħqukom?” Bħas‑soltu dik il‑lejla ommi tgħidx kemm bdiet iġġib id‑dinja fit‑tarf waqt li konna qegħdin nieklu!

“U mhux kemm iċemplulna u mmorru għalihom, Pat?” kien pront irrispondieha minfloki missieri, filwaqt li tani tegħmiża ħelwa huwa u jlaqqat l‑aħħar ftit gravy mill‑platt b’biċċa ħobż tal‑Malti. “Dawn illum kullimkien bil‑mowbajl ikunu, tafx, mhux bħalma konna aħna, ridna noqogħdu nfittxu xi kaxxa tat‑telefown bil‑muniti.”

“Xi tridu jinqalgħalna, ma? Lanqas li ma nafux sew, jien, hemm fuq, daqskemm morna kollha flimkien!” għedtilha biex nipprova nserrħilha ftit rasha.

“U fejn naf jien, daqskemm hemm beraħ u ftuħ! Ara ma tersqux fit‑tarf, li ma tmurx taqa’ xi ġebla bikom u tispiċċaw għal isfel … daqskemm hemm għoli …” baqgħet tgħid u tinkwieta għalina. “Mela dawn ħsibthom xi boloh, jew? Lanqas li mhumiex kbar biżżejjed! Issa għandhom ħmistax‑il sena u m’għadhomx ta’ subagħhom f’ħalqhom,” kompla jgħidilha missieri hu u jħawwad l‑essenza tal‑frawli mal‑ħalib biex itellgħu miegħu għal qabel jorqod.

“Isma’, ma nagħmlux mod li se tkunu ma’ xi ġuvintur, hux? Ara ma nkunx naf li int u Mandy qegħdin tagħmlu l‑ħmerijiet għax jien stess immur nugżaha ’l ommha, u daqshekk inħallik tiltaqa’ magħha! Fhimtni sew, hux?”

Kienet se tibda bil‑kantaliena tas‑soltu!

Jiena ħarist lejn missieri biex nitolbu jaqbeż xi ftit għalija, imma anki hu kellu ħarsa mqita u ta’ suspett. Ommi kien irnexxielha ddaħħallu d‑dubju. Imma meta jien xengiltlu tnejn rasi biex nurih li dan ma kienx minnu, tbissimli u rrispondieha.

“Veru li bintek issa m’għadhiex tifla żgħira, imma li kieku kellha toħroġ ma’ xi ġuvni, dment li jkun bil‑għaqal m’għandhiex għalfejn tiddejjaq tgħidilna. Mhux hekk?” staqsieni filwaqt li kien għadu jħares fiss f’għajnejja. Jien dak il‑ħin tbissimtlu lura, biex nurih li lili seta’ jafdani, u meta ra hekk …

“Mhux aħjar tilħaq taħsbilhom x’ikel se jieħdu magħhom nhar is‑Sibt, Pat? Għax dawn se jmorru minn filgħodu kmieni!”

“Min jaf li kieku nagħmlilkom erba’ bziezen bil‑bajd u l‑bejken għal filgħodu, torta tal‑irkotta bil‑ful għal nofsinhar u ftajjar bit‑tonn taż‑żejt, żebbuġ, kappar u basal tal‑pikles għal filgħaxija? Issa nixtrilkom żewġ boroż qagħaq tal‑ġunġlien u nagħmlilkom termos kafè kull wieħed, ħalli minn ħin għal ħin ikollkom xi tfittu. Lil Mandy għidilha li se naħsbilha għall‑ikel ma’ tiegħek, jien. Se nagħmel kollox doppju …”

U kienet tibqa’ sejra li kieku ma reġax iddeffes missieri.

“Jekk filgħodu se jwassalkom missierha, filgħaxija niġu għalikom aħna. Tajjeb hekk?” staqsieni.

“Iva, pa, tajjeb ħafna. Imma tridu tiġu għalina kemxejn tard, għax Mandy trid tieħu r‑ritratti tax‑xemx nieżla.”

Ommi kienet se terġa’ taqbad tgerger li konna se nkunu żewġ tfajliet waħedna f’dak id‑dlam kollu, u li huma kien se jkollhom idumu wisq barra u se jilħqu jegħjew … Imma missieri fakkarha li l‑għada kien se jkun il‑Ħadd u għalhekk ma kellhomx għaġla biex jorqdu għax ħadd ma kien għall‑iskola jew għax‑xogħol.

Waqt li ommi kienet qiegħda taħsel il‑platti b’ħuti jixxuttawhom warajha, jien intfajt niżbarazza l‑affarijiet li kien għad fadal fuq il‑mejda. Dak il‑ħin missieri ġie bil‑biċċa tal‑platti niedja biex jimsaħ wiċċ il‑mejda, resaq lejja u f’widinti fesfisli, “Morru u ħudu gost, għax iż‑żgħożija m’hawnx isbaħ minnha! Imma qisu li toqogħdu attenti mill‑periklu, għax aħna se nkunu moħħna fikom. Fhimt?”

Missieri veru li kien bniedem kalm u ta’ ftit kliem, imma l‑ftit li kien jgħid dejjem kien ikun għaqli u meqjus, biżżejjed biex iħallini naħseb u tassew noqgħod iżjed attenta ħalli ma nidħol f’ebda inkwiet.

Il‑fatt li kien jafdani għalija kien biżżejjed biex nagħmel ħilti, u b’hekk qatt ma jkollu għalfejn jitlef il‑fiduċja li kellu fija!

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Minżel: Il‑kelma ‘minżel’ ġejja mill‑verb ‘niżel’, u tfisser post minn fejn tinżel, bħal xi taraġ. [Lura]

Mistur: moħbi. [Lura]

Sies: qiegħ l‑irdum; ‘sies’ tfisser ukoll il‑pedament ta’ xi ħajt. [Lura]

Terriċċju: ħamrija u materjal ieħor dekompost tajjeb biex tkabbar il‑pjanti fih. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****