Fantasija | Ħrejjef tradizzjonali | Leġġendi

Ħrafa minn L-Iljieli Għarbin
Madwar 1,800 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Noti

Daħla

Ħadd ma jaf eżatt minn kiteb L‑Iljieli Għarbin. Il‑leġġenda tgħid li Xeħerażad, mart is‑Sultan tal‑Persja, bdiet tivvinta storja differenti għal kull lejl. Wara elf lejl, is‑Sultan kien sar iħobbha mhux biss għas‑sbuħija tagħha, imma wkoll għall‑għerf li kellha.

Għalkemm l‑istejjer kienu oriġinaw fi żmien l‑għaxar seklu, kien biss fit‑tmintax‑il seklu li saru popolari fl‑Ewropa, meta nqalbu mill‑Għarbi għall‑Franċiż għall‑ewwel darba.

L‑aktar stejjer famużi mill‑ġabra huma bla dubju ta’ xejn dawk ta’ Ali Baba, il‑baħri Sinbad u Aladdin, iżda hemm ħafna oħrajn daqstant interessanti. Din hija waħda minnhom.

***** ***** ***** ***** *****

Il‑Festa tal‑Ewwel tas‑Sena kienet l‑aktar waħda maħbuba u popolari fost il‑festi fil‑Persja, u kienet kważi qorbot lejn it‑tmiem. Raġel mill‑Indja resaq lejn ir‑re b’żiemel mogħni b’xedd mill‑isbaħ u mżejjen minn rasu sa saqajh. Dan ma kienx żiemel komuni, għax fil‑fatt ma kienx żiemel ta’ veru.

L‑Indjan għamel inkin quddiem ir‑re. “Sire,” lissen, “għalkemm wasalt tard għal dawn il‑festi, naċċertak li l‑għeġubijiet kollha li rajt f’dawn il‑jiem m’huma xejn ħdejn dan iż‑żiemel li qiegħed noffrilek.”

“Ma jien nara xejn speċjali fih,” wieġeb ir‑re. “Tassew huwa kopja eċċellenti ta’ żiemel veru, imma kull bniedem tas‑sengħa jista’ jagħmel wieħed.”

“Sire, mhix id‑dehra tiegħu l‑aktar importanti, iżda x’nista’ nagħmel bih. Kull ma għandi nagħmel hu li nirkbu u naħseb f’post speċjali, u joħodni hemm f’leħħa ta’ berqa, ikun kemm ikun ’il bogħod.”

Dan il‑kliem kattar l‑interess tar‑Re. Talab lill‑Indjan jirkeb iż‑żiemel, u pponta lejn il‑muntanja għolja li kienet qrib il‑palazz. “Mur ġibli werqa mis‑siġra li tikber taħt dik il‑muntanja,” qallu.

L‑Indjan rikeb iż‑żiemel u tbaxxa ’l quddiem fuq għonqu. Dawwar skorfina li kien hemm f’għonq iż‑żiemel. Minnufih iż‑żiemel qomos fl‑arja u tar lejn il‑muntanja b’tant ħeffa li n‑nies bilkemm setgħu jżommu għajnejhom fuqu. Fi ftit minuti, iż‑żiemel wasal lura, u l‑Indjan ta lir‑Re l‑werqa li kellu f’idu.

“Dan huwa tassew żiemel maraviljuż,” lissen ir‑Re, mistagħġeb. “Trid tbiegħu? Għidli l‑prezz.”

“Iż‑żiemel ma bnejtux jien,” wieġeb l‑Indjan. “Tahuli l‑inventur tiegħu bi tpartit ma’ l‑unika bint li għandi. Ġegħlitni nwegħedha li ma nitilqu qatt jekk mhux għal xi ħaġa li jkollha l‑istess valur. Għalhekk lest li nbiegħu jekk tħallini niżżewweġ lil bintek.”

In‑nies ta’ madwar ir‑Re stagħġbu bil‑wiċċ tost tal‑Indjan, u l‑Prinċep Firuż, bin ir‑Re, deher tassew rrabjat.

“M’iniex qed ngħid li qed naqbel,” lissen ir‑Re, “imma naħseb li tista’ tagħti ċans lil ibni jara personalment x’jista’ jagħmel iż‑żiemel.”

L‑Indjan għen lill‑Prinċep jirkeb iż‑żiemel, u wrieh kif seta’ jikkontrollah. Iżda qabel ma l‑Indjan laħaq spiċċa, il‑Prinċep dawwar l‑iskorfina fuq għonq iż‑żiemel, u żiemel u rikkieb għosfru minnufih.

Ir‑Re u niesu stennew u stennew, imma l‑Prinċep ma tfaċċax lura. “La tibżgħux,” qal l‑Indjan, “Il‑Prinċep mhu se jiġrilu xejn.”

“Jaqbillek għax b’rasek idur,” qabeż ir‑Re fil‑pront. “Jekk ma jiġix lura fi żmien tliet xhur nikkundannak għall‑mewt.” Wara dan, ir‑Re ordna lis‑suldati biex jixħtu lill‑Indjan il‑ħabs.

Sadanittant, il‑Prinċep baqa’ jtir ’il fuq u ’l fuq. Meta dawwar l‑iskorfina lura biex mingħalih jinżel, ma ġara xejn. Beda jfittex fuq il‑ġisem taż‑żiemel sakemm fl‑aħħar sab skorfina oħra. Malli dawwar din, iż‑żiemel beda jtir ’l isfel lejn l‑art.

Malli fl‑aħħar niżel, kien dlam ċappa, u sab ruħu f’palazz. Dan żgur ma kienx il‑palazz ta’ missieru, u kien jaf li jekk l‑għassiesa kienu jsibu ’l xi ħadd mhux magħruf, kienu jarrestawh jew saħansitra joqtluh. Għalhekk beda miexi bil‑qajla fil‑kurituri sakemm fl‑aħħar laħaq bieb imbexxaq minn fejn kien ħiereġ xi dawl. Daħal inkiss inkiss, u qalb ħafna nisa reqdin lemaħ waħda li seta’ jobsor kienet il‑prinċipessa tal‑palazz.

Mar għarkopptejh maġenbha, u qajjimha bil‑mod. Malli stembħet stagħġbet bid‑dehra tal‑Prinċep, sabiħ u liebes kollu ħwejjeġ fin. Mingħajr ma lissnet kelma, baqgħet tisimgħu hekk kif spjegalha min kien u kif ġie hemm. Wara dan, urietu post fejn seta’ jistaħba sal‑għada filgħodu.

Fi żmien ftit jiem it‑tnejn saru jħobbu ’l xulxin, iżda l‑Prinċep beża’ jitlob lir‑Re jiżżewweġ lil bintu. “Jaħseb li jien sempliċement raġel komuni jekk nidher quddiemu waħdi mingħajr is‑sefturi li għandu jkollu miegħu prinċep.”

Għalhekk baqa’ jitnikker, moħbi fil‑palazz tal‑Prinċipessa għal xahrejn sħaħ, sakemm fl‑aħħar qatagħha li ma setax jistenna aktar. Lill‑Prinċipessa talabha tmur miegħu, u fid‑dalma tal‑lejl, waqt li kulħadd fil‑palazz kien rieqed, rikbu ż‑żiemel imsaħħar u taru lejn il‑Persja.

Niżlu ħdejn waħda mill‑vilel tal‑Prinċep, fejn ħalla lill‑Prinċipessa tistrieħ f’għadd ta’ kmamar lussużi, waqt li hu telaq lejn il‑palazz ta’ missieru biex jagħtih l‑aħbar u jipprepara merħba kif kien jistħoqq lill‑għarusa tiegħu.

Ir‑Re, li kien ħaseb li kien tilef lil ibnu għalkollox, issa kien fis‑seba’ sema. Ordna li jeħilsu lill‑Indjan u jġibuh quddiemu. “Kieku ibni ma ġiex lura, kont titlef ħajtek,” qallu. “Imm’ issa inti ħieles. Aqbad iż‑żiemel tiegħek u itlaq minn dan il‑pajjiż.”

Malli telaq il‑palazz, l‑Indjan malajr sab fejn il‑Prinċipessa kienet qed tistenna lill‑maħbub tagħha, u mar hemm minnufih. Qalilha li kien bagħtu l‑Prinċep biex jiġi għaliha u jwassalha l‑palazz. Għalhekk, kollha ħerqana, il‑Prinċipessa fis rikbet warajh fuq iż‑żiemel l‑imsaħħar.

Tabilħaqq l‑Indjan mexxa liż‑żiemel lejn il‑palazz tar‑Re. Imma ma niżilx. Baqa’ jtir fil‑għoli sakemm ir‑Re u l‑Prinċep rawh mal‑Prinċipessa. Malli raw li ma kienx biħsiebu jinżel, wiċċhom bjad u bdew iħarsu bl‑ikrah lejh, imma ma setgħu jagħmlu xejn. L‑Indjan ħares ’l isfel lejhom bi tbissima sodisfatta, kuntent li kien qiegħed ipattihielhom. Dawwar ras iż‑żiemel u baqa’ jtir sakemm waslu fil‑pajjiż tal‑Kaxmir.

L‑Indjan niżżel liż‑żiemel ħdejn xmara biex ikunu jistgħu jistejqru. Kien f’dak il‑waqt li l‑Prinċipessa semgħet xi żwiemel resqin lejhom. Mingħajr telf ta’ żmien, telqet tiġri lejhom.

Inzerta li l‑mexxej tar‑rikkieba ma kien ħadd ħlief is‑Sultan tal‑Kaxmir, li kien għadu ġej lura mill‑kaċċa. Għalkemm il‑Prinċipessa m’għarfitux, inxteħtet quddiemu u talbitu jsalvaha.

“Dan il‑bniedem huwa impustur! Huwa saħħar u ħatafni mingħajr ir‑rieda tiegħi minn idejn il‑Prinċep tal‑Persja, li biħsiebni niżżewweġ.”

Minħabba s‑sbuħija tagħha u l‑mod kif tkellmet, is‑Sultan emminha minnufih, arresta lill‑Indjan, u ħadha miegħu, fejn taha kamra u xi qaddejja biex iduru biha. Ħallieha tistrieh hemmhekk, u talabha tgħidlu l‑istorja kollha l‑għada filgħodu.

Il‑Prinċipessa serrħet rasha li ladarba s‑Sultan jisma’ l‑istorja tagħha kien se jibgħatha fil‑pront lura għand il‑Prinċep.

Iżda b’xorti ħażina għall‑Prinċipessa, kienet se ssib ruħha f’aktar inkwiet. Is‑Sultan tant issaħħar bis‑sbuħija tagħha li qatagħha li jiżżewwigha llum qabel għada.

***** ***** ***** ***** *****

l‑għada filgħodu qajjimha l‑istorbju ta’ ħafna tnabar u trumbetti.

“Għalfejn din il‑mużika kollha?” staqsiet lil waħda mis‑sefturi tagħha.

“Dik hija parti miċ‑ċerimonja tat‑tieġ,” weġbitha s‑seftura, “Iż‑żwieġ tiegħek mas‑Sultan.”

Bil‑ħasda, il‑Prinċipessa ntilfet minn sensiha u waqgħet mal‑art. Għadda ftit żmien qabel ma ġiet f’tagħha, u ħalfet li tagħmel minn kollox biex ma tiżżewwiġġx lis‑Sultan. Ġietha idea.

Bdiet tgħid ħafna kliem bla sens, u xxejjer idejha ’l hawn u ’l hinn bħal waħda miġnuna. Is‑Sultan ġie biex jaraha, iżda kull meta beda jkellimha bdiet twieġbu b’ħafna kliem bla sens, u għamlet tabirruħha li m’għarfitux.

Il‑“ġenn” tagħha baqa’ sejjer il‑jum kollu, u l‑jum ta’ wara u dak ta’ wara wkoll. Fl‑aħħar is‑Sultan sejjaħ lill‑aqwa tobba tiegħu, u ordnalhom jagħmluha vista wieħed wara l‑ieħor biex jiddeċiedu minn xiex kienet qed issofri.

Il‑Prinċipessa kienet ippreparata għal dan, u hekk kif kull tabib daħal biex jeżaminaha, saret aktar vjolenti, bdiet tgħajru u tfajjar idejha lejh, tant li ma ħalliet lil ebda wieħed minnhom jaraha sew. Kull tabib taha mediċina differenti, u dawn ħadithom għax kienet taf li ma kienu se jagħmlulha l‑ebda effett.

Meta s‑Sultan ra li l‑mediċini tat‑tobba tiegħu ma għamlu xejn, sejjaħ għal tobba oħra minn madwar il‑belt, u wara dan minn bliet oħra, u wara dan minn madwar pajjiżi oħra. Kull darba beda joffri kemxa flus lil min kien jirnexxilu jfejjaqha. Imma naturalment, dan kien kollu għalxejn.

Sadanittant, Il‑Prinċep Firuż kien qiegħed jiġġerra minn post għal ieħor ifittex lill‑maħbuba prinċipessa tiegħu. Fl‑aħħar wasallu l‑għajdut dwar prinċipessa li kienet iġġennet leljet iż‑żwieġ tagħha mas‑Sultan. Minnufih ġera lejn il‑Kaxmir, u malli sar jaf bid‑dettalji kollha tal‑istorja ntebaħ li fl‑aħħar kien sab llil‑prinċipessa tiegħu.

Issa kellu bżonn isib pjan biex jeħlisha minn hemm.

L‑ewwel ħaġa li għamel xtara l‑ilbies ta’ tabib. B’dawk, u bid‑daqna li kienet kibritlu waqt it‑tiftix tiegħu, kien ikun jista’ jgħid li kien tabib. Malli kien lest, mar il‑palazz tas‑Sultan.

“Smajt li hawn prinċipessa li għandha marda li l‑ebda tabib fil‑pajjiż ma jista’ jfejjaq,” qal lis‑Sultan. “Ġejt mill‑bogħod biex noffri s‑sigrieti tal‑mediċina tiegħi – rimedji li s’issa qatt ma fallew.”

Naturalment is‑Sultan emmnu mall‑ewwel bid‑disprament li kien fih, u ħa lit‑“tabib” fil‑kamra fejn kien hemm il‑Prinċipessa. Sabuha mimduda fuq sufan, imbikkma u tgħanni għanja dwar il‑maħbub mitluf tagħha li qatt ma kienet se tara aktar. It‑“tabib” talab li jeżaminaha waħdu, u qorob lejha bil‑mod.

Fil‑mument li lemħet l‑ilbies tat‑tabib, il‑Prinċipessa nfexxet f’rabja liema bħalha, u bdiet tgħajjar li‑“tabib”. Il‑Prinċep ma tax kas il‑kliem aħrax tagħha. Minflok, kompla miexi lejha bil‑kalma sakemm qabdilha idha.

“Ħares lejja sew,” qalilha minn taħt l‑ilsien. “Jien m’iniex tabib. Jien il‑Prinċep Firuż, u ġejt biex neħilsek minn hawn.”

Il‑Prinċipessa berrqet għajnejha mbellha. Ma setgħetx temmen dak li kienet qed tara u tisma’. Il‑Prinċep spjegalha li mal‑ewwel jum li kienet għebet beda jiġri madwar il‑pajjiżi kollha biex isibha. Wara, spjegalha kif setgħu jaħarbu mill‑palazz tas‑Sultan.

L‑ewwel mar għand is‑Sultan u qallu li kien sab kura għal ftit jiem, iżda li kien hemm bżonn isir aktar xogħol biex il‑prinċipessa tfiq għalkollox. Kien hemm xi ħaġa li kien għadu ma jistax jifhem. Waqt it‑taħdit, il‑prinċep fettillu jsaqsi:

“Għidli, Sire. Għaliex il‑Prinċipessa tinsab daqshekk ’il bogħod mill‑palazz ta’ missierha? Kif waslet hawn?”

Is‑Sultan spjega dwar iż‑żiemel stramb li kien jista’ jtir. Qal li ħadd ma kien jaf kif kien jaħdem, u li f’dak il‑waqt kien jinsab fl‑imħażen tat‑teżori tal‑palazz.

“Sire,” kompla l‑Prinċep. “Naħseb naf għalfejn il‑Prinċipessa ma tistax tfiq sew. Jidher ċar li ż‑żiemel għandu xi seħer, u x’aktar dan is‑seħer mess b’xi mod lill‑Prinċipessa wkoll. Imma bil‑misturi tiegħi naħseb li nista’ nħassar dak is‑seħer.

“Jekk tħallini, nista’ noħroġ liż‑żiemel fil‑pjazza fejn inti u l‑poplu tkunu tistgħu taraw spettaklu liema bħalu. Biex insebbħu l‑effett, nissuġġerilek iġġib lill‑Prinċipessa liebsa bl‑ifjen ħwejjeġ u mogħnija bl‑aqwa ġojjelli u djamanti li tista’ ssibilha.”

M’għandiex xi ngħidu s‑Sultan aċċetta minnufih. Ġabar lil niesu fil‑pjazza u ħareġ liż‑żiemel. Is‑Sultan u n‑nobbli tiegħu qagħdu fuq palk speċjali, u dlonk il‑Prinċipessa tfaċċat, kollha mżejna b’ilbies u ġojjelli tal‑għaġeb u mdawra bil‑qaddejja kollha tagħha.

Għenuha tirkeb iż‑żiemel, u t‑“tabib” dendel ftit braċieri mqabbdin madwarha, u raxxilha ftit fwieħa. Wara dan, sallab idejh fuq sidru, u dar tliet darbiet madwar iż‑żiemel, il‑ħin kollha jgedwed minn taħt l‑ilsien taparsi qiegħed jgħid xi kliem maġiku.

Bil‑qajla, duħħan beda tiela’ mill‑braċieri, sakemm fl‑aħħar għatta liż‑żiemel u lill‑Prinċipessa għalkollox. Il‑Prinċep kien qed jistenna dan. Mingħajr ma seta’ jarah ħadd minħabba d‑duħħan, rikeb bil‑mod wara l‑Prinċipessa, dawwar l‑iskorfina fuq għonq iż‑żiemel, u minnufih taru fl‑arja. Qamet għagħa kbira fost il‑folla hekk kulħadd baqa’ mbellah.

Iż‑żiemel waqaf fuq is‑Sultan. “Sultan ta’ Kaxmir,” sejjaħlu l‑Prinċep minn fuq iż‑żiemel, “meta tkun trid tiżżewweġ lil xi prinċipessa li titolbok l‑għajnuna, l‑ewwel kun ċert li titlob il‑permess tagħha!”

F’qasir żmien, iż‑żiemel ma kien xejn għajr dabra ċkejkna fis‑smewwiet. Iż‑żiemel tar dritt lejn il‑Persja, u dlonk niżel fil‑bitħa tal‑palazz tar‑re. Ftit jiem wara, il‑Prinċep Firuż iżżewweġ lill‑maħbuba prinċipessa tiegħu.

***** ***** TMIEM ***** *****

Noti

Braċieri: (singular braċiera). Speċi ta’ plattina żgħira tal‑metall fejn tpoġġi l‑ġamar (biċċiet tal‑faħam jaħraq biex iżomm is‑sħana). [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****